SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)
7 ta’ Ġunju 2011
Kawża F-84/09
Emmanuel Larue u Olivier Seigneur
vs
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)
“Servizz pubbliku — Persunal tal-BĊE — Remunerazzjoni — Aġġustament ġenerali tas-salarji — Ksur tal-metodu ta’ kalkolu”
Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat KE, li permezz tiegħu E. Larue u O. Seigneur jitolbu l-annullament tad-dikjarazzjonijiet tas-salarju tagħhom għax-xahar ta’ Jannar 2009 kif ukoll il-kundanna tal-BĊE tħallashom danni.
Deċiżjoni: Id-dikjarazzjonijiet tas-salarju tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Jannar 2009 huma annullati. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jbati l-ispejjeż kollha.
Sommarju
1. Uffiċjali — Rikors — Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment — Ammissibbiltà
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
2. Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Remunerazzjoni — Metodu ta’ kalkolu tal-aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet — Obbligi li jirriżultaw għall-Bank
(Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 14(3); Kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 13)
3. Uffiċjali — Rikors — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Kumpens ekwu għall-iżvantaġġ li rriżulta għar-rikorrent mill-att annullat
(Artikolu 266 TFUE)
1. Fir-rigward ta’ talbiet mressqa, sa fejn huwa meħtieġ, kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ talbiet għal eżami prekontenzjuż u ta’ lmenti, ma hemmx lok li dawn jiġu eżaminati indipendentement, peress li, billi dawn id-deċiżjonijiet huma nieqsa minn kontenut awtonomu, tali talbiet għandhom l-effett biss li jressqu quddiem il-qorti tal-Unjoni atti li jikkawżaw preġudizzju li kontra tagħhom ġiet imressqa t-talba għal eżami prekontenzjuż.
(ara l-punt 35)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, punt 8; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 18 ta’ Mejju 2006, Corvoisier et vs BĊE, F‑13/05, punt 25
2. Filwaqt li, skont l-Artikolu 13 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, dan tal-aħħar għandu jiżviluppa, sabiex jagħmel aġġustament ġenerali tas-salarji tal-persunal tiegħu, metodu ta’ kalkolu bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvilupp tas-salarji f’ċerti organizzazzjonijiet ta’ riferiment, isegwi li huwa obbligat, minn naħa, li jitlob lill-organizzazzjonijiet ta’ riferiment l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-iżvilupp tas-salarju annwali gross tal-persunal tagħhom, min-naħa l-oħra, li jiddetermina, abbażi ta’ din l-informazzjoni, l-aġġustament ġenerali tas-salarji tal-persunal tal-Bank għas-sena kkonċernata. Barra minn hekk, għalkemm ma huwiex il-Bank, bħala prinċipju, li għandu jikkontesta l-eżattezza taċ-ċifri pprovduti mill-organizzazzjonijiet ta’ riferiment, peress li din l-informazzjoni hija neċessarjament waħda ta’ natura kumplessa, madankollu hija kompetenza tal-Bank li jagħti liċ-ċifri l-kwalifika ġuridika xierqa taħt il-kriterji ddefiniti fl-imsemmija regolamenti interni. Fl-aħħar nett, fil-każ partikolari meta l-osservazzjonijiet tal-Kumitat tal-Persunal jissuġġerixxu li l-informazzjoni pprovduta mill-organizzazzjonijiet ta’ riferiment ma tirriflettix l-iżvilupp tas-salarju gross tal-persunal tagħhom, fis-sens tar-regolamenti interni, huwa l-Bank li għandu jitlob mingħand dawn tal-aħħar kwalunkwe kjarifiki supplimentari, sabiex jiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(3) tal-Istatuti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank.
(ara l-punt 50)
3. Skont l-Artikolu 266 TFUE, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tieħu l-miżuri sabiex tiġi eżegwita s-sentenza ta’ annullament, b’mod partikolari, li tadotta, sabiex tosserva l-prinċipju ta’ legalità, kull att tali li jikkumpensa b’mod ekwu l-iżvantaġġ li rriżulta, għar-rikorrenti, mill-atti annullati, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għar-rikorrenti li sussegwentement jippreżentaw rikors kontra miżuri adottati minn din l-istituzzjoni għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza.
(ara l-punt 64)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, punt 98; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 24 ta’ Ġunju 2008, Andres et vs BĊE, F‑15/05, punt 132