Language of document : ECLI:EU:F:2011:26

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

17 ta’ Marzu 2011

Kawża F-107/10

AP

vs

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Tardività — Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu AP jitlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Diċembru 2009, li tirrikonoxxi d-dritt tiegħu għall-allowance tad-dar b’effett mill-1 ta’ Lulju 2009, iżda tagħtih il-benefiċċju ta’ din l-allowance biss b’effett mill-1 ta’ Novembru 2009, il-kundanna tal-istituzzjoni għall-ħlas ta’ ammont ekwivalenti għall-allowances tad-dar għall-perijodu li jibda mill-1 ta’ Lulju 2009 sal-31 ta’ Ottubru 2009, miżjud bl-interessi, u, b’mod sussidjarju, il-kundanna tal-istituzzjoni għall-kumpens tad-dannu ekonomiku u morali tiegħu.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Termini — Natura ta’ ordni pubbliku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 100(3))

It-termini ta’ lment u ta’ rikors, previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, huma ta’ ordni pubbliku u ma jistgħux jitħallew fid-diskrezzjoni tal-partijiet jew tal-qorti li għandha tivverifika, anki ex officio, jekk dawn ġewx osservati.

Hija responsabbiltà tal-partijiet li juru diliġenza sabiex jintlaħqu t-termini stabbiliti mit-testi applikabbli. B’hekk, minkejja li r-rikorrent għandu dritt juża l-intier tat-terminu tar-rikors previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal u tat-terminu tad-distanza previst fl-Artikolu 100(3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tali għażla tesponih, madankollu, għall-possibbiltà li r-rikors tiegħu jitqies inammissibbli jekk l-oriġinal tar-rikors jiġi ppreżentat fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wara l-ħin allokat għal raġunijiet li ma jaqgħux la taħt il-każ fortuwitu u lanqas taħt il-forza maġġuri.

(ara l-punti 5 u 9)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ Ġunju 2000, Politi vs Fondation européenne pour la formation, C‑154/99 P, punt 15; 8 ta’ Novembru 2007, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑242/07 P, punt 17; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Jannar 2009, Braun-Neumann vs Il‑Parlament, T‑306/08 P, punt 36; 12 ta’ Ottubru 2009, Aayhan et vs Il‑Parlament, T‑283/09 P, punt 19; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 12 ta’ Mejju 2010, Peláez Jimeno vs Il‑Parlament, F‑13/09, punt 18