Language of document : ECLI:EU:F:2012:135

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

25 ta’ Settembru 2012 (*)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Talba għall-assistenza — Dritt ta’ żvelar — Assenjazzjoni mill-ġdid — Interess tas-servizz”

Fil-Kawża F‑41/10,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu,

Moises Bermejo Garde, uffiċjal tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn L. Levi, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), irrappreżentat minn Echevarría Viñuela, bħala aġent, assistita minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenut,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

kompost minn H. Kreppel (Relatur), President, E. Perillo u R. Barents, Imħallfin,

Reġistratur: J. Tomac, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta’ Jannar 2012,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-7 ta’ Ġunju 2010, Bermejo Garde jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), minn naħa waħda, ċaħad it-talba għall-assistenza li tressqet abbażi ta’ fastidju psikoloġiku mġarrab u rrifjuta li jitressaq ilment quddiem l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), u min-naħa l-oħra, temm il-funzjonijiet preċedenti tiegħu u ordna li jiġi assenjat xogħol ġdid, u jitlob ukoll li l-KESE jiġi kkundannat biex iħallsu d-danni.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 1, bit-titolu “Dinjità tal-bniedem”, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi:

“Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.”

3        Skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 41 tal-Karta, bit-titolu “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”:

“1. Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.

2. Dan id-dritt jinkludi:

a)      id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;

b)      id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju;

c)      l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.”

4        Rigward l-Artikolu 31 tal-Karta, bit-titolu “Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa”, dan jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”.

5        Skont l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ‘il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal”):

“1. Uffiċjali jistgħu jżommu lura minn kull forma ta’ turment psikoloġiku jew sesswali.

2. Uffiċjali li kien vittma ta’ turment psikoloġiku jew sesswali, m’għandux isofri xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni. Uffiċjal li ngħata evidenza dwar turment psikoloġiku jew sesswali, m’għandux isofri xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni, sakemm l-uffiċjal aġixxa b’onestà..

3. ‘Turment psikoloġiku’; ifisser kull imġiba mhux xierqa li ssir tul perjodu, hija ripetittiva jew sitematika u tinvolvi atteġġament fisku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra li huma intenzjonali u li jistgħu jbaxxu l-personalità, dinjità, jew integrità fisika jew psikoloġika ta’ xi persuna..

4. ‛Turment sesswali’; tfisser imġiba relatata mas-sess li ma tridhiex il-persuna li hija diretta għaliha, u li għandha l-iskop jew l-effett li toffendi dik il-persuna jew toħloq ambjent ta’ intimidazzjoni, ostili, offensiva jew disturbat. It-turment sesswali għandu jkun ittrattat bħala diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.”

6        Skont l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Kull uffiċjal li matul jew f'konnessjoni mal-qadi ta’ dmirijietu, isir jaf b’xi fatti li joħolqu supposizzjoni għall-eżistenza ta’ attività possibbilment illegali, inklużi frodi jew korruzzjoni, li hija detrimentali għall-interessi tal-Unjoni, jew ta’ kondott relatata mat-twettiq tad-dmirijiet professjonali li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas serju biex iħarsu l-obbligi ta’ l-uffiċjali tal-Unjoni, għandhu mingħajr dewmien javża jew lis-superjur ta’ fuqu eżatt jew id-Direttur Ġenerali tiegħu jew, jekk jaħseb li tkun utli, lis-Segretarju Ġenerali, jew il-persuni fil-posizzjonijiet ekwivalenti, jew dirett lill-[OLAF].

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tingħata bil-miktub.

Dan il-paragrafu għandu wkoll japplika fil-każ ta’ nuqqas serju li jitħares obbligu simili min-naħa ta’ Membru ta’ istituzzjoni jew kull persuna oħra fis-servizz ta’ jew li jwettaq xogħol għall-istituzzjoni.

2. Kull [uffiċjal] li jirċievi l-informazzjoni riferuta fil-paragrafu 1 għandu mingħajr dewmien jittrasmetti lil OLAF, kull evidenza li jaf biha, li minnha l-eżistenza ta’ l-irregolaritajiet riferuti fil-paragrafu 1 tista’ tkun preżunta.

3. Uffiċjal m’għandux isofri minn xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni, bħala riżultat talli kkomunika l-informazzjoni riferuta fil-paragrafi 1 u 2, sakemm aġixxa raġonevoli u bl-onestà.

4. Il-paragrafi 1 sa 3 m’għandhomx japplikaw għad-dokumenti, kuntratti, rapporti, noti jew informazzjoni f'liema forma tkun, miżmuma għall-iskopijiet ta’, jew maħluqa jew żvelati, lill-uffiċjal waqt li għaddejjin proċeduri f’każijiet legali, kemm jekk pendenti jew magħluqa.”

7        L-Artikolu 22b(1) tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat hekk:

“L-uffiċjal li jiżvela iktar, informazzjoni kif definit fl-Artikolu 22a lill-President tal-Kummissjoni [Ewropea] jew lill-Qorti ta’ l-Awdituri [tal-Unjoni Ewropea] jew tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] jew tal-Parlament Ewropew, jew lill-Ombudsman Ewropew, m’għandux isofri xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni tiegħu, sakemm jitħarsu ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin :

a) l-uffiċjal onestament u bir-raġun jemmen li l-informazzjoni żvelata, u kull allegazzjoni li fiha, huma sostanzjalment vera; u

b) l-uffiċjal kien żvela l-istess informazzjoni qabel lil OLF jew lill-istituzzjoni tiegħu u ppermetta lil OLAF u lil dik l-istituzzjoni l-perjodu ta’ żmien stabbilit mill-Uffiċċju jew l-istituzzjoni, minħabba l-komplessità tal-każ, biex tieħu l-azzjoni xierqa. L-uffiċjal għandu mbagħad jkun informat b’dak il-perjodu ta’ żmien matul 60 ġurnata.”


8        L-Artikolu 60(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74) (iktar ‘il quddiem ir-”Regolament Finanzjarju”), jipprovdi b’mod partikolari li “[f]il-każ ta’ attività illegali, frodi jew korruzzjoni li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-intere[s]si tal-Komunità, hu/hi għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet u lill-korpi nnominati bil-leġislazzjoni applikabbli”.

9        L-Artikolu 72 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1 Vol. 4, p. 145), huwa fformulat hekk:

“L-awtoritajiet u entitajiet imsemmija fl-Artikoli 60(6) […] tar-Regolament Finanzjarju għandhom jinftiehmu bħala l-entitajiet innominati mir-[Regolamenti tal-Persunal] u d-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni tal-Komunità dwar it-termini u l-kondizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni biex ma ssirx frodi, korruzzjoni jew kull attivita illegali oħra ta’ detriment għall-interessi tal-Komunità.”

10      L-Artikolu 72(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-KESE (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura”) jipprovdi:

“Il-poteri li r-[Regolamenti tal-Persunal] jagħtu fuq l-awtorità li taħtar huma mħaddma:]:

–        fir-rigward tas-[s]egretarju-[ġ]enerali, mill-[b]ureau;

–        fir-rigward ta’ l-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjoni [tal-amministraturi] AD16, AD15, u AD14, fuq proposta tas-[s]egretarju-[ġ]enerali, mill-[b]ureau fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 13, 29, 30, 31, 32, 40, 41, 49, 50, 51, 78 u 90, paragrafu 1 ta’ [r-Regolamenti tal-Persunal]; fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ [ir-Regolamenti tal-Persunal] inkluż l-Artikolu 90 paragrafu 2, fuq proposta tas-[s]egretarju-[ġ]enerali, mill-President;;

–        fir-rigward ta’ l-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjoni AD13, AD12 u AD11, mill-President, fuq proposta tas-[s]egretarju-[ġ]nerali;

–        fir-rigward ta’ l-uffiċjali tal-gradi l-oħra tal-grupp ta’ funzjoni AD u għall-grupp ta’ funzjoni [assistenti (AST)], mis-segretarju-ġenerali.”

11      Fil-11 ta’ Ottubru 1999, il-KESE adotta d-Deċiżjoni Nru 363/99 A dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-inkjesti interni fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi, tal-korruzzjoni u ta’ kull attività illegali li hi ta’ detriment għall-interessi tal-Komunitajiet.

12      L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni nru 363/99 A, bit-titolu “Obbligu ta’ informazzjoni”, jipprovdi:

“Kwalunkwe Uffiċċjal jew impjegat [tal-KESE] li jsir konxju ta’ evidenza li tqajjem preżunzjoni dwar l-eżistenza ta’ każijiet possibbli ta’ frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra detrimentali għall-interessi tal-Komunitajiet, jew sitwazzjonijiet serji relatati mal-qadi ta’ dmirijiet professjonali li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligi ta’ Uffiċjali jew impjegati tal-Komunitajiet suġġetti li jirriżultaw fi proċeduri dixxiplinarji jew, f’każijiet approprjati, fi proċeduri kriminali, jew nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligi analogi tal-membri, managers jew membri tal-persunal li mhux suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jinforma mingħajr dewmien il-Kap tas-Servizzi jew id-Direttorat-Ġenerali tiegħu jew, jekk huwa jikkunsidra li jkun utli, is-Segretarju Ġenerali tiegħu jew l-[OLAF] direttament.

Is-Segretarju Ġenerali, u l-Kapijiet tas-Servizz (jew id-diriġenti) tal-[KESE] għandhom mingħajr dewmien jagħtu lil l-[OLAF] kull evidenza, li jsiru jafu biha, li l-eżistenza ta’ l-irregolarità tagħha kif msejħa fl-ewwel paragrafu tista’ tiġi preżunta.

Id-diriġenti, uffiċjali u aġenti tal-[KESE] m’għandhom bl-ebda mod ibatu minn trattament inġust jew diskriminatorju minħabba li jkunu kkomunikaw l-informazzjoni li jirreferu għaliha l-ewwel u t-tieni paragrafi.

