Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Marzu 2012 - Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda

(Kawża C-158/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: S. Petrova, K. Mifsud-Bonnici, agenti )

Konvenuta: L-Irlanda

Talbiet    

tiddikjara li, billi ma ħarġitx il-permessi skont l-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 2008/1/KE  jew, kif xieraq, billi ma kkunsidratx mill-ġdid, u, fejn meħtieġ, billi ma aġġornatx il-kundizzjonijiet tal-permessi, fir-rigward ta' 13-il faċilità eżistenti għat-trobbija tal-majjali u għat-trobbija tat-tjur fl-Irlanda, u b'hekk naqset li tiżgura li dawn il-faċilitajiet eżistenti joperaw skont l-Artikoli 3, 7, 9, 10 u 13, l-Artikolu 14(1) u (b) u Artikolu 15(2) tad-Direttiva IPPC sa mhux iktar tard mit-30 ta' Ottubru 2007, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva IPCC.

tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva IPPC, l-Istati Membri kienu obbligati li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jew joħorġu l-permessi skont l-Artikoli 6 u 8 jew, kif xieraq, jerġgħu jikkunsidraw u, fejn meħtieġ, jaġġornaw il-kundizzjonijiet tal-permess eżistenti sa mhux iktar tard mit-30 ta' Ottubru 2007.

Mill-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-faċilitajiet eżistenti għat-trobbija tal-majjali u għat-trobbija tat-tjur fl-Irlanda għadhom joperaw mingħajr ebda permess IPPC u għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Irlanda naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva.

____________

1 - Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta' Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż ĠU L 24, p. 8.