Language of document : ECLI:EU:F:2011:15

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

15 ta’ Frar 2011

Kawża F-104/10 R

Mario Alberto de Pretis Cagnodo u Serena Trampuz de Pretis Cagnodo

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Urġenza — Assenza”

Suġġett: Talba mressqa skont l-Artikoli 278 TFUE u 157 KEEA kif ukoll skont l-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tagħha M. A. de Pretis Cagnodo u martu, S. Trampuz de Pretis Cagnodo, jitolbu s-sospensjoni tal-“proċedura ta’ nfurzar ta’ rkupru” ta’ somom li jikkorrispondu għal spejjeż tal-isptar ta’ S. Trampuz de Pretis Cagnodo.

Deċiżjoni: It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — “Fumus boni juris” — Urġenza — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Ordni ta’ eżami u metodu ta’ verifika — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dannu gravi u irreparabbli — Oneru tal-prova — Dannu strettament pekunjarju

(Artikolu 278 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Rikors — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw, prima facie, l-għoti tal-miżuri mitluba

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 35(1)(d) u 102(2) u (3))

1.      Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom b’mod partikolari jispeċifikaw, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-għoti tal-miżuri mitluba minnhom.

Il-kundizzjonijiet dwar l-urġenza u l-prima facie tal-merti tat-talba (fumus boni juris) huma kumulattivi, b’tali mod li talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda jekk hemm nuqqas ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu wkoll, fejn xieraq, jipproċedi għal ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami globali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-mod kif dawn il-kundizzjonijiet differenti għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, peress li ebda dispożizzjoni legali ma timponi fuqu mudell ta’ analiżi stabbilit minn qabel sabiex tiġi evalwata l-ħtieġa li jiġu ordnati miżuri provviżorji.

(ara l-punti 15 sa 17)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 10 ta’ Settembru 1999, Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, T‑173/99 R, punt 18; 9 ta’ Awwissu 2001, De Nicola vs BEI, T‑120/01 R, punti 12 u 13; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 31 ta’ Mejju 2006, Bianchi vs ETF, F‑38/06 R, punti 20 u 22

2.      In-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed deċiżjoni provviżorjament, sabiex jiġi evitat li jsir dannu gravi u irreparabbli lill-parti li titlob il-miżuri provviżorji, filwaqt li huwa ċar li dannu ta’ natura finanzjarja ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġi kkunsidrat bħala irreparabbli jew anki diffiċilment reparabbli, peress li b’mod ġenerali dan jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens finanzjarju sussegwenti.

Anki fil-każ ta’ dannu ta’ natura purament pekunjarja, miżura provviżorja hija ġġustifikata jekk jidher li, fin-nuqqas ta’ din il-miżura, il-parti li titlobha tkun f’sitwazzjoni li tista’ tipperikola l-vijabbiltà finanzjarja tagħha, peress li ma jkollhiex somma li normalment tippermettilha tilħaq l-ispejjeż kollha meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-bżonnijiet bażiċi jiġu sodisfatti sakemm tittieħed deċiżjoni fuq ir-rikors prinċipali.

Madankollu, sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk l-allegat dannu għandux natura gravi u irreparabbli u għalhekk jiġġustifika, eċċezzjonalment, s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu, f’kull każ, ikollu indikazzjonijiet konkreti u preċiżi, sostnuti minn dokumenti ddettaljati li juru s-sitwazzjoni finanzjarja tal-parti li titlob il-miżura provviżorja u li jippermettu li jiġu evalwati l-konsegwenzi li jirriżultaw, preżumibbilment, min-nuqqas tal-miżuri mitluba.

Fi kwalunkwe każ, hija l-parti li titlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni kkontestata li għandha tipproduċi l-prova li ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċeduri prinċipali mingħajr ma jkollha ssofri dannu gravi u irreparabbli.

(ara l-punti 23 sa 26)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Jannar 1988, Top Hit Holzvertrieb vs Il‑Kummissjoni, 378/87 R, punt 18; 18 ta’ Ottubru 1991, Abertal et vs Il‑Kummissjoni, C‑213/91 R, punt 18; 11 ta’ April 2001, Il‑Kummissjoni vs Cambridge Healthcare Supplies, C‑471/00 P(R), punt 113; 7 ta’ Mejju 2002, Aden et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑306/01 R, punt 94; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 2 ta’ April 1998, Arbeitsgemeinschaft Deutscher Luftfahrt-Unternehmen u Hapag-Lloyd vs Il‑Kummissjoni, T‑86/96 R, punti 64, 65 u 67; 16 ta’ Lulju 1999, Hortiplant vs Il‑Kummissjoni, T‑143/99 R, punt 18; 3 ta’ Lulju 2000, Carotti vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑163/00 R, punt 8; 15 ta’ Ġunju 2001, Bactria vs Il‑Kummissjoni, T‑339/00 R, punt 94; 18 ta’ Ottubru 2001, Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis vs Il‑Kummissjoni, T‑196/01 R, punt 32; 15 ta’ Novembru 2001, Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, T‑151/01 R, punt 187; 3 ta’ Diċembru 2002, Neue Erba Lautex vs Il‑Kummissjoni, T‑181/02 R, punt 82; 13 ta’ Ottubru 2006, Vischim vs Il‑Kummissjoni, T‑420/05 R II, punti 83 u 84; 25 ta’ April 2008, Vakakis vs Il‑Kummissjoni, T‑41/08 R, punt 52

3.      F’każ ta’ allegat dannu pekunjarju, l-istampa fidila u globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-parti li titlob il-miżura provviżorja għandha tiġi pprovduta, minn din tal-aħħar, fl-istadju tat-tressiq tat-talba għal miżuri provviżorji. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikolu 35(1)(d) u tal-Artikolu 102(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, talba għal miżuri provviżorji għandha tippermetti, minnha nnifisha, lill-konvenut jipprepara l-osservazzjonijiet tiegħu u lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jiddeċiedi, jekk ikun xieraq, mingħajr is-sostenn tal-ebda informazzjoni oħra, peress li l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom din hija bbażata għandhom jirriżultaw mit-test stess tat-talba għal miżuri provviżorji.

(ara l-punt 28)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja Aden et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52; Il-Qorti Ġenerali 15 ta’ Jannar 2001, Stauner et vs Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni, T‑236/00 R, punt 34; 23 ta’ Mejju 2005, Dimos Ano Liosion et vs Il‑Kummissjoni, T‑85/05 R, punt 37; 4 ta’ Frar 2010, Il‑Portugall vs Transnáutica u Il‑Kummissjoni, T‑385/05 TO R, punti 11 sa 13