Membri li jakkwistaw għarfien ta’ fatti kif imsemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jinfurmaw il-President [tal-KESE] jew, jekk jikkunsidrawh utli, lill-[OLAF] direttament.”

 Espożizzjoni tal-fatti

13      Ir-rikorrent, li kien ilu uffiċjal mill-1990, daħal fis-servizz tal-KESE fl-1 ta’ Ġunju 1991 u ngħata l-kariga ta’ konsulent legali mad-Direttorat tal-amministrazzjoni, tal-persunal u tal-finanzi.

14      Fl-1 ta’ Ġunju 1997, ir-rikorrent inħatar kap tad-Diviżjoni“Servizz legali” (iktar ’il quddiem is-“servizz legali”) tad-direttorat tal-amministrazzjoni, tal-persunal u tal-finanzi.

15      Fl-1 ta’ April 2007, ir-rikorrent ingħata promozzjoni għall-grad AD 13.

16      Fl-1 ta’ Ottubru 2008, W., is-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-KESE (iktar ’il quddiem is-“Segretarju Ġenerali”), assuma l-funzjonijiet tiegħu.

17      Il-ġurnata ta’ wara, is-segretarju ġenerali bagħat memo li permezz tagħha huwa informa lill-persunal li kien ser jassumi temporanjament il-kariga battala ta’ direttur tar-riżorsi umani u finanzjarji.

18      Huwa paċifiku li, ftit wara l-ħatra ta’ W. bħala Segretarju Ġenerali, ir-relazzjoni bejnu u bejn ir-rikorrent iddeterjorat, b’dan tal-aħħar jakkuża lis-Segretarju Ġenerali li kien qiegħed jeżerċita pressjonijiet “illeġittimi” fis-servizz legali.

19      Fis-7 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrent ippreżenta lill-KESE nota indirizzata lill-President tal-KESE (iktar ’il quddiem il-“President”) kif ukoll lill-Presidenti tat-tliet gruppi ta’ msieħba soċjali li jiffurmaw il-KESE, fil-kwalità tagħhom bħala membri tal-uffiċċju tal-KESE. F’dik in-nota, li magħha ġew mehmuża annessi u dokumentazzjoni, ir-rikorrent, filwaqt li rrefera espressament għall-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, informa lill-uffiċċju tal-KESE (iktar ’il quddiem l-“uffiċċju”) dwar l-eżistenza ta’ irregolaritarjiet serji u numerużi li allegatament twettqu, fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, mis-Segretarju Ġenerali u, fi grad inqas, mill-kap tad-Diviżjoni “Reklutaġġ, karrieri u taħriġ” tad-Direttorat tar-riżorsi umani u finanzjarji. Ir-rikorrent jakkuża b’mod partikolari:

–        l-eżistenza ta’ pressjoni eżerċitata fuq is-servizz legali;

–        ir-rifjut li tingħata sanzjoni dixxiplinarja kontra uffiċjal ħati ta’ fatti illeċiti u r-rifjut li dawn il-fatti jiġu rrappurtati lill-OLAF;

–        l-għoti irregolari tal-karigi ta’ direttur fi ħdan il-KESE.

20      F’din l-istess nota, ir-rikorrent talab lill-uffiċċju, b’mod partikolari:

–        biex “tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva [bil-għan li] jiġu stabbiliti l-fatti u l-irregolaritajiet imwettqa”;

–        li “jiġi kkomunikat lilu t-terminu msemmi fl-Artikolu 22b(1)(b), tal-Istatut”;

–        li “jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jerġa’ jiġi stabbilit il-funzjonament tajjeb tas-[segretarjat ġenerali]”;

–        li “tiġi ggarantita l-indipendenza tas-[s]ervizz legali skont il-kundizzjonijiet mitluba mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea]”;

–        li “jiġu inferiti r-responsabbiltajiet ta’ natura personali skont kif ikun meħtieġ wara l-intervent neċessarju tal-OLAF”.

21      Dejjem fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrent talab ukoll, fuq il-bażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-assistenza tal-uffiċċju sabiex dan tal-aħħar jieħu il-“miżuri meħtieġa għall-waqfien tal-fastidju psikoloġiku mwettaq [kontrih]” mis-segretarju ġenerali.

22      B’messaġġi elettroniċi tal-istess ġurnata, ir-rikorrent informa lill-membri l-oħrajn tal-uffiċċju, li huwa kien għadu kif ippreżenta lil kull wieħed minnhom, fl-uffiċċji tal-gruppi rispettivi tagħhom, envelop li fih kien hemm kopja tan-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009. Skont ir-rikorrent, dawk l-envelops ma waslux għand id-destinatarji tagħhom, peress li l-President u t-tliet Presidenti tal-grupp ostakolaw id-distribuzzjoni tagħhom.

23      Fl-10 ta’ Diċembru 2009, il-President ordna lill-kap tal-kabinett tiegħu biex jipproċedi għal “eżami preliminari” tal-informazzjoni kkomunikata mir-rikorrent fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009.

24      B’eżekuzzjoni ta’ dik l-istruzzjoni, il-kap tal-kabinett tal-President ipproċeda biex jisma’ lill-persuni kkonċernati bin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009. Ir-rikorrent b’mod partikolari nstema’ darbtejn, fil-15 ta’ Diċembru 2009 u fl-14 ta’ Jannar 2010.

25      Fl-aħħar ta’ Jannar 2010, il-kap tal-kabinett tal-President fassal rapport dwar l-allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku u ta’ irregolaritajiet imwettqa fi ħdan il-KESE fformulati mir-rikorrent fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009. F’dak ir-rapport, il-kap tal-kabinett tal-President ikkunsidra li dawk l-allegazzjonijiet ma kinux fondati. Huwa indika b’mod partikolari li, għalkemm kien hemm “atmosfera ta’ tensjoni” bejn is-servizz legali u s-Segretarjat Ġenerali, dik “id-diffikultà kienet tidher […] li kienet essenzjalment ikkawżata minn diverġenza fl-opinjoni dwar ir-rwol tas-[servizz legali]” u li “[i]d-diversi episodji kkwalifikati bħala fastidju [kienu] biss manifestazzjonijiet ta’ dik id-diverġenza, li setgħu kienu aggravati minn differenzi kulturali importanti fil-qasam ġuridiku kif ukoll mill-karattru personali tal-persuni kkonċernati”.

26      Matul intervista li saret fit-22 ta’ Frar 2010, il-President stieden lir-rikorrent biex jirtira t-talbiet li jinsabu fin-nota tiegħu tas-7 ta’ Diċembru 2009.

27      B’ittra tas-26 ta’ Frar 2010, ir-rikorrent ċaħad dik l-istedina, u spjega li “wara li kkunsidra b’kuxjenza sħiħa li kien hemm aġir irregolari […], [huwa] ma [setax] issa jikkontradixxi ruħu mingħajr ma jħoss li qiegħed imur kontra l-Artikolu 21 tar-[Regolamenti tal-Persunal]”. Ir-rikorrent barra minn hekk insista “fuq il-fatt li ma kellu ebda interess jew kunflitt personali fl-approċċ tiegħu li kien strettament professjonali”.

28      Permezz tad-deċiżjoni Nru 088/10 A tat-3 ta’ Marzu 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010”), il-President, “fuq il-bażi ta’ mandat li ngħatalu mill-[u]ffiċċju fis-16 ta’ Frar 2010”, ċaħad it-talbiet kollha li kienu jinsabu fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, “peress li l-fatti invokati ma setgħux jiġu kkwalifikati bħala ksur ta’ natura kriminali u lanqas bħala ksur tad-dispożizzjonijiet statutorji fil-qasam dixxiplinari”.

29      F’dik l-istess deċiżjoni, li fiha kien imsemmi li “kien sar tentattiv ta’ konċiljazzjoni, iżda […] [ir-rikorrent] ma [kienx] aċċetta s-soluzzjoni proposta”, il-President ikkunsidra li “l-ilment ta’ persekuzzjoni fuq ix-xogħol mis-[S]egretarju Ġenerali jew minn kull uffiċjal ieħor ma [kienx] iġġustifikat, peress li l-ftit provi disponibbli dwar dan is-suġġett [kienu] jindikaw il-kuntrarju għall-argumenti invokati mill-persuna li għamlet l-ilment” u li “l-akkuża ta’ abbuż ta’ poter u ta’ eżerċizzju abużiv tal-poteri tal-[b]ureau […] mis-[S]egretarju Ġenerali ma [kinitx] ipprovata”.

30      Barra minn hekk, dejjem f’dik id-deċiżjoni, il-President indika li “[i]s-[S]egretarju Ġenerali kien ser assenja [lir-rikorrent] kompitu li jikkorrispondi mal-kwalifiki u mal-grad tiegħu, bil-ħlas bħala kap ta’ unità fid-dawl tal-assenzjazzjoni tiegħu għal kariga ta’ dak it-tip jekk ebda kariga ta’ dan it-tip ma [tkun] disponibbli immedjatament, iżda f’unità oħra minbarra s-servizz legali”. 

31      Finalment, il-president iddikjara wkoll li “[is-]segretarju ġenerali jindika l-miżuri amministrattivi l-oħrajn li jistgħu jippromwovu t-twettiq tajjeb tal-attività amministrattiva u li huma xierqa sabiex jingħelbu n-nuqqas ta’ ftehim u d-differenzi fi ħdan s-Segretarjat Ġenerali, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u l-eżerċitar mid-diversi strutturi tal-kompetenzi, responsabbiltajiet u setgħat tagħhom”.

32      Id-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 ġiet ikkomunikata lir-rikorrent fil-jum meta ġiet adottata fil-verżjoni oriġinali tagħha, bit-Taljan, u mbagħad fl-10 ta’ Marzu, fil-verżjonijiet bl-Ispanjol u bil-Franċiż.

