Language of document : ECLI:EU:C:2012:208

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fis-17 ta’ April 2012 (1)

Kawża C‑176/11

HIT hoteli, igralnice, turizem dd Nova Gorica

HIT LARIX, prirejanje posebnih iger srečo in turizem dd

vs

Bundesminister für Finanzen

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija)]

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi, fit-territorju tiegħu, ir-reklamar li jippromwovi l-casinos li jinsabu fi Stati oħrajn meta l-livell ta’ protezzjoni legali tal-ġugaturi fl-Istat ikkonċernat ma jkunx ikkunsidrat bħala ekwivalenti għal-livell ta’ protezzjoni nazzjonali”






1.        Il-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ifformulata kif ġej:

“Regola stabbilita minn Stat Membru, li tipprovdi li reklamar li jippromwovi l-istabbilimenti barranin ta’ cażino li jinsabu f’dan l-istess Stat [reklamar li jippromwovi fl-imsemmi Stat stabbilimenti ta’ każinos li jinsabu barra l-imsemmi Stat] huwa awtorizzat biss bil-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet legali applikabbli f’dawn l-istabbilimenti fil-qasam tal-protezzjoni ta’ min jilgħab ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, hija konċiljabbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi?”

2.        Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda hija meħtieġa sabiex tkun tista’ tippermettilha tiddeċiedi r-rikors ippreżentat minn żewġ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata stabbiliti fis-Slovenja, jiġifieri HIT hoteli, igralnice, turizem dd Nova Gorica u HIT LARIX, prirejanje posebnih iger na srečo in turizem dd (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) kontra l-Bundesminister für Finanzen (Ministru Federali tal-Finanzi) fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħudin minn dan tal-aħħar li bihom ċaħad it-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li riedu jiksbu awtorizzazzjoni sabiex jirreklamaw fl-Awstrija l-istabbilimenti tagħhom tal-logħob tal-ażżard li jinsabu fis-Slovenja.

3.        Id-deċiżjonijiet ikkontestati tal-Bundesminister für Finanzen kienu bbażati fuq il-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jgawdu minn konċessjonijiet biex jorganizzaw ċertu logħob tal-ażżard fis-Slovenja, ma kinux stabbilixxew li d-dispożizzjonijiet legali tas-Slovenja fir-rigward tal-protezzjoni tal-ġugaturi huma tal-inqas analogi mad-dispożizzjonijiet legali Awstrijaċi, li hija waħda mill-kundizzjonijiet sabiex tingħata awtorizzazzjoni sabiex isir reklamar fl-Awstrija għall-casinos barranin.

 Leġiżlazzjoni nazzjonali

4.        Fl-Awstrija, il-logħob tal-ażżard huwa rregolat mil-Liġi federali dwar il-logħob tal-ażżard (Glücksspielgesetz, BGBl. Nru 620/1989, iktar ’il quddiem il-“GSpG”).

5.        L‑Artikolu 3 tal‑GSpG jistabbilixxi monopolju tal‑Istat fir‑rigward tal‑logħob tal‑ażżard billi jipprovdi li d‑dritt li jiġi organizzat u operat dan il‑logħob huwa rriżervat, bħala prinċipju għall‑Istat, fin‑nuqqas ta’ dispożizzjoni kuntrarja prevista f’din il‑liġi.

6.        Skont l‑Artikolu 21(1) tal‑GSpG, il-Bundesminister für Finanzen huwa awtorizzat li jagħti d‑dritt li jiġi organizzat u operat logħob tal‑ażżard billi joħroġ konċessjonijiet għall‑operat ta’ casinos.

7.        Ir-reklamar tal-casinos huwa rregolat fl-Artikolu 56 tal-GSpG. Il-verżjoni attwali ta’ dan l-artikolu tirriżulta minn emenda għall-GSpG magħmula mil-liġi tas-26 ta’ Awwissu 2008 (BGBl. I Nru 126/2008). Din l-emenda ġiet adottata wara proċedura ta’ ksur miftuħa mill-Kummissjoni (2) li lmentat fil-konfront tal-Awstrija dwar il-verżjoni preċedenti tal-Artikolu 56 tal-GSpG li kien jipprovdi għall-projbizzjoni li jsir reklamar għall-casinos barranin. Il-verżjoni attwali tal-Artikolu 56 tal-GSpG hija fformulata kif ġej:

