Language of document : ECLI:EU:F:2011:7

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

4 ta’ Frar 2011

Kawża F-34/10

Oscar Orlando Arango Jaramillo et

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Riforma tal-iskema tal-pensjoni — Rikors tardiv — Inammissibbiltà”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li permezz tiegħu J. Arango Jaramillo u 34 membru ieħor tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jitolbu l-annullament tar-rendikonti tar-remunerazzjoni tagħhom ta’ Frar 2010, sa fejn huma juru d-deċiżjonijiet tal-BEI li jżid il-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-iskema tal-pensjoni, kif ukoll il-kundanna tal-BEI sabiex iħallashom id-danni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikors — Termini — Rekwiżit ta’ terminu raġonevoli

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

2.      Proċedura — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Dekadenza — Każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri — Kunċett

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45)

1.      Fin-nuqqas fit-Trattat FUE u fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment ta’ kwalunkwe indikazzjoni dwar it-terminu għall-preżentata ta’ rikors applikabbli għat-tilwim bejn il-Bank u l-membri tal-persunal tiegħu, il-qorti tal-Unjoni, wara li bbilanċjat, minn naħa waħda, id-dritt tal-parti fil-kawża għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali, tiddeċiedi b’mod konsistenti li t-tilwim bejn il-Bank u l-membri tal-persunal tiegħu għandu jinġieb quddiemha f’terminu raġonevoli u tqis, billi tibbaża ruħha fuq il-kundizzjonijiet relatati mat-termini għall-preżentata ta’ rikors iddefiniti mill-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li terminu ta’ tliet xhur għandu, fil-prinċipju, jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli.

L-applikazzjoni stretta ta’ regoli dwar it-termini għar-rikorsi tal-membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment ma tistax, minnha nnifisha, taffettwa d-dritt għal rikors effettiv, peress li tali regoli huma intiżi li jiżguraw l-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

(ara l-punti 14 u 20)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Mejju 2002, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑406/01, punt 20; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T‑7/98, T‑208/98 u T‑109/99, punti 97 sa 99, 100, 101, 107 u 119, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Il-kunċetti ta’ każ fortuwitu u ta’ forza maġġuri jinkludu element oġġettiv, relatat maċ-ċirkustanzi anormali u indipendenti mir-rieda tal-persuna li għandha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuqhom, u element suġġettiv relatat mal-obbligu, għall-persuna kkonċernata, li tipproteġi ruħha mill-konsegwenzi tal-avveniment anormali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma tagħmel sagrifiċċji eċċessivi. B’mod partikolari, il-persuna kkonċernata għandha tosserva bir-reqqa l-iżvolġiment tal-proċedura mibdija, u b’mod partikolari, tkun diliġenti sabiex tosserva t-termini previsti.

Meta rikors jiġi ppreżentat b’mezz elettroniku fl-aħħar ġurnata qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, fil-11.59 ta’ filgħaxija, u jasal fl-indirizz elettroniku tar-reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-għada, f’0.00, jiġifieri inqas minn żewġ minuti tard, tali dewmien ma jistax jiġi kkunsidrat bħala avveniment anormali fis-sens tal-ġurisprudenza fuq il-forza maġġuri u l-każ fortuwitu, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-problemi li jistgħu jaffettwaw it-trażmissjoni ta’ messaġġi elettroniċi u li jirriżultaw, pereżempju, fi tħaddim ħażin li jaffettwa l-fornituri ta’ servizz ta’ min jibgħat jew ta’ min jirċievi l-messaġġi.

(ara l-punti 23 u 24)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Diċembru 1994; Bayer vs Il‑Kummissjoni, C‑195/91 P, punt 32