33      Fl-24 ta’ Marzu 2010, il-President adotta “addendum” għad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, fejn ġie ppreċiżat li l-“miżuri [ta’ traspożizzjoni] tad-deċiżjoni [tat-3 ta’ Marzu 2010], li ttieħdu mis-[S]egretarju Ġenerali, kellhom jiġu eżegwiti taħt l-awtorità tal-[P]resident” (iktar ’il quddiem l-“addendum tal-24 ta’ Marzu 2010”).

34      Permezz tad-deċiżjoni Nru 133/10 A de tal-istess 24 ta’ Marzu 2010, il-President, “wara li kkonsulta lis-[S]egretarju Ġenerali u bil-kunsens tiegħu”, temm “fl-interess tas-servizz” u “b’effett immedjat”, il-funzjonijiet tal-kap tas-servizz legali eżerċitati mir-rikorrent u ppreċiża li huwa “kien ser jiġi assenjat mill-ġdid, fil-kwalità ta’ kap ta’ unità u bil-kariga tiegħu, ma’ servizz ieħor tal-KESE, sa mis-[6] ta’ April 2010” (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni li temmet il-funzjonijiet l-antiki”).

35      Permezz tad-deċiżjoni Nru 184/10 A tat-13 ta’ April 2010, il-President, “wara li kkonsulta lis-Segretarju Ġenerali u bil-kunsens tiegħu”, u “għal raġunijiet funzjonali”, assenja lir-rikorrent lid-Direttorat tal-loġistika “fil-kwalità ta’ kap tat-diviżjoni u bil-kariga tiegħu […] sabiex jieħu ħsieb b’mod partikolari l-kwistjonijiet legali li jirrigwardaw il-kuntratti u s-sejħiet għal offerti”. Kien previst li dik id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fis-6 ta’ April 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid”).

36      B’nota tat-3 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrent, b’mod konformi mal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ressaq ilment kontra:

–        id-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010;

–        l-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010;

–        id-deċiżjoni li temmet il-funzjonijiet l-antiki;

–        id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

37      B’mod konformi mal-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, mingħajr ma qagħad jistenna d-deċiżjoni dwar l-ilment, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors fejn talab l-annullament tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-ilment. Fl-istess jum, huwa ppreżenta wkoll quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-istess deċiżjonijiet.

38      B’ittri mir-Reġistru tal-11 ta’ Ġunju 2010, il-partijiet ġew infurmati, b’mod konformi mal-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, bis-sospensjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali.

39      B’digriet tal-14 ta’ Lulju 2010, il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji.

40      Wara d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, li ngħatat fl-1 ta’ Ottubru 2010 u li ġiet innotifikata lir-rikorrent fil-15 ta’ Ottubru ta’ wara, il-partijiet ġew infurmati, b’mod konformi mal-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, li kienet ser tissokta l-proċedura fil-kawża prinċipali quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

41      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, l-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010, id-deċiżjoni li temmet il-funzjonijiet l-antiki u d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid;

–        jikkundanna lill-KESE biex iħallsu s-somma ta’ EUR 17 500 bħala danni;

–        jikkundanna lill-KESE għall-ispejjeż kollha.

42      Il-KESE jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 u tal-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010

43      L-ewwel nett, għandha tiġi ddeterminata l-portata tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 u tal-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010, li teħtieġ fl-ewwel lok li jiġi ppreċiżat il-kontenut tan-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009.

44      Fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrent ressaq quddiem l-amministrazzjoni fatti li jistgħu jinġabru f’żewġ kategoriji distinti.

45      Fl-ewwel lok, l-individwu kkonċernat jilmenta dwar fatti li jikkonċernawh direttament. Huwa b’mod partikolari jakkuża lis-Segretarju Ġenerali b’fastidju psikoloġiku, li essenzjalment kien jikkonsisti fi pressjonijiet “illeġittimi” eżerċitati fuq is-servizz legali. Huwa talab lill-amministrazzjoni biex tagħti assistenza skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, liema assistenza kellha tikkonsisti prinċipalment fil-fatt li s-servizz legali ma jibqax taħt ir-responsabbiltà diretta tas-Segretarju Ġenerali (iktar ’il quddiem it-“talba għall-assistenza”).

46      Fit-tieni lok, dejjem fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, l-individwu kkonċernat ġibed l-attenzjoni wkoll għal fatti li, għalkemm ma kinux jikkonċernawh direttament, setgħu fil-fehma tiegħu jippreġudikaw l-interessi tal-KESE. F’dan ir-rigward huwa lmenta, b’mod partikolari, dwar ir-rifjut tas-Segretarju Ġenerali li jimponi, kontra uffiċjal ħati ta’ fatti illeċiti, sanzjoni dixxiplinarja, liema irregolaritajiet kienu jivvizzjaw il-proċedura għall-għoti tal-karigi tad-Direttur A tax-xogħlijiet konsultattivi u tad-Direttorat tar-riżorsi umani u finanzjarji, kif ukoll l-użurpazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tal-prerogattivi tal-uffiċċju fil-qasam tal-ħatra ta’ uffiċjali oħrajn tal-KESE. Ir-rikorrent talab li dik l-informazzjoni tiġi kkomunikata lill-OLAF immedjatament skont l-Artikolu 22a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem it-“talba għal riferiment lill-OLAF”).

47      Hekk kif ġie ddefinit il-kontenut tan-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, għandu jiġi kkonstatat li, bid-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, il-President ċaħad kemm it-talba għall-assistenza kif ukoll it-talba għal riferiment lill-OLAF u barra minn hekk indika lir-rikorrent li fil-futur kien ser ikun suġġett ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li l-proċeduri tagħha kienu ser jiġu stipulati mis-Segretarju Ġenerali. Sussegwentement, fl-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010, il-President iddikjara wkoll li l-proċeduri tal-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent kienu ser jiġu eżegwiti taħt l-awtorità tiegħu.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tittieħed deċiżjoni suċċessivament:

–        dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din indikat li r-rikorrent kien ser jiġi assenjat mill-ġdid, u fuq it-talbiet għall-annullament tal-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010;

–        dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din tiċħad it-talba għal riferiment tal-OLAF;

–        dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din tiċħad it-talba għal assistenza.

 Dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din indikat li r-rikorrent ser jiġi assenjat mill-ġdid, u fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tal-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010

49      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, jistgħu jikkawżaw preġudizzju biss l-atti jew il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jkunu ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu (ara s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-14 ta’ Settembru 2010, Da Silva Pinto Branco vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, F‑52/09, punt 32), u li dawk l-atti jew miżuri għandhom joħorġu minn awtorità kompetenti u jikkonfermaw pożizzjoni definittiva meħuda mill-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Mejju 2006, Lavagnoli vs Il‑Kummissjoni, T‑95/04, punt 35). Is-sempliċi manifestazzjoni, min-naħa tal-awtorità kompetenti, tal-intenzjoni li tieħu, fil-futur, deċiżjoni speċifika ma tistax toħloq drittijiet jew obbligi korrispondenti min-naħa tal-uffiċjali kkonċernati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Marzu 1993, Blackman vs Il‑Parlament, T‑33/89 u T‑74/89, punt 27).

50      F’din il-kawża, meta informa lir-rikorrent permezz tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 li kien ser jingħata “kompitu li jikkorrispondi mal-kwalifiki u mal-grad tiegħu […] f’diviżjoni li ma kinitx is-servizz legali”, il-President sempliċement ħabbar l-intenzjoni tal-amministrazzjoni li tipproċedi, fil-futur, għal assenjazzjoni mill-ġdid tal-persuna kkonċernata, u b’dan il-mod, permezz ta’ din is-sempliċi manifestazzjoni ta’ intenzjoni, ma ħoloq la dritt u lanqas obbligu min-naħa tar-rikorrent. L-istess japplika għall-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010, fejn il-President sempliċement indika li l-“miżuri [ta’ traspożizzjoni] tad-[deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010], li ttieħdu mis-[s]egretarju ġenerali, kellhom jiġu eżegwiti taħt l-awtorità tal-President”.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li huwa paċifiku li l-assenjazzjoni mill-ġdid effettiva tar-rikorrent seħħet biss permezz tad-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet antiki u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, it-talbiet imsemmija hawn fuq għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, sa fejn din tiċħad it-talba għal riferiment tal-OLAF

52      Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biex jannulla d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, sa fejn din tiċħad it-talba għal riferiment tal-OLAF, u jqajjem, insostenn ta’ dawk il-konklużjonijiet, għadd ta’ motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 22a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni Nru 363/99 A, tal-Artikolu 60(6) tar-Regolament Finanzjarju, tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 2342/2002, kif ukoll tal-Artikolu 11 tad-deċiżjoni 005/03 A dwar ir-regoli interni għall-eżekuzzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

53      Għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-talbiet imsemmija hawn fuq.

54      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li r-Regolamenti tal-Persunal, kif emendati bir-Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004 (KE, Euratom) tat-22 ta’ Marzu 2004, jistabbilixxu d-dritt għal uffiċjal li javża lis-superjuri ġerarkiċi tiegħu, jew lil korp estern, dwar l-eżistenza ta’ irregolaritajiet serji li tagħhom huwa jkun xhud fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu, sabiex dawn l-irregolaritajiet isiru magħrufa u, jekk ikun hemm bżonn, issanzjonati. B’hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi espressament li “[k]ull uffiċjal li matul jew f’konnessjoni mal-qadi ta’ dmirijietu, isir jaf b’xi fatti li joħolqu supposizzjoni għall-eżistenza ta’ attività possibbilment illegali, inklużi frodi jew korruzzjoni, li hija detrimentali għall-interessi tal-[Unjoni], jew ta’ kondott relatata mat-twettiq tad-dmirijiet professjonali li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas serju biex iħarsu l-obbligi ta’ l-uffiċjali tal-[Unjoni], għandhu mingħajr dewmien javża jew lis-superjur ta’ fuqu eżatt jew id-Direttur Ġenerali tiegħu jew, jekk jaħseb li tkun utli, lis-Segretarju Ġenerali, jew il-persuni fil-posizzjonijiet ekwivalenti, jew dirett lill-[OLAF]”.