“(1) Il-konċessjonarji u d-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet skont din il-liġi għandhom josservaw attitudni responsabbli fir-reklami tagħhom. L-osservanza ta’ din l-attitudni hija suġġetta għal sorveljanza esklużiva tal-Ministru Federali tal-Finanzi u ma tistax tagħti lok għal azzjoni fuq il-bażi tal-Artikoli 1 et seq tal-liġi Federali kontra l-kompetizzjoni żleali. L-obbligu previst fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu ma jikkostitwixxix regola ta’ protezzjoni fis-sens tal-Artikolu 1311 tal-Kodiċi Ċivili.

(2) Skont il-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 1, il-casinos tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea jistgħu jħajru lill-klijenti Awstrijaċi, permezz tar-reklamar, sabiex imorru fl-istabbilimenti barranin li jinsabu fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea, bil-kundizzjoni li l-operatur tal-casino jkun kiseb f’dan is-sens awtorizzazzjoni tal-Ministru Federali tal-Finanzi. Awtorizzazzjoni bħal din għandha tingħata meta l-operatur tal-casino jkun ipproduċa l-prova lill-Ministru Federali tal-Finanzi li:

1.     il-konċessjoni mogħtija għall-operazzjoni tal-casino tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 21 ta’ din il-liġi u hija operata fil-pajjiż li jkun ta’ konċezzjoni, li għandu jkun Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea, u

2.     id-dispożizzjonijiet legali adottati minn dan l-Istat Membru dwar il-protezzjoni tal-ġugaturi jikkorrispondu tal-inqas mad-dispożizzjonijiet legali Awstrijaċi.

Jekk il-miżuri ta’ reklamar ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-paragrafu (1), il-Ministru Federali tal-Finanzi jista’ jipprojbixxi kull reklamar lill-operatur tal-casino barrani.”

 Kunsiderazzjonijiet

8.        Għat-tielet darba d-dispożizzjonijiet tal-GSpG ispiraw lill-qrati Awstrijaċi sabiex jagħmlu domandi preliminari ħalli jikkjarifikaw ir-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew, jekk ikun il-każ, dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Fl-ewwel każ, kien hemm b’mod partikolari l-obbligu fuq id-detenturi tal-konċessjonijiet tal-operazzjoni ta’ casinos li jkollhom is-sede tagħhom fit-territorju nazzjonali (3). Fit-tieni każ, kien hemm b’mod partikolari monopolju għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-casino kkummerċjalizzat bl-internet favur operatur wieħed (4).

9.        Fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar regola Awstrijaka li tawtorizza r-reklamar intiż sabiex jippromwovi casinos barranin bil-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet legali adottati mill-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-casino fir-rigward tal-protezzjoni tal-ġugaturi jkunu ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet legali Awstrijaċi. Il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk ir-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jipprekludux regola bħal din.

10.      Mad-daqqa ta’ għajn jidher li d-domanda preliminari trid teżamina u, sussegwentement, tqabbel il-livell ta’ protezzjoni tal-ġugaturi fl-Awstrija u fis-Slovenja. Iżda fil-verità ma huwiex hekk. Dan il-kompitu jaqa’ fuq il-qorti tar-rinviju. Il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex isir paragun tal-livelli ta’ protezzjoni tal-ġugaturi fl-ordinamenti ġuridiċi differenti ma jagħmlux parti, għaldaqstant, mir-riflessjoni li nesprimi f’dawn il-konklużjonijiet. Madankollu għandi nosserva li għandi dubji dwar il-possibbiltà li nagħmel tali paragun b’mod effettiv minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tal-logħob tal-flus u tal-ażżard (5), kif ukoll minħabba l-varjetà tal-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam fl-Istati Membri.

