Language of document : ECLI:EU:F:2010:170

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

15 ta’ Diċembru 2010

Kawżi magħquda F-95/10 R u F-105/10 R

Eberhard Bömcke

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Rappreżentanti tal-persunal — Riżenzja ex officio — Fumus boni juris — Assenza”

Suġġett: Rikorsi ppreżentati, minn naħa, taħt l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI u, min-naħa l-oħra, taħt l-Artikoli 278 TFUE u 157 KEEA, kif ukoll taħt l-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tagħhom E. Bömcke qiegħed jitlob, fl-ewwel lok, is-sospensjoni tad-deċiżjoni tal-BEI, tat-22 ta’ Settembru 2010, li tikkonstata li l-mandat tiegħu bħala r-rappreżentant tal-persunal kien skada minħabba li kien ilu nieqes mix-xogħol għal iktar minn erba’ xhur konsekuttivi, fit-tieni lok, is-sospensjoni tad-deċiżjoni tal-BEI, tat-12 ta’ Ottubru 2010, li tikkonferma li l-mandat tiegħu bħala r-rappreżentant tal-persunal kien skada, kif ukoll is-sospensjoni tal-elezzjoni parzjali tal-kumitat tal-persunal li kienet intiża sabiex jimtela l-mandat tiegħu li kien sar vakanti u li kellha ssir bejn l-1 u t-8 ta’ Diċembru 2010.

Deċiżjoni: It-talbiet għal miżuri provviżorji fil-Kawżi magħquda F‑95/10 R u F‑105/10 R huma miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — “Fumus boni juris” — Urġenza — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Ordni ta’ eżami u metodu ta’ verifika — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

2.      Uffiċjali — Leave tal-mard — Ritorn antiċipat fis-servizz — Ammissibbiltà

1.      Fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, il-kundizzjonijiet dwar l-urġenza u l-fondatezza prima facie tat-talba (fumus boni juris) huma kundizzjonijiet kumulattivi, b’tali mod li talba għal miżuri provviżorji jkollha tiġi miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jwettaq ukoll, jekk ikun il-każ, ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami komplessiv, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu marġni diskrezzjonali wiesa’ u għandu l-libertà jiddetermina, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-każ ineżami, il-mod kif għandhom jiġu vverifikati dawn id-diversi kundizzjonijiet kif ukoll l-ordni ta’ kif għandu jsir dan l-eżami, u dan sa fejn ebda dispożizzjoni legali ma tobbligah isegwi skema analitika ddeterminata minn qabel għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ħtieġa li jagħti deċiżjoni fuq bażi provviżorja.

(ara l-punti 45 u 46)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 10 ta’ Settembru 1999, Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, T‑173/99 R, ĠabraSP p. I‑A‑155 u II‑811, punt 18; 9 ta’ Awwissu 2001, De Nicola vs BEI, T‑120/01 R, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑783, punti 12 u 13; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 31 ta’ Mejju 2006, Bianchi vs ETF, F‑38/06 R, ĠabraSP p. I‑A‑1‑27 u II‑A‑1‑93, punti 20 u 22

2. Membru tal-persunal li jkun qiegħed fuq leave tal-mard ma huwiex prekluż milli jerġa’ jibda jaħdem qabel id-data li fiha jkun previst li tintemm l-inkapaċità u li tkun stabbilita fiċ-ċertifikat mediku li jattesta din l-inkapaċità jekk il-membru tal-persunal inkwistjoni jqis li jerġa’ jinsab f’pożizzjoni li jista’ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. B’hekk, għalkemm il-produzzjoni ta’ ċertifikat mediku tnissel il-preżunzjoni li membru tal-persunal jinsab u ser jibqa’ f’sitwazzjoni ta’ leave tal-mard matul il-perijodu kollha kopert minn dan iċ-ċertifikat, tali preżunzjoni ma hijiex inkonfutabbli u l-membru tal-persunal ikkonċernat dejjem ikollu l-possibbiltà jipprova li reġa’ beda jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu qabel il-perijodu ta’ inkapaċità stabbilit permezz taċ-ċertifikat inkwistjoni.

Madankollu, fl-interess tas-servizz, is-sitwazzjoni amministrattiva ta’ aġent għandha tkun ħielsa minn kull ambigwità. Fil-fatt, peress li r-ritorn antiċipat tal-membru tal-persunal jikkostitwixxi fatt ġdid għall-persuna li tħaddmu, l-organizzazzjoni tajba tas-servizz tista’ titlob li din tal-aħħar tieħu miżuri fir-rigward tal-organizzazzjoni tax-xogħol.

B’hekk, fid-dawl tal-interess tas-servizz u tar-rekwiżit imperattiv ta’ ċarezza fir-rigward tal-pożizzjoni amministrattiva tal-membri tal-persunal li jirriżulta mill-interess tas-servizz, ma jidhirx irraġonevoli li, fil-każ ta’ membru tal-persunal li jsostni li reġa’ beda jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu qabel il-perijodu ta’ inkapaċità stabbilit fiċ-ċertifikat mediku li jkun ipproduċa, il-persuna li tħaddmu tirrifjuta li tinjora l-forza probatorja ta’ dan iċ-ċertifikat f’sitwazzjoni fejn tali ritorn antiċipat fis-servizz ma jirriżultax b’mod inekwivoku mill-aġir tal-membru tal-persunal inkwistjoni.

F’dan ir-rigward, mis-sempliċi fatt li membru tal-persunal ikun preżenti regolarment fl-uffiċju tiegħu ma jistax jiġi dedott b’mod awtomatiku li huwa jerġa’ jinsab f’sitwazzjoni ta’ attività u mhux f’sitwazzjoni ta’ leave tal-mard, kif jattesta ċ-ċertifikat mediku li jkun ipproduċa.

Għaldaqstant, iċ-ċarezza tal-pożizzjoni amministrattiva ta’ membru tal-persunal tista’ tiġi leġittimament invokata minn istituzzjoni sabiex teżiġi, jekk ikun il-każ, li membru tal-persunal li jkun jixtieq jerġa’ jibda jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod antiċipat jinforma espliċitament lill-persuna li tħaddmu dwar dan ir-ritorn fis-servizz. Din iċ-ċarezza tista’ tiġi leġittimament invokata mill-istituzzjoni wkoll sabiex teżiġi li, f’sitwazzjoni fejn inkapaċità għax-xogħol ġdida tal-membru tal-persunal timmaterjalizza sussegwentement għal tali ritorn fis-servizz ta’ dan il-membru tal-persunal, dan tal-aħħar jipprovdi lill-persuna li tħaddmu b’ċertifikat mediku ġdid li jiġġustifika l-assenza tiegħu.

(ara l-punti 54 sa 58)