55      Fil-każ partikolari ta’ membri tal-persunal tal-KESE, id-dritt ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal li javża lis-superjuri ġerarkiċi tiegħu, jew direttament lill-OLAF, jinsab ukoll f’test partikolari, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni nru 363/99 A, li jipprovdi li “[k]ull uffiċċjal jew impjegat tas-Segretarjat Ġenerali li jinduna b’xi evidenza li jista’ jirriżulta f’preżunzjoni ta’ każ ta' frodi, korruzzjoni jew kull attività illegali oħra li tmur kontra l-interessi tal-Komunitajiet, jew b’xi sitwazzjonijiet serji dwar ir-rilaxx ta’ dmirijiet professjonali li jistgħu jammontaw għal nuqqas ta’ ħarsien lejn l-obbligazzjonijiet ta’ uffiċċjali jew impjegati tal-Komunitajiet li kapaċi jirriżulatw f’proċeduri dixxipplinarji jew, f’każijiet xierqa, proċeduri kriminali, jew bin-nuqqas li jitħarsu l-obbligazzjonijiet analogi tal-membri, tad-diriġenti jew tal-membri tal-persunal mhux suġġetti għar-Regolamenti tal_persunal, għandhom jinfurmaw minnufih il-Kap tas-Servizz jew id-Direttur Ġenerali jew, jekk jaħseb li huwa xieraq, direttament lis-Segretarju Ġenerali ta’ l-[OLAF]”

56      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, meta uffiċjal ikun uża l-possibbiltà mogħtija lilu mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li javża lis-superjuri ġerarkiċi tiegħu jew lil korp estern, l-Artikolu 22a(2) tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal jobbliga lill-persuna li tkun irċeviet l-informazzjoni li “[t]ittrasmetti lil OLAF, kull evidenza li [t]af biha, li minnha l-eżistenza ta’ l-irregolaritajiet riferuti fil-paragrafu 1 tista’ tkun preżunta.”.

57      Dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni lill-OLAF tal-informazzjoni mibgħuta minn uffiċjal li jkun għamel it-twissija huwa mfakkar wkoll, fir-rigward tal-KESE, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 363/99 A, li jipprovdi li “[i]s-segretarju ġenerali [...] u l-Kapijiet tas-Servizzi (jew id-diriġenti) tal-[KESE] għandhom jibagħatu minnufih lill-[OLAF] l-provi kollha li saru jafu bihom u li minn dawn jistaw jirreżultaw xi irregolaritajiet skon l-ewwel paragrafu”.

58      Fl-aħħar nett, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 60(6) tar-Regolament Finanzjarju u tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 2342/2002 li kull membru tal-persunal involut, fi ħdan istituzzjoni, “fil-ġestjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni u fil-kontroll ta’ operazzjonijiet” huwa obbligat li jinforma lil-OLAF f’każ ta’ “frodi, korruzzjoni jew kull attivita illegali oħra ta’ detriment għall-interessi tal-Komunità”.

59      Il-kwistjoni li għandha tiġi deċiża mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija jekk u sa fejn id-deċiżjoni, li permezz tagħha superjur ġerarkiku li jkun irċieva mingħand uffiċjal informazzjoni bħal dik imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jidhirlu li ma għandux jikkomunika dik l-informazzjoni lill-OLAF, tikkostitwixxix jew le att li jikkawża preġudizzju għal dak l-uffiċjal.

60      Din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva fil-każ partikolari fejn l-informazzjoni mogħtija mill-uffiċjal li jkun avża lis-superjuri ġerarkiċi tiegħu tkun tikkonċerna fatti li, għalkemm jippreġudikaw l-interessi tal-Unjoni jew juru nuqqas serju minn membru jew membri tal-persunal għall-obbligi ta’ uffiċjali, ma jkunux jikkonċernawh direttament.

61      Effettivament, għandu jitfakkar li, skont it-termini stess tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, uffiċjal li jkun beħsiebu jakkuża l-eżistenza ta’ attività illegali eventwali jew ta’ nuqqas serju mill-obbligi tal-uffiċjali jista’ jikkomunika direttament lill-OLAF il-provi li jidhirlu li jkollu fir-rigward tal-eżistenza ta’ dawk l-irregolaritajiet. B’hekk, fl-ipoteżi fejn il-persuna infurmata mill-uffiċjal tirrifjuta li tinnotifika lil-OLAF, dak l-uffiċjal dejjem għandu l-fakultà li jirrikorri direttament għand l-OLAF.

62      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li uffiċjal ma huwiex awtorizzat li jaġixxi fl-interess tal-liġi jew tal-istituzzjonijiet u u jista’ jinvoka biss, insostenn ta’ rikors, ilmenti li jikkonċernaw lilu personalment (digriet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tas-7 ta’ Lulju 1998, Moncada vs Il‑Kummissjoni, T‑178/97, punt 39). Issa, li jiġi aċċettat li uffiċjal li jkun avża lis-superjur ġerarkiku tiegħu bl-eżistenza ta’ irregolaritajiet li ma jikkonċernawhx direttament jista’ jippreżenta rikors kontra r-rifjut ta’ dan is-superjur ġerarkiku li jikkomunika din l-informazzjoni lill-OLAF, ikun jammonta għal ammissjoni li dan l-uffiċjal huwa awtorizzat li jaġixxi fl-interess tal-liġi. Tali konklużjoni hija madankollu bla ħsara għall-possibbiltà għal dak l-uffiċjal, fl-ipoteżi fejn ikun jidhirlu li safa vittma ta’ deċiżjoni li tippreġudika l-interessi tiegħu minħabba l-informazzjoni mogħtija lis-superjuri ġerarkiċi tiegħu, li jippreżenta rikors kontra dik id-deċiżjoni.

63      F’din il-kawża, kif intqal, il-fatti akkużati mir-rikorrent fit-talba għal riferiment lill-OLAF ma jikkonċernawhx direttament, għaliex huwa jikkontesta, b’mod partikolari, ir-rifjut tas-Segretarju Ġenerali li jagħti sanzjoni dixxiplinarja kontra uffiċjal tal-KESE, l-għoti irregolari tal-pożizzjonijiet ta’ direttur fi ħdan il-KESE jew l-użurpazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tal-prerogattivi tal-uffiċċju fil-qasam tal-ħatra ta’ uffiċjali oħrajn tal-KESE.

64      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din tiċħad it-talba għal riferiment lill-OLAF, ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent u li, konsegwentement, it-talbiet għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni għandhom, b’dan il-mod, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Dwar it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, sa fejn din ċaħdet it-talba għall-assistenza

65      Insostenn tal-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq, ir-rikorrent jqajjem għadd ta’ lmenti li jistgħu, essenzjalment, jinġabru taħt tliet motivi, ibbażati rispettivament fuq:

–        in-nuqqas ta’ kompetenza tal-President biex jadotta d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, il-ksur tal-proċedura u n-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 41 tal-Karta;

–        il-ksur tal-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, tad-deċiżjoni tal-president tal-KESE Nru 635/05 A li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni li jirrigwardaw il-proċeduri dixxiplinarji u l-investigazzjonijiet amministrattivi (iktar ’il quddiem id-“DGE tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal”), u tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża;

–        il-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-obbligu ta’ assistenza, tan-nuqqas ta’ osservanza tal-Karta u tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

 Fuq il-motiv li jirriżulta min-nuqqas ta’ kompetenza tal-President biex jadotta d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, il-ksur tal-proċedura u n-nuqqas ta’ ħarsien tal-Artikolu 41 tal-Karta

–       L-argumenti tal-partijiet

66      Ir-rikorrent jallega li d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din tiċħad it-talba għal assistenza, kellha tittieħed mill-uffiċċju u mhux, kif fil-fatt seħħ, mill-President.

67      Ir-rikorrent jiddikjara wkoll li l-KESE wettaq għadd ta’ irregolaritajiet proċedurali, billi ma osservax b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta kif ukoll ir-regoli ta’ funzjonament tal-uffiċċju adottati fit-23 ta’ Ottubru 2007. Effettivament, bl-eċċezzjoni tal-President u tal-Presidenti tal-grupp, il-membri tal-uffiċċju qatt ma kellhom aċċess għat-talba għal assistenza. Bl-istess mod, il-membri tal-uffiċċju lanqas ma kellhom aċċess għall-kontenut tal-abbozz tad-deċiżjoni li ċaħdet it-talba għall-assistenza. Fl-aħħar nett, il-minuti tal-laqgħat tal-uffiċċju ma kienu jagħmlu ebda riferiment la għad-deċiżjoni li finalment ġiet adottata u lanqas għad-dikjarazzjonijiet tal-membri tal-uffiċċju.

68      Il-KESE jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

69      Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 72(1) tar-Regoli tal-Proċedura, is-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-awtorità li għandha s-setgħa ta’ ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) huma eżerċitati, f’dak li jirrigwarda l-uffiċjali tal-gradi AD 13, AD 12 u AD 11, mill-President, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali.

70      F’din il-kawża, huwa paċifiku li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din ċaħdet it-talba għal assistenza, ir-rikorrent kien uffiċjal tal-grad AD 13. B’hekk dik id-deċiżjoni ttieħdet mill-President b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-tielet inċiż tal-Artikolu 72(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Minn dan isegwi li r-rikorrent ma huwiex fondat meta jallega li d-deċiżjoni hawn fuq imsemmija kellha tittieħed mill-bureau u mhux mill-President.