11.      Sabiex tingħata r-risposta għad-domanda preliminari, għandhom jiġu kkunsidrati żewġ elementi. Fl-ewwel lok, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ “servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE huwa intiż mhux biss għall-attivitajiet li jippermettu lill-utenti li jipparteċipaw, għal remunerazzjoni, f’logħba tal-flus, iżda wkoll fl-attività tal-promozzjoni tal-logħob tal-flus, kif inhu l-każ f’din il-kawża, billi attività bħal din tikkostitwixxi biss modalità konkreta ta’ organizzazzjoni u ta’ operazzjoni tal-logħob li hija marbuta miegħu (6). Isegwi li l-attività ta’ promozzjoni ta’ logħob tal-flus tibbenefika mill-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita mill-Artikolu 56 TFUE. Madankollu, tali restrizzjonijiet jistgħu jiġu aċċettati bħala miżuri derogatorji espressament previsti fl-Artikoli 51 TFUE u 52 TFUE applikabbli f’dan il-qasam skont l-Artikolu 62 TFUE, jew iġġustifikati permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sakemm dawn josservaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (7).

12.      Fit-tieni lok, kif osservat il-qorti tar-rinviju, li qablu magħha l-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja (8), ma huwiex ikkontestat f’din il-kawża li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka li tissuġġetta l-għoti tal-awtorizzazzjoni ta’ reklamar intiża li tippromwovi casinos barranin bil-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet legali adottati mill-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-casino fir-rigward tal-protezzjoni tal-ġugaturi jkunu ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet legali Awstrijaċi, tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

13.      Fid-dawl taż-żewġ elementi msemmijin iktar ’il fuq, jidher għaldaqstant b’mod ċar li l-għan tad-domanda preliminari huwa, għalhekk, limitat sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ostakolu magħmul hawnhekk għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi huwiex iġġustifikat jew le.

14.      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat sa fejn regola bħal dik li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni, li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ reklamar intiż sabiex jippromwovi casinos barranin bil-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet legali adottati mill-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-casino dwar il-protezzjoni tal-ġugaturi jkunu ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali applikabbli f’dan il-qasam, tistax tkun iġġustifikata għal raġunijiet ta’ “ordni pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika”, skont l-enumerazzjoni tal-Artikolu 52 TFUE (9), applikabbli f’dan il-qasam skont l-Artikolu 62 TFUE, jew ukoll għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, ammessi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

15.      Fost dawn ir-raġunijiet hemm b’mod partikolari l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, l-għan tal-prevenzjoni tal-frodi u tal-inċitazzjoni taċ-ċittadini għal nefqa eċċessiva marbuta mal-logħob u kif ukoll l-għan tal-prevenzjoni ta’ problemi ta’ natura soċjali inġenerali (10). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li, fil-qasam tal-logħob u tal-imħatri, fejn l-eċċessi għandhom konsegwenzi soċjali ta’ ħsara, jistgħu jkunu ġġustifikati leġiżlazzjonijiet nazzjonali intiżi sabiex jevitaw li tiġi stimulata d-domanda u, għall-kuntrarju, jiġi limitat l-isfruttament tal-passjoni tal-bnedmin għal-logħob (11).

16.      F’dan ir-rigward għandha titfakkar ukoll il-ġurisprudenza stabbilita li l-karatteristiċi ta’ ordni morali, reliġjuża jew kulturali kif ukoll il-konsegwenzi moralment u finanzjarjament dannużi għall-individwu u għas-soċjetà li huma relatati mal-logħob u l-imħatri jistgħu jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw l-eżistenza favur l-awtoritajiet nazzjonali ta’ setgħa diskrezzjonali suffiċjenti sabiex jiġu ddeterminati r-rekwiżiti li jinkludu l-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ordni soċjali. Konsegwentement, fil-prinċipju, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu l-għanijiet tal-politika tagħhom dwar il-logħob tal-ażżard u tal-flus u, jekk ikun il-każ, li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mixtieq (12).

17.      Fir-rigward ta’ ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi inkwistjoni, jiġifieri regola li tissuġġetta r-reklamar intiż sabiex jippromwovi casinos barranin bil-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet legali adottati mill-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-casino fir-rigward tal-protezzjoni tal-ġugaturi jkunu ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali, jidher li dak l-ostakolu għandu effettivament għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. F’dan ir-rigward, il-Gvern Awstrijak allega li l-leġiżlazzjoni tar-reklamar tal-casinos barranin kienet intiża b’mod partikolari sabiex tipproteġi l-konsumaturi kif ukoll għall-ġlieda b’mod partikolari kontra l-vizzju tal-logħob billi l-casinos jiġu pprojbiti milli jħajru l-individwi milli jilgħabu b’mod eċċessiv. Naturalment, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dispożizzjoni nazzjonali tridx fil-fatt tilħaq dawn l-għanijiet imsemmijin (13).

