Language of document : ECLI:EU:F:2011:20

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

10 ta’ Marzu 2011

Kawża F-27/10

Christian Begue et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Allowance għal ħaddiema regolarment suġġetti li jibqgħu fuq dmirijiet ta’ riżerva — Artikolu 55 u Artikolu 56b tar-Regolamenti tal-Persunal — Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 495/77”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu C. Begue u 17-il rikorrent ieħor li isimhom jidher fl-anness tas-sentenza jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Frar 2010, li tiċħad l-ilmenti tagħhom kontra d-deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2009 li tirrifjuta li tilqa’ t-talbiet tagħhom għall-ħlas, u dan b’effett retroattiv, ta’ allowance għal min jibqa’ fuq dmirijiet ta’ riżerva stabbilita fl-Artikolu 56b tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kundizzjonijiet tax-xogħol — Allowance għal min jibqa’ fuq dmirijiet ta’ riżerva

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56b; Regolament tal-Kunsill Nru 495/77, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1))

2.      Uffiċjali — Kundizzjonijiet tax-xogħol — Allowance għal min jibqa’ fuq dmirijiet ta’ riżerva

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 55 u 56b; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 31(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88)

1.      Uffiċjal jista’ jitlob l-allowance għal min jibqa’ fuq dmirijiet ta’ riżerva prevista fl-Artikolu 56b tar-Regolamenti tal-Persunal biss jekk ikunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, li għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Fl-ewwel lok, u skont l-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 56b, l-uffiċjal għandu jkun regolarment imġiegħel jibqa’ fuq dmirijiet ta’ riżerva għall-istituzzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol jew id-dar tiegħu barra mis-sigħat normali tax-xogħol. Fit-tieni lok, l-uffiċjal għandu jappartjeni għal dipartiment li għandu wieħed mill-karatteristiċi elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nruº495/77 li jistabbilixxi l-kategoriji ta’ uffiċjali li huma intitolati għal, u l-kundizzjonijiet għal, u r-rati ta’, allowances għal xogħol regolari ta’ stand-by, bħal pereżempju l-karatteristika li jwettaq funzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ prevenzjoni jew dik li jipprovdi appoġġ għall-koordinazzjoni f’każ ta’ emerġenza jew ta’ kriżi.

(ara l-punti 44 u 76)

2.      Dipartiment, jew parti minn dipartiment biss, li jinkludi numru ta’ uffiċjali jew membri tal-persunal jista’ jiġi mġiegħel, bħala grupp, jibqa’ effettivament fuq dmirijiet ta’ riżerva għal 24 siegħa kull jum, tul is-sena kollha u, konsegwentement, jiġġustifika l-għoti ta’ allowance għal min jibqa’ fuq dmirijiet ta’ riżerva prevista fl-Artikolu 56b tar-Regolamenti tal-Persunal lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tiegħu.

Fil-fatt, dipartiment ta’ assistenza 24 siegħa kull jum jeħtieġ organizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol li tkun konformi mar-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-ħarsien tas-saħħa u tas-sigurtà tal-uffiċjali. F’dan ir-rigward, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni tas-sigħat massimi tax-xogħol u għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa, kif ukoll għal perijodu annwali ta’ leave imħallas. Barra minn hekk, sistema ta’ xogħol li ma tippermettix lil ħaddiema jibbenefikaw mid-dritt għal mistrieħ ta’ kuljum, anki f’każ ta’ kuntratt ta’ tul massimu ta’ 80 jum fis-sena, mhux biss ixxejjen dritt individwali speċifikament mogħti mid-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, iżda hija wkoll f’kontradizzjoni mal-għan ta’ din tal-aħħar.

B’hekk jirriżulta li l-allowance għal min jibqa’ fuq dmirijiet ta’ riżerva prevista fl-Artikolu 56b tar-Regolamenti tal-Persunal ma tikkumpensax is-sempliċi fatt li wieħed ikun jista’ jiġi kkuntattjat fi kwalunkwe mument mill-istituzzjoni, hekk kif jippreskrivi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda dak li wieħed ikun effettivament suġġett għal obbligu speċifiku, dak li jkun fuq dmirijiet ta’ riżerva sabiex id-dipartiment li jappartjeni għalih ikun jista’ jkun kontinwament operattiv. B’hekk, il-kunċett ta’ dmirijiet ta’ riżerva regolari fis-sens tal-Artikolu 56b tar-Regolamenti tal-Persunal imur neċessarjament lil hinn mid-disponibbiltà fis-sens tal-Artikolu 55 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 49, 55 u 57 sa 59)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, punt 94; 14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale “Solidaires Isère”, C‑428/09, punti 50, 59 u 60