71      Barra minn hekk, peress illi, hekk kif għadu kemm intqal, il-President u mhux l-uffiċċju kellu l-kompetenza li jiddeċiedi dwar talba għal assistenza, l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ irregolaritajiet proċedurali li jaffettwaw id-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, b’mod partikolari inkwantu l-membri tal-uffiċċju ma kinux involuti fl-ipproċessar tat-talba għal assistenza, għandu jiġi miċħud bħala inapplikabbli.

72      Isegwi li l-ewwel motiv imqajjem għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, tad-DGE tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, u tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża

–       L-argumenti tal-partijiet

73      Ir-rikorrent isostni li, fit-talba għal assistenza, huwa ta’ mill-inqas beda jagħti prova tar-realtà tal-fastidju psikoloġiku li tiegħu kien safa vittma, u b’mod partikolari, tat-tentattivi tas-segretarju ġenerali li jippreġudika l-indipendenza tas-servizz legali. Issa, minflok ma fetaħ, bħala ma kien imissu jagħmel, investigazzjoni amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikoli 1 u 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 2 tad-DGE tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, il-President ordna biss li l-kap tal-kabinett tiegħu jipproċedi għal sempliċi eżami preliminari, u barra minn hekk il-konklużjonijiet tiegħu ma ġewx ikkomunikati lilu qabel id-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010.

74      Fit-tweġiba tiegħu, il-KESE jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

75      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jipproteġu lill-persunal tagħhom kontra fastidju jew trattament degradanti ta’ kull xorta min-naħa tas-superjuri ġerarkiċi tagħhom. Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, skont l-obbligu ta’ assistenza, l-amministrazzjoni għandha, meta jseħħ inċident inkompatibbli mal-ordni u s-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-isforz kollu meħtieġ u tirrispondi malajr u bil-premura meħtieġa għaċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex jiġu stabbiliti l-fatti u tasal għal, meta jsiru magħrufa l-fatti, il-konsegwenzi xierqa. Għal dan il-għan, huwa suffiċjenti li l-uffiċjal li jitlob il-protezzjoni tal-istituzzjoni tiegħu jipproduċi provi li juru li verament kien hemm l-attakki li huwa jsostni li kien suġġett għalihom. Fil-preżenza ta’ tali elementi, hija l-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi tagħmel investigazzjoni, sabiex tistabbilixxi l-fatti li taw lok għall-ilment, b’kollaborazzjoni mal-awtur tat-talba (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, 224/87, punti 15 u 16 ; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tal-21 ta’ April 1993, Tallarico vs Il‑Parlament, T‑5/92, punt 31, u tal-5 ta’ Diċembru 2000, Campogrande vs Il‑Kummissjoni, T‑136/98, punt 42).

76      F’din il-kawża, jirriżulta mill-atti tal-proċess li, wara li tressqet it-talba għal assistenza, fi żmien tliet ijiem jiġifieri fl-10 ta’ Diċembru 2009, il-President ta istruzzjoni lill-kap tal-kabinett tiegħu biex jipproċedi għal “eżami preliminari” tal-allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku u tal-irregolaritajiet li bihom kien akkużat is-Segretarju Ġenerali. Wara li sema’ lir-rikorrent, fil-15 ta’ Diċembru 2009 u fl-14 ta’ Jannar 2010, u lill-persuni li saru akkużi kontra tagħhom fit-talba għal assistenza, il-kap tal-kabinett tal-president stabbilixxa, f’Jannar 2010, rapport iddettaljat fejn huwa eżamina u ddiskuta l-fondatezza tad-diversi akkużi fformulati mir-rikorrent kontra s-Segretarju Ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-KESE ssodisfa l-obbligu tiegħu skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti, jiġifieri li ssir investigazzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li wasslu għat-talba għal assistenza b’kollaborazzjoni mal-awtur tat-talba.

77      Fir-rigward tal-argument li l-KESE kien imissha fetħet investigazzjoni amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikoli 1 u 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 2 tad-DGE tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, dan għandu jiġi miċħud. Effettivament, peress li jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-investigazzjonijiet amministrattivi previsti fihom għandhom isiru fil-qafas ta’ proċedura dixxiplinarja u għandhom jinfetħu biss meta jkun hemm provi li jindikaw l-eżistenza ta’ nuqqas mill-obbligi tal-uffiċjal, it-talba għal assistenza ma kien fiha ebda element li jiġġustifika, mingħajr ma l-ewwel isir eżami preliminari, il-ftuħ ta’ tali investigazzjoni amministrattiva ta’ natura dixxiplinarja kontra s-Segretarju Ġenerali.

78      Finalment, ma jistax jintlaqa’ l-ilment li l-KESE, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża, naqas milli jikkomunika lir-rikorrent, qabel iċ-ċaħda tat-talba għall-assistenza, il-konklużjonijiet tar-rapport maħruġ mill-kap tal-kabinett tal-President kif ukoll id-diversi minuti ta’ seduti organizzati fil-kuntest tal-investigazzjoni mmexxija minnu. Ċertament, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju lil tali persuna jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi żgurat, anki fl-assenza ta’ kull leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni (ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Lulju 1997, Gaspari vs Il‑Parlament, T‑36/96, punt 32). Madankollu, f’din il-kawża, il-proċedura miftuħa mit-talba għal assistenza ma tistax titqies bħala proċedura miftuħa kontra r-rikorrent (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ġunju 2000, K vs Il‑Kummissjoni, T‑67/99, punt 72). B’hekk, id-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din tiċħad it-talba għal assistenza, ma tinsabx fost in-numru ta’ deċiżjonijiet li għalihom id-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu rrispettati.

79      Għaldaqstant, it-tieni motiv imqajjem għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-obbligu ta’ assistenza, tan-nuqqas ta’ osservanza tal-Karta u tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

80      Ir-rikorrent jallega li huwa kien vittma ta’ fastidju psikoloġiku u li, għaldaqstant, meta ċaħad it-talba għal assistenza, il-President wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, kiser l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-obbligu ta’ assistenza, u mar kontra l-Artikolu 1 kif ukoll l-Artikolu 31(1) tal-Karta, li jipprovdu, rispettivament, li “[i]d-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli [u] għandha tkun irrispettata u protetta” u li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”.

81      Il-KESE jirribatti li r-rikorrent kien qiegħed jikkwalifika bħala fastidju psikoloġiku dak li ma kien xejn ħlief diffikultajiet fir-relazzjonijiet mas-Segretarju Ġenerali u nuqqas ta’ qbil dwar il-fajls ta’ natura legali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

82      L-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-fastidju psikoloġiku bħala “imġiba mhux xierqa” li sabiex iseħħ jeħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel kundizzjoni tirrigwarda l-eżistenza ta’ aġir fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra li jimmanifestaw ruħhom “tul perjodu, [...] ripetittiv[...] jew sitematik[u]”, li jimplika li l-fastidju psikoloġiku għandu jinftiehem bħala proċess li jseħħ neċessarjament ratione temporis u jippresupponi l-eżistenza ta’ aġir repetut u kontinwu, u li huwa “intenzjonali”. It-tieni kundizzjoni kumulattiva, magħquda mal-ewwel waħda bil-prepożizzjoni “u”, teħtieġ li dan l-aġir fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra jkollhom bħala effett li jippreġudikaw il-personalità, id-dinjità, jew integrità fi[ż]ika jew psikoloġika ta’ xi persuna. Peress li l-aġġettiv “intenzjonali” jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, u mhux it-tieni waħda, huwa possibbli li jinsiltu żewġ konklużjonijiet. Minn naħa, l-aġir fiżiku, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra, previsti mill-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom ikunu ta’ natura volontarja, ħaġa li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-aġir li jseħħ b’mod aċċidentali. Min-naħa l-oħra, mhux meħtieġ li dan l-aġir fiżiku, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra jkunu twettqu bl-intenzjoni li jippreġudikaw il-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ xi persuna.

83      Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr mal-persuna li tagħti fastidju jkollha l-intenzjoni, permezz tal-aġir tagħha, li tiskredita lill-vittma jew deliberatament tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Huwa biżżejjed li dak l-aġir, meta jkun twettaq b’mod volontarju, ikun wassal oġġettivament għal dawk il-konsegwenzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il‑Kummissjoni, F‑52/05, punt 135, mhux annullata fuq dan il-punt mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Lulju 2011, Il‑Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, u tas-16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑42/10, punt 65).

84      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tittieħed deċiżjoni dwar l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, li jeħtieġ li tiġi eżaminata r-realtà tal-aġir allegat kontra s-Segretarju Ġenerali mir-rikorrent u li jiġi ddeterminat jekk dak l-aġir kellux l-effett li oġġettivament jippreġudika l-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoġoloġika tiegħu.

85      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jargumenta li s-Segretarju Ġenerali pprova jagħmel pressjoni fuqu sabiex jiffirma, fil-kwalità tiegħu bħala kap tas-servizz legali, pariri legali li kienu legalment żbaljati. Dan kien il-każ b’mod partikolari fl-okkażjoni tal-promozzjoni retroattiva ta’ uffiċjal.

86      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-atti tal-proċess li, fil-25 ta’ Jannar 2009, fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni tal-2008, il-President iddeċieda li jippromwovi lil uffiċjal b’mod retroattiv sa mill-1 ta’ Jannar 2008, bi ksur manifest tar-regoli fis-seħħ fi ħdan il-KESE.

87      Madankollu, għalkemm dik id-deċiżjoni ġiet adottata “fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali”, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma akkużax lil dan tal-aħħar li dik id-deċiżjoni illegali oriġinat minnu, u saħansitra rrikonoxxa li s-Segretarju Ġenerali kien aġixxa taħt il-pressjoni ta’ membru tal-uffiċċju li kien qiegħed jaspira li jsir President tal-KESE.