18.      Fi kwalunkwe każ, ma għandhomx jintesew il-kundizzjonijiet l-oħrajn li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ġustifikazzjoni ta’ ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Skont din il-ġurisprudenza, ostakolu bħal dan għandu jkun xieraq sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan mixtieq, u ma għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-għan. Barra minn hekk, għandu jiġi applikat b’mod mhux diskriminatorju (14).

19.      F’dan l-istadju tar-riflessjoni tiegħi, jidhirli li tajjeb li għal darba oħra nidentifika, f’dan il-każ, ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Din hija “regola li tissuġġetta r-reklamar intiż sabiex jippromwovi casinos barranin għall-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet legali adottati mill-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-casino fil-qasam tal-protezzjoni tal-ġugaturi jkunu ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet legali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandu jsir dak ir-reklamar.” Din ir-regola hija ekwivalenti għal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ta’ reklamar intiż sabiex jippromwovi casinos barranin.

20.      Huwa veru li fil-kawża li wasslet għas-sentenza Sjöberg u Gerdin (15), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-projbizzjoni li jsir reklamar indirizzat lir-residenti tal-Istat Membru għal-logħob tal-ażżard organizzat fi Stati Membri oħrajn għall-finijiet ta’ profitt minn operaturi privati bħala ostakolu ġġustifikat għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-leġiżlazzjoni Svediża li minnha oriġinaw id-domandi preliminari f’dik il-kawża kellha għan differenti minn dak mixtieq mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri l-għan intiż li tiddaħħal limitazzjoni stretta tan-natura ta’ profitt tal-operazzjoni tal-logħob tal-ażżard. Għal din ir-raġuni, ma jistax jiġi konkluż li, jekk projbizzjoni totali tar-reklamar kienet iġġustifikata, l-istess għandu jingħad, skont l-argument a majori ad minus, għal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tar-reklamar.

21.      Fil-fatt ma neskludix li sistema bħal din tista’, bħala tali tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi u, għaldaqstant, tiġi kkunsidrata bħala meħtieġa sabiex dak l-għan jintlaħaq. Għalhekk, tali sistema, anki jekk tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tista’ tintuża bħala miżura ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

22.      Madankollu, l-evalwazzjoni ta’ sistema konkreta ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tiddependi mill-kundizzjonijiet definiti għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni. F’din il-kawża, l-għoti tal-awtorizzazzjoni hija kkundizzjonata mill-obbligu tal-operatur tal-casino li jipprova li l-livell legali tal-protezzjoni tal-ġugaturi fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-casino jkun ekwivalenti għal dak tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandu jsir ir-reklamar.

23.      Jiena tal-fehma li sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel orjentata b’dan il-mod tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi, għal żewġ raġunijiet.

24.      Fl-ewwel lok, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel inkwistjoni tista’ tirrappreżenta projbizzjoni totali “moħbija” ta’ reklamar intiż sabiex jippromwovi casinos barranin. Dan ikun il-każ jekk l-awtoritajiet tal-Istat Membru inkwistjoni jikkunsidraw b’mod sistematiku li l-livell legali ta’ protezzjoni tal-ġugaturi fl-Istati Membri l-oħrajn kollha huwa inqas minn dak li jeżisti fl-Istat tagħhom stess (16). F’dan ir-rigward, nixtieq nerġa’ nfakkar id-dubji tiegħi dwar il-possibbiltà li jsir paragun effettiv tal-livelli ta’ protezzjoni tal-ġugaturi li jeżistu fl-ordinamenti ġuridiċi differenti, fid-dawl tan-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tal-logħob tal-flus u tal-ażżard, kif ukoll tal-varjetà ta’ leġiżlazzjonijiet f’dan il-qasam fl-Istati Membri.

