Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (ir-Renju Unit) fl-4 ta' Ġunju 2012 - Fish Legal, Emily Shirley vs The Information Commissioner, United Utilities, Yorkshire Water and Southern Water

(Kawża C-279/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Upper Tribunal (Renju Unit)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Fish Legal, Emily Shirley

Konvenuti: The Information Commissioner, United Utilities, Yorkshire Water and Southern Water

Domandi preliminari

Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2003/4 KE 

Meta jiġi kkunsidrat jekk persuna fiżika jew ġuridika hijiex fost dawk li "jwettqu funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skond il-liġijiet nazzjonali", id-dritt u l-analiżi applikabbli huma purament nazzjonali?

Jekk dan ma huwiex il-każ, liema huma l-kriterji tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jew ma jistgħux jintużaw sabiex ikun stabbilit:

i)    jekk il-funzjoni inkwistjoni hijiex, essenzjalment, fost il-funzjonijiet "amministratitvi pubbliċi";

ii)    jekk id-dritt nazzjonali essenzjalment jagħtix tali funzjoni lil din il-persuna?

Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/4/KE

Xi jfisser meta persuna tkun "taħt il-kontroll ta' korp jew persuna li jidħlu fil-(a) jew fil-(b)?" B'mod partikolari, liema huma, in-natura, il-forma u l-livell ta' kontroll meħtieġa u liema huma l-kriterji li jistgħu jew ma jistgħux jintużaw biex jiġi identifikaw tali kontroll?

"Estensjoni tal-Istat" (fis-sens tal-paragrafu 20 tas-sentenza Foster et vs British Gas plc (Kawża C-188189) hija neċessarjament persuna li taqa' taħt l-Artikolu 2(2)(c)?

Artikolu 2(2)(b) u (ċ)

Meta persuna taqa' taħt waħda minn dawn id-dispożizzjoni fir-rigward ta' uħud mill-funzjonijiet tagħha, ta' uħud mir-responsabbiltajiet tagħha, jew ta' uħud mis-servizzi tagħha, l-obbligi tagħha li tipprovdi informazzjoni ambjentali huma limitati għall-informazzjoni li tirrigwarda l-funzjonijiet, ir-responsabbiltajiet u s-servizi tagħha jew dawn jestendu għall-informazzjoni ambjentali kollha, irrispettivament mill-għan ta' din l-informazzjoni?

____________

1 - - Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).