88      Barra minn hekk, ir-rikorrent ma ressaq ebda element suffiċjentement probatorju insostenn tal-affermazzjoni, li hija barra minn hekk formalment ikkontestata mill-KESE, li s-Segretarju Ġenerali kien tah l-ordni, matul laqgħa li saret fit-8 ta’ Ġunju 2009, li jifformula parir legali bil-għan li tiġi stabbilita l-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni. B’mod partikolari, il-minuti ta’ dik il-laqgħa, li barra minn hekk inkitbu mir-rikorrent innifsu, ma jagħtu ebda prova tal-eżistenza ta’ tali pressjoni u lanqas ta’ insulti li saru mis-Segretarju Ġenerali fil-konfront tiegħu matul dik il-laqgħa.

89      Barra minn hekk, huwa minnu li, dakinhar stess, jiġifieri fit-8 ta’ Ġunju 2009, is-Segretarju Ġenerali bagħat lil membri tal-persunal tal-KESE messaġġ elettroniku li fih huwa indika li, fl-ipoteżi ta’ rikors kontenzjuż kontra d-deċiżjoni ta’ promozzjoni retroattiva kkonċernata, kien ikun jaqbel li jintużaw is-servizzi ta’ avukat, għaliex “kien ċar li r-rikorrent ma [kienx] f’pożizzjoni li jassisti lill-amministrazzjoni fis-sens stabbilita minnha”.

90      Madankollu, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi li fihom intbagħat dak il-messaġġ elettroniku, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li dan kellu l-iskop mhux li jikkontesta l-kapaċitajiet professjonali tar-rikorrent, iżda li tittieħed nota tan-neċessità, fid-dawl tal-kritika mtennija tar-rikorrent kontra l-legalità tad-deċiżjoni ta’ promozzjoni inkwistjoni, li jitqabbad avukat ieħor sabiex jieħu ħsieb id-difiża tal-KESE f’każ ta’ rikors kontenzjuż. Barra minn hekk, fil-minuti li huwa ħa tal-laqgħa tat-8 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrent semma li huwa stess kien ippropona lis-Segretarju Ġenerali li jirrikorri għal dik is-soluzzjoni.

91      B’hekk, l-ilment li s-Segretarju Ġenerali pprova jagħmel pressjoni fuq is-servizz legali għandu jiġi miċħud.

92      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-KESE kien ippubblika avviż ta’ pożizzjoni vakanti fejn il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-għażla kienu ġew ifformulati apposta b’tali mod sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tiegħu.

93      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-atti tal-proċess li, fis-6 ta’ Lulju 2009, ġie ppubblikat fuq l-intranet tal-KESE, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti Nru 26/09 (iktar ’il quddiem l-“l-ewwel avviż ta’ pożizzjoni vakanti”) li kien intiż biex timtela l-pożizzjoni ta’ direttur tal-affarijiet ġenerali tal-KESE fil-grad AD 14 u li dak l-avviż, li kien indirizzat lill-uffiċjali tal-KESE u ta’ istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni, kien jeħtieġ, fost kundizzjonijiet oħrajn “għarfien profond ta’ żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien ta’ mill-inqas lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea” u kien jippreċiża li “għal raġunijiet ta’ servizz, għarfien tajjeb [tal-Ingliż] u [tal-Franċiż] huwa importanti ħafna”. Ir-rikorrent ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-pożizzjoni msemmija fl-ewwel avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

94      Sussegwentement, wara li l-uffiċċju ddeċieda, fid-29 ta’ Settembru 2009, li jirtira l-ewwel avviż ta’ pożizzjoni vakanti u li “jippubblika mill-ġdid [il-pożizzjoni vakanti] skont l-Artikolu 29[(1) u (2)] tar-Regolamenti tal-Persunal”, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti Nru 43/09 li kien intiż biex timtela l-istess pożizzjoni ta’ direttur tal-affarijiet ġenerali ġie ppubblikat kemm fuq l-intranet tal-KESE kif ukoll f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 247 A, p. 1, iktar ’il quddiem l-“avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti”). Ir-rekwiżiti lingwistiċi li kienu jinsabu fl-avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti kienu jgħidu hekk: “Għarfien profond ta’ lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien tajjeb ħafna ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea. Għal raġunijiet ta’ servizz, għarfien tajjeb tal-Ingliż u tal-Franċiż huwa importanti ħafna.” Ir-rikorrent ikkonferma l-applikazzjoni tiegħu għall-pożizzjoni msemmija fl-avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti qabel ma rtiraha fit-3 ta’ Diċembru 2009.

95      Ċertament, kif iddeċieda t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’sentenza separata llum stess (sentenza tal-25 ta’ Settembru 2012, Bermejo Garde vs KESE, F‑51/10), tali bidla fir-rekwiżiti lingwistiċi kellha l-effett li teskludi fil-prattika l-applikazzjoni tar-rikorrent mill-pożizzjoni ta’ direttur tal-affarijiet ġenerali, peress li huwa kellu għarfien profond ta’ lingwa uffiċjali waħda (l-Ispanjol), għarfien ta’ mill-inqas tajjeb ħafna ta’ lingwa uffiċjali oħra (il-Franċiż), iżda biss “għarfien tajjeb” tat-tielet lingwa tal-Unjoni (l-Ingliż). It-Tribunal b’hekk ikkonkluda li l-avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti kien jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent.

96      Madankollu, ir-rikorrent ma jipprovdix indikazzjonijiet preċiżi u konsistenti li jistgħu jissostanzjaw l-allegazzjoni li r-rekwiżiti lingwistiċi ġew immodifikati bil-għan li tiġi eskluża l-kandidatura tiegħu.

97      Għall-kuntrarju, jirriżulta mill-atti tal-proċess li l-KESE informa lir-rikorrent kif ukoll lill-kandidati l-oħrajn li, bħalu kienu applikaw għall-ewwel avviż ta’ pożizzjoni vakanti, li kienu ser jitqiesu, ħlief jekk ma jaqblux, bħala kandidati wkoll għall-avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti, li jikkontradixxi l-allegazzjoni ta’ abbuż ta’ poter.

98      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta wkoll mill-atti tal-proċess, li rekwiżiti lingwistiċi identiċi għal dawk li jinsabu fl-avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti kienu jinsabu wkoll f’avviż ta’ pożizzjoni vakanti preċedenti, ippubblikat fl-24 ta’ Frar 2009, li kien intiż biex jimla l-pożizzjoni ta’ direttur tar-riżorsi umani u finanzjarji.

99      Fit-tielet lok, ir-rikorrent jallega li s-Segretarju Ġenerali kien sejjaħlu għal laqgħa organizzata fil-15 ta’ Ottubru 2009 bil-pretest li jerġgħu jiġu stabbiliti relazzjonijiet tajba bejn is-Segretarjat Ġenerali u s-servizz legali iżda li, fil-fatt, spiċċat kienet “seduta ta’ natura dixxiplinarja”. Madankollu, ir-rikorrent ma pproduċa ebda prova li l-laqgħa inkwistjoni kienet ta’ tali natura. B’mod partikolari, il-preżenza, matul dik il-laqgħa, maġenb is-Segretarju Ġenerali, tal-kap tal-Diviżjoni “Servizz ta’ assistenza għall-persunal, drittijiet individwali, opportunitajiet indaqs” ma tikkostitwixxix tali prova.

100    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-fatti akkużati mir-rikorrent kontra s-Segretarju Ġenerali, kemm jekk jittieħdu b’mod iżolat jew flimkien, ma kellhomx l-effett li oġġettivament jippreġudikaw il-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tar-rikorrent, il-motiv li jallega li l-President wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjuta li jikkonstata li huwa kien safa vittma ta’ fastidju psikoloġiku u meta ċaħad it-talba għal assistenza, għandu jiġi miċħud.

101    Fl-aħħar nett, għalkemm ir-rikorrent jallega li l-President ipprova jikkonvinċih li jirtira purament u sempliċement it-talba tiegħu għal assistenza, li skont huwa kien juri l-parzjalità tiegħu, din iċ-ċirkustanza tixhed biss li l-President, peress li kien konvint bin-natura infondata tal-akkużi ta’ fastidju psikoloġiku mqajma mir-rikorrent, ħass il-bżonn, fl-osservanza tad-dmir ta’ premura u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li jipprova jsolvi t-tilwima amikevolment. Fi kwalunkwe każ, dik l-inizjattiva ma tistax taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din ċaħdet it-talba għal assistenza, li kif intqal saret matul proċedura regolari u li ma hija vvizzjata b’ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

102    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din tiċħad it-talba għal assistenza, għandhom jiġu miċħuda.

2.     Dwar it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni li ttemm il-funzjonijiet preċedenti u d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid

103    Insostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, li jikkostitwixxu, fir-rigward tal-portata tagħhom, atti ta’ jikkawżaw preġudizzju lir-rikorrent (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ April 2002, Fronia vs Il‑Kummissjoni, T‑51/01, punt 32), seba’ motivi essenzjalment huma mressqa, ibbażati rispettivament fuq:

–        l-inkompetenza tal-awtur tal-att;

–        ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża;

–        ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni;

–        ksur tal-Artikoli 12a, 22a u 86 tar-Regolamenti tal-Persunal;

–        żball manifest ta’ evalwazzjoni;

–        ksur tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba;

–        ksur tal-Artikolu 22b(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq l-inkompetenza tal-awtur tal-att

 L-argumenti tal-partijiet

104    Ir-rikorrent josserva li, lil hinn mill-apparenzi, l-awtur veru tad-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kien is-Segretarju Ġenerali u mhux il-President, kif jixhed il-fatt li, fid-deċiżjoni li temmet il-funzjonijiet preċedenti, il-President kien iddelega lis-segretarju ġenerali l-missjoni li jiddetermina l-funzjonijiet il-ġodda tar-rikorrent.

105    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent jiddikjara wkoll li d-diċitura tad-deċiżjonijiet inkwistjoni turi li dawn ittieħdu wara konsultazzjoni u bi ftehim mas-Segretarju Ġenerali, waqt li, f’dan il-qasam, l-Artikolu 72(1) tar-Regoli ta’ Proċedura jagħti lis-Segretarju Ġenerali biss il-poter li jagħmel proposti.