25.      Fit-tieni lok, u fi kwalunkwe każ, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel inkwistjoni twassal, fl-aħħar nett, għal diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini ta’ min jagħmel it-talba, peress li l-operaturi tal-casino li jitolbu awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 56(2) tal-GSpG jiġu evalwati skont l-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-casino u, b’mod iktar partikolari, tal-ordinament ġuridiku tiegħu. Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 56 tal-GSpG, l-awtoritajiet Awstrijaċi ser jistabbilixxu, gradwalment, il-lista tal-Istati Membri li l-ordinament ġuridiku tagħhom ma jissodisfax il-kundizzjoni tal-livell ekwivalenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-ġugaturi u, għaldaqstant, dawk li jagħmlu talbiet wara jiġu ġġudikati biss skont l-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-casino kkonċernat.

26.      Barra minn hekk, l-għoti ta’ awtorizzazzjoni jiddependi biss mill-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru, mingħajr ma l-livell reali ta’ protezzjoni tal-ġugaturi żgurata mill-operatur tal-casino jittieħed inkunsiderazzjoni. Kif osservat ġustament il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, l-operaturi tal-casino ma għandhom l-ebda influwenza fuq din il-kwistjoni.

27.      Bħala konklużjoni, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra reklamar intiż sabiex jippromwovi casinos li jinsabu barra mill-pajjiż, tista’ titwettaq b’miżuri inqas restrittivi milli b’sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, li tikkundizzjona l-għoti ta’ awtorizzazzjoni bl-obbligu tal-operatur tal-casino li jipproduċi l-prova li l-livell legali tal-protezzjoni tal-lagħaba fl-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ dak il-casino jkun ekwivalenti għal dak tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandu jsir ir-reklamar.

 Konklużjoni

28.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof:

“L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tikkundizzjona awtorizzazzjoni ta’ reklamar intiż għall-promozzjoni ta’ casinos li jinsabu barra mill-pajjiż għall-obbligu tal-operatur tal-casino li jipproduċi l-prova li l-livell legali tal-protezzjoni tal-ġugaturi fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-imsemmi casino jkun ekwivalenti għal dak tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandu jsir ir-reklamar.


1 —      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 —      Il-Kummissjoni ddeċidiet li tarkivja l-proċedura ta’ ksur Nru 2006/4265 kontra l-Awstrija wara l-emenda tal-Artikolu 56 tal-GSpG magħmula mil-Liġi tas-26 ta’ Awwissu 2008 (ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni IP/09/1479).


3 —      Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Engelmann (C‑64/08, Ġabra p. I-8219).


4 —      Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Dickinger u Ömer (C‑347/09, Ġabra p. I-8185).


5 —      Skont il-premessa 25 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36), l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard huma esklużi wkoll mill-kamp tal-applikazzjoni tagħha inkunsiderazzjoni tal-ispeċifiċità ta’ dawn l-attivitajiet.


6 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler, (C‑275/92, Ġabra p. I-1039/92, punt 22); tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, Ġabra p. I-8015, punt 43), kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2010, Stoß et (C‑316/07, C‑358/07, C‑359/07, C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, Ġabra p. I-8069, punt 56).


7 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone, (C‑72/10 u C‑77/10, punt 71).


8 —      Saru osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll mill-Gvernijiet Belġjan, Spanjol, Grieg, Awstrijak u Portugiż, kif ukoll mill-Kummissjoni.


9 —      Ma jidhirlix li huwa meħtieġ f’din il-kawża li tiġi applikata deroga għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 51 TFUE. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-attivitajiet inkwistjoni, li jirrigwardaw il-qasam tal-logħob tal-ażżard, ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet li għandhom x’jaqsmu, anki okkażjonalment, mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.


10 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C-360/04, Ġabra p. I‑1891, punt 48); tat-8 ta’ Lulju 2010, Sjöberg u Gerbin (C‑447/08 u C‑448/08, Ġabra p. 1—6917, punt 36), kif ukoll Costa u Cifone, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7; punt 71).


11 —      Sentenza Stoß et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, Zeturf (C‑212/08, Ġabra p. I-5633), punti 39 u 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


13 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dickinger u Ömer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 51).


14 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli (C‑243/01, Ġabra p. I‑13031, punt 24).


15 —      Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


16 —      Il-fatt, ikkonfermat mill-Gvern Awstrijak matul is-seduta li, sal-lum, ebda awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 56(2) tal-GSpG, ma kienet ingħatat, jagħti wkoll indikazzjoni f’dan is-sens.