Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' April 2012 - Breyer vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-188/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Patrick Breyer (Wald-Michelbach, il-Ġermaniż) (rappreżentanti: M. Starostik, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta' Marzu 2012, dwar Az. Ares(2012)313186;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta' April 2012, dwar Az. Ares(2012)399467, peress li ma ngħatax aċċess għas-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Awstrija fil-Kawża C-189/09;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta' Marzu 2012, ir-rikorrent jinvoka:

L-ewwel motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 2 (protezzjoni tal-pariri legali)

Skont ir-rikorrent, il-pubblikazzjoni tal-opinjoni legali tas-servizz legali tal-Kummissjoni Ares(2010)828204, li tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2006/24/KE  tistax tiġi emendata sabiex ikunu l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jkunu liberi jiddeċiedu dwar jekk għandhomx jew le "iżommu" data tat-telekomunikazzjonijiet taċ-ċittadini kollha mingħajr suspett u raġuni għal każ ipotetiku ta' bżonn, ma tippreġudikax il-protezzjoni tal-pariri legali.

Fi kwalunkwe każ, l-interess pubbliku jegħleb l-għarfien tal-opinjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (protezzjoni tal-proċess deċiżjonali)

Skont ir-rikorrent, il-fatt li l-imsemmija opinjoni legali tas-servizz legali tal-Kummissjoni tiġi ppubblikata ma jippreġudikax il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni

Fi kwalunkwe każ, l-interess pubbliku jegħleb l-għarfien tal-opinjoni.

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta' April 2012, l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. F'dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Kummissjoni, is-sottomissjonijiet bil-miktub ta' Stat Membru (f'dan il-każ, l-Awstrija) lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (f'dan il-każ fil-Kawża C-189/09), li l-Kummissjoni tkun irċeviet kopji tagħhom bħala parti mill-proċedura, jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

2 - Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta' Marzu 2006, dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta'' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, p. 54).