106    Il-KESE twieġeb li l-President kellu l-kompetenza li jieħu d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

107    Kif intqal fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, it-tielet inċiż tal-Artikolu 72(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-KESE jipprovdi li s-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra huma eżerċitati, fir-rigward tal-uffiċjali tal-gradi AD 13, AD 12 u AD 11, mill-President, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali.

108    F’din il-kawża, jirriżulta mid-diċitura stess tad-deċiżjonijiet li jtemmu l-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li dawk id-deċiżjonijiet ġew adottati mill-President, kif tixhed il-firma tiegħu fil-qiegħ ta’ dawk id-deċiżjonijiet.

109    Ir-rikorrent madankollu jinvoka l-fatt li, fl-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010, il-President indika li l-“miżuri [ta’ traspożizzjoni]” tad-deċiżjoni li jtemmu l-funzjonijiet preċedenti, jiġifieri d-determinazzjoni tal-funzjonijiet ġodda tiegħu, “ittieħdu mis-Segretarju Ġenerali”. Madankollu ma jistax jiġi dedott sempliċement minn din id-diċitura li d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, li kienu jġibu l-firma tal-President, kienu fil-fatt adottati mis-Segretarju Ġenerali u mhux mill-President. Barra minn hekk, fl-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010, il-President kien enfasizza li dawk il-“miżuri [ta’ traspożizzjoni]” kienu eżegwiti “taħt l-awtorità tiegħu”.

110    Fl-aħħar nett, waqt li huwa minnu li, fid-deċiżjonijiet li jtemmu l-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, il-President indika li dawn kienu ttieħdu “bil-kunsens tas-Segretarju Ġenerali”, dik il-formulazzjoni, għalkemm setgħet saret aħjar, ma timplikax li l-President ħaseb b’mod żbaljat li huwa marbut b’opinjoni favorevoli tas-Segretarju Ġenerali u li b’hekk interpreta b’mod żbaljat il-portata tas-setgħat tiegħu taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 72(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

111    Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq l-inkompetenza tal-awtur tal-att għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

112    Ir-rikorrent jargumenta li l-President, peress li ma semgħux qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, mar kontra l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, liema prinċipju huwa stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 41(2) tal-Karta.

113    Il-KESE jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

114    Ġie deċiż li deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kontra r-rieda ta’ uffiċjal, prevista fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diffiċli bħal f’din il-kawża, teħtieġ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, C‑59/06 P, punt 46).

115    B’hekk, tali deċiżjoni tista’ tittieħed biss wara li l-individwu kkonċernat ikun ingħata l-opportunità li jesprimi utilment il-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni, fil-kuntest ta’ skambju fil-fomm u/jew bil-miktub mibdi mill-Awtorità tal-Ħatra u li jrid jiġi pprovat minn din tal-aħħar (sentenza Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

116    F’din il-kawża, jirriżulta mill-atti tal-proċess li, fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, il-President informa lir-rikorrent bl-intenzjoni tiegħu li jipproċedi għall-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu, peress li huwa indikalu li dalwaqt kien ser jagħtih “kariga li tikkorrispondi mal-kwalifiki u mal-grad tiegħu […] f’diviżjoni oħra li ma kinitx is-servizz legali”.

117    B’hekk, kien possibbli għar-rikorrent, bħala d-destinatarju tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, li jingħata l-opportunità li jifformula l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-pjan ta’ assenjament mill-ġdid li kien jikkonċerna lilu.

118    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li r-rikorrent tpoġġa f’pożizzjoni li jikkomunika l-perspettiva tiegħu qabel ma l-President adotta d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

119    Ir-rikorrent jallega li d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ma kinux immotivati, bi ksur tal-Artikolu 41(2) tal-Karta.

120    Il-KESE jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

121    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu l-iskop, minn naħa waħda, li jipprovdi lill-individwu kkonċernat indikazzjoni suffiċjenti sabiex jevalwa l-fondatezza tal-att li jikkawżalu preġudizzju u l-opportunità li jippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jistħarreġ il-legalità tal-att (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Karta tafferma, fl-Artikolu 41(2)(ċ), li d-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari “obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”.

122    Barra minn hekk, deċiżjoni li timplika ċ-ċaqliq ta’ uffiċjal kontra r-rieda tiegħu hija att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u għandha, għaldaqstant, tkun immotivata (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Novembru 1999, Sabbioni vs Il‑Kummissjoni, T‑129/98, punt 28).

123    Fl-aħħar nett, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, f’kull każ, tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi konkreti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1977, Geist vs Il‑Kummissjoni, 61/76, punt 28, u tat-13 ta’ Diċembru 1989, Prelle vs Il‑Kummissjoni, C‑169/88, punt 9). B’mod partikolari, deċiżjoni hija mmotivata b’mod suffiċjenti meta din tkun ittieħdet f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat, li jippermettilu li jifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 ta’ April 2004, N vs Il‑Kummissjoni, T‑198/02, punt 70).

124    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, deċiżjoni titqies li ttieħdet f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat u, għal dak il-fatt, tissodisfa r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal meta ċ-ċirkustanzi li fihom ikun ġie deċiż l-att inkwistjoni, kif ukoll in-noti ta’ servizz u l-komunikazzjonijiet l-oħrajn li jakkumpanjawh, jippermettu li jsiru magħrufa l-elementi essenzjali li jkunu ggwidaw lill-amministrazzjoni fid-deċiżjoni tagħha (sentenza Sabbioni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 u 30).

125    F’din il-kawża, huwa minnu li d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ma humiex immotivati b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi u li, b’mod partikolari, id-deċiżjoni li temmet il-funzjonijiet preċedenti sempliċement invokat b’mod ġenerali “l-interess tas-servizz”.

126    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid saru f’kuntest magħruf għar-rikorrent. Effettivament, fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, il-President indika lir-rikorrent li l-miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li kienet ser tittieħed fi żmien qrib fil-konfront tiegħu kienet iġġustifikata miċ-ċaħda tal-allegazzjonijiet ta’ “persekuzzjoni fuq ix-xogħol” li huwa kien qajjem kontra s-Segretarju Ġenerali, u huwa ddikjara wkoll li dik il-miżura, bħall-miżuri l-oħrajn li setgħu jittieħdu fil-kuntest ta’ din l-assenjazzjoni mill-ġdid, kienet intiża biex “tiffaċilita l-funzjonament tajjeb tal-attività amministrattiva” u li tippermetti li “jingħelbu n-nuqqas ta’ ftehim u d-differenzi fi ħdan is-segretarjat ġenerali, b’osservanza tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u tal-eżerċizzju mill-istrutturi differenti tal-kompetenzi, tar-responsabbiltajiet u tas-setgħat tagħhom”. Barra minn hekk, il-kontenut tal-ilment imressaq mir-rikorrent kontra d-deċiżjonijiet inkwistjoni juri li huwa kien jaf bil-fatt li dawn id-deċiżjonijiet kienu ttieħdu minħabba n-natura infondata, mill-perspettiva tal-amministrazzjoni, tat-talba għal assistenza u tat-talba għal riferiment tal-OLAF.

127    Fi kwalunkwe każ, anki jekk nassumu li l-kuntest li fih ittieħdu d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ma kinux jippermettu lir-rikorrent li jifhem il-portata ta’ dawn id-deċiżjonijiet, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, motivazzjoni insuffiċjenti tista’ tkun koperta minn spjegazzjonijiet kumplimentari mogħtija mill-amministrazzjoni matul il-kawża (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 1996, Brunagel vs Il‑Parlament, T‑158/94, punt 115). Issa, dan kien il-każ hawnhekk, peress li l-KESE, fir-risposta u fil-kontroreplika tiegħu, spjega b’mod iddettaljat ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom kienu bbażati d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. B’hekk, b’mod partikolari fir-risposta, il-KESE osservat li “it-ton personali u l-qilla tad-diversi akkużi li saru mir-rikorrent fl-ilment tiegħu, b’mod partikolari fil-konfront tal-persuna tas-[S]egretarju Ġenerali, [kienu] dgħajfu l-livell ta’ fiduċja meħtieġ b’mod partikolari mill-funzjoni fdata lir-rikorrent bħala kap [tas-servizz legali]” u li “l-unika soluzzjoni vijabbli mill-perspettiva tal-interessi kemm tal-istituzzjoni kif ukoll tar-rikorrent [kienet] li dan tal-aħħar jingħata assenjazzjoni mill-ġdid sabiex b’hekk ma jkollux relazzjoni mill-qrib mas-[S]egretarju [Ġ]enerali”.

128    Minn dan isegwi li t-tielet motiv imqajjem, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 12a, 22a u 86 tar-Regolamenti tal-Persunal

 L-argumenti tal-partijiet

129    Ir-rikorrent jallega li, bi ksur tal-Artikoli 12a, 22a u 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa kien vittma ta’ sanzjoni moħbija talli talab l-assistenza tal-persuna li timpjegah u talli infurmaha bl-eżistenza ta’ irregolaritajiet serji mwettqa mis-segretarju ġenerali.

