Language of document : ECLI:EU:F:2011:8

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

4 ta’ Frar 2011

Kawża F-54/10

Luc Verheyden

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li jittrażmetti informazzjoni dwar persuni fiżiċi lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani — Effetti ta’ sentenza fir-rigward ta’ terzi — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Verheyden jitlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tħallsu l-istess kumpens ta’ EUR 3 000 bħal dak li hija kienet ikkundannata mit-Tribunal għas-Servizz li tħallas lil kull rikorrent fil-kawżi li taw lok għas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-28 ta’ April 2009, Violetti et vs Il-Kummissjoni (F‑5/05 u F‑7/05).

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Proċedura — Eżami tal-mertu qabel eżami tal-ammissibbiltà — Ammissibbiltà

2.      Uffiċjali — Ugwaljanza fit-trattament — Trattament differenti tad-destinatarji ta’ deċiżjonijiet individwali simili, uħud li kellhom suċċess fi proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw dawn id-deċiżjonijiet u oħrajn le — Assenza ta’ diskriminazzjoni

3.      Uffiċjali — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Portata — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

1.      Il-qorti tal-Unjoni tista’ tevalwa jekk, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, rikors għandux, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud fuq il-mertu, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tiegħu.

(ara l-punt 31)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Bohringer, C‑23/00 P, punti 51 u 52

2.      Id-destinatarji ta’ diversi deċiżjonijiet individwali simili, adottati fil-kuntest ta’ proċeduri komuni, jistgħu jiġu ttrattati b’mod differenti fejn uħud minnhom biss kisbu l-annullament ġudizzjarju filwaqt li oħrajn ma kellhomx suċċess fil-proċeduri quddiem il-qrati kompetenti.

Is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal li r-rikors tiegħu ġie miċħud minħabba inammissibbiltà hija oġġettivament differenti minn dik ta’ uffiċjali oħrajn li ppreżentaw ir-rikorsi tagħhom fit-termini għall-preżentata ta’ rikors kontenzjużi, kisbu għaldaqstant rikonoxximent ta’ żball li twettaq kontrihom u, f’dawn il-kundizzjonijiet, setgħu jiksbu kundanna tal-istituzzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Minn dan isegwi li l-istituzzjoni ma kisritx manifestament il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi rrifjutat li tħallas lill-persuna kkonċernata l-istess somma bħall-uffiċjali l-oħrajn.

(ara l-punti 34 u 35)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, punti 49 sa 71

3.      Skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura, l-amministrazzjoni għandha l-obbligu, meta tiddeċiedi rigward is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u, b’hekk, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat. L-istituzzjonijiet jistgħu wkoll, sabiex juru premura partikolari fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħhom, jestendu l-benefiċċju ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji favorevoli għal uffiċjali oħrajn lil ċerti uffiċjali li ma kkontestawx fit-termini d-deċiżjonijiet individwali li jikkonċernawhom.

Madankollu fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjoni kkonċernata żammitx ruħha f’limiti raġonevoli u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

(ara l-punti 36 u 37)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 4 ta’ Frar 1987, Maurissen vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 417/85, punt 12; 11 ta’ Jannar 2001, Gevaert vs Il‑Kummissjoni, C‑389/98 P, punti 44, 45 u 56; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Settembru 1998, Haas et vs Il‑Kummissjoni, T‑3/96, punt 53; 16 ta’ Marzu 2004, Afari vs BĊE, T‑11/03, punt 42