130    Il-KESE jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

131    L-Artikolu 12a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li “[u]ffiċjal li kien vittma ta’ turment psikoloġiku jew sesswali, m’għandux isofri xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa tal-istituzzjoni” u li “[u]ffiċjal li ngħata evidenza dwar turment psikoloġiku jew sesswali, m’għandux isofri xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni, sakemm l-uffiċjal aġixxa b’onestà”. Rigward l-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, dan jipprovdi li l-uffiċjal li, wara li jkun sar jaf bil-fatti msemmija fl-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri fatti li jistgħu jindikaw attività illegali eventwali, “inklużi frodi jew korruzzjoni, li hija detrimentali għall-interessi [tal-Unjoni]”, jew nuqqas serju mill-obbligi tal-uffiċjali, għandu jinforma direttament lill-ġerarkija tiegħu jew direttament lill-OLAF” u “m’għandux isofri minn xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni, bħala riżultat talli kkomunika l-informazzjoni riferuta [...] sakemm aġixxa raġonevoli u bl-onestà”. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 86(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, “[k]ull nuqqas minn uffiċjal jew minn dak li qabel kien uffiċjal biex iħares l-obbligi tiegħu taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kemm jekk intenzjonalment jew b’negliġenza min-naħa tiegħu, tista’ tittieħed azzjoni kontrih”

132    F’din il-kawża, ma jistax jiġi kkontestat li r-rikorrent sofra preġudizzju wara l-komunikazzjoni tan-nota tiegħu tas-7 ta’ Diċembru 2009 li fiha kien hemm it-talba għal assistenza u t-talba għal riferiment tal-OLAF. Fil-fatt, minħabba li bagħat dik in-nota, l-individwu kkonċernat ġie mċaħħad mill-funzjonijiet tiegħu bħala kap tas-servizz legali li huwa kien ilu jeżerċita sa mill-1 ta’ Ġunju 1997.

133    Madankollu, dan il-preġudizzju ma jistax jiġi kkwalifikat bħala ksur mill-KESE tal-Artikoli 12a u 22a tar-Regolamenti tal-Persunal ħlief jekk jiġi stabbilit li r-rikorrent effettivament ikkomunika, bona fides, elementi li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza, min-naħa waħda, ta’ fastidju psikoloġiku li tiegħu huwa kien vittma, u min-naħa l-oħra, ta’ attività illegali, b’mod partikolari frodi jew korruzzjoni, jew nuqqas serju mill-obbligi tal-uffiċjali.

134    F’dan ir-rigward, sabiex jiġi ddeterminat jekk uffiċjal użax bona fides d-dritt ta’ żvelar previst fl-Artikoli 12a u 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi.

135    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu fl-ewwel lok jivverifika jekk l-informazzjoni li l-uffiċjal jiddeċiedi li jikkomunika lill-ġerarkija tiegħu jew, jekk ikun il-każ, direttament lill-OLAF, tikkonċernax irregolaritajiet li jippreżentaw, fl-ipoteżi fejn dawn effettivament ikunu twettqu, gravità ċara. F’dan ir-rigward, xhieda ta’ dan huwa l-fatt li l-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jiċċita l-frodi jew il-korruzzjoni fost l-attivitajiet illegali li l-akkuża tagħhom hija prevista u jiddikjara wkoll li dawn għandhom ikunu “detrimentali għall-interessi tal-Unjoni”. Bl-istess mod, dejjem skont l-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, nuqqas mill-obbligi tal-uffiċjali jista’ jiġi akkużat biss kemm-il darba jkun “serju”.

136    It-tieni fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa l-awtentiċità jew, ta’ mill-inqas, in-natura probabbli tal-informazzjoni żvelata. Effettivament, l-eżerċitar tal-libertà ta’ espressjoni, li taħtha taqa’ l-possibbiltà għal uffiċjal li jakkuża fastidju psikoloġiku jew l-eżistenza ta’ fatti illegali jew ta’ nuqqas serju mill-obbligi ta’ uffiċjali, jinvolvi dmirijiet u responsabbiltajiet, u kull minn jagħżel li jiżvela tali informazzjoni għandu jivverifika b’attenzjoni, sa fejn iċ-ċirkustanzi jkunu jippermettu dan, li dawn huma korretti u kredibbli. B’hekk, l-uffiċjal li jakkuża irregolaritajiet li jaqgħu, fil-fehma tiegħu, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 12a u 22a tar-Regolamenti tal-Persunal huwa obbligat li jiżgura li l-akkużi li huwa jagħmel ikunu bbażati fuq fatti preċiżi jew, ta’ mill-inqas, li jkunu bbażati fuq “bażi fattwali suffiċjenti” (ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Heinisch vs Il‑Ġermanja tal-21 ta’ Lulju 2011, Nru 28274/08, § 79). F’dan ir-rigward, ġie deċiż li l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal kien jirrigwarda biss il-komunikazzjoni ta’ fatti konkreti li l-ewwel evalwazzjoni tagħha setgħet twassal lill-uffiċjal li jikkomunikahom biex jippreżumi raġonevolment l-eżistenza ta’ attività illegali jew nuqqas serju u li din id-dispożizzjoni għandha, barra minn hekk, tkun ikkonċiljata mal-obbligi ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità li għandhom l-uffiċjali, bl-obbligu li jħarsu d-dinjità tal-funzjoni tagħhom u bid-dmir tagħhom ta’ lealtà, kif ukoll bl-obbligu li jiġi rrispettat l-unur u l-preżunzjoni ta’ innoċenza tal-persuni kkonċernati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Jannar 2011, Nijs vs Qorti tal-Awdituri, F‑77/09, punti 66 sa 70).

137    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-mezzi użati mill-uffiċjal biex jipproċedi għall-iżvelar u, b’mod partikolari fir-rigward ta’ irregolaritajiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jivverifika jekk l-uffiċjal ikunx indirizza ruħu lill-awtorità jew korp kompetenti, jiġifieri “lis-superjur ta’ fuqu eżatt jew id-Direttur Ġenerali tiegħu jew, jekk taħseb li tkun utli, lis-Segretarju Ġenerali, jew il-persuni fil-posizzjonijiet ekwivalenti, jew dirett lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).”.

138    Finalment, il-motiv ta’ uffiċjal li jakkuża illegalitajiet huwa fattur ieħor għall-evalwazzjoni tal-punt jekk huwa jkunx aġixxa in bona fides. Akkuża mmotivata minn ilment jew minn animosità personali jew inkella mill-perspettiva ta’ vantaġġ personali, speċjalment qligħ pekunjarju, ma tistax titqies bħala akkuża in bona fides.

139    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jeżamina l-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 12a, 22a u 86 tar-Regolamenti tal-Persunal.

140    F’din il-kawża, huwa paċifiku li, fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrent għamel akkużi serji prinċipalment kontra s-Segretarju Ġenerali, fejn akkużah b’fastidju psikoloġiku u li wettaq attivitajiet illegali, li wħud minnhom jikkostitwixxu ksur tal-kodiċi kriminali Belġjan.

141    Issa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li n-nota tat-7 ta’ Diċembru 2009 ma kienet tinkludi ebda element li jista’ jagħti lok għal preżunzjoni ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, jew attività illegali jew nuqqas serju mill-obbligi ta’ uffiċjali fis-sens tal-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

142    Effettivament, fl-ewwel lok, ir-rikorrent ilmenta lis-Segretarju Ġenerali li kien iffastidjah psikoloġikament, billi kien eżiġa mingħandu li jifformula pariri legali li kienu legalment żbaljati. Madankollu, ir-rikorrent ma pproduċa ebda prova, kif intqal iktar ’il fuq, li tippermetti li jiġi stabbilit jew ta’ mill-inqas preżunt li huwa kien vittma ta’ aġir li jippreġudika l-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew mentali tiegħu.

143    Fit-tieni lok, ir-rikorrent jakkuża wkoll lis-Segretarju Ġenerali talli astjena milli jirrapporta lill-OLAF il-każ ta’ uffiċjal li kien neħħa materjal li kien jappartjeni lill-KESE, u talli ma impona ebda sanzjoni dixxiplinarja kontra dak l-uffiċjal. Madankollu, tali aġir min-naħa tas-Segretarju Ġenerali ma jistax jiġi kkwalifikat bħala illegalità jew nuqqas serju mill-obbligi tal-uffiċjali fis-sens tal-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, meta jitqies, b’mod partikolari, il-valur modest tal-materjal meħud mill-uffiċjal inkwistjoni u l-parir tal-konsulent tad-dixxiplina li ma tiġi imposta ebda sanzjoni dixxiplinarja kontrih. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, fuq il-bażi tal-Artikolu 3(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, is-Segretarju Ġenerali bagħat twissija lil dak l-uffiċjal.

144    Fit-tielet lok, ir-rikorrent akkuża lis-segretarju ġenerali li mar kontra kemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tar-Regolament Finanzjarju kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Effettivament, skont ir-rikorrent, is-Segretarju Ġenerali ta istruzzjoni sabiex l-avukat tal-uffiċjal imsemmi fil-punt preċedenti jitħallas is-somma ta’ EUR 32 019, li tikkorrispondi mal-ispejjeż għall-onorarji ta’ dak l-avukat mhux biss fil-kuntest tal-proċedura dixxiplinarja miftuħa kontra dak l-uffiċjal, iżda wkoll fl-okkażjoni tal-investigazzjoni li saret qabel il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinarja. Kif ifakkar ir-rikorrent, l-Artikolu 21(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li istituzzjoni għandha l-obbligu li tagħmel tajjeb biss għall-ispejjeż relatati ma’ proċedura dixxiplinarja li ma tkun wasslet għal ebda sanzjoni.

145    Madankollu, ma huwiex stabbilit li l-onorarji inkwistjoni ma kinux relatati esklużivament mal-proċedura dixxiplinarja mmexxija kontra l-uffiċjal ħati minn fatti illeċiti. Barra minn hekk, anki jekk ir-rikorrent, fil-kwalità tiegħu bħala kap tas-servizz legali, seta’ leġittimament tistaqsi dwar l-ammont ta’ din is-somma fir-rigward ta’ proċeduri simili fil-qasam tas-servizz pubbliku Ewropew, ma jirriżultax mill-proċess li, meta jitqies it-tul ta’ żmien tal-proċedura dixxiplinarja u tan-numru ta’ seduti li saru mill-kunsill dixxiplinarju, li dik is-somma kienet manifestament eċċessiva u, konsegwentement, li l-istruzzjoni mogħtija mis-Segretarju Ġenerali li jitħallas dak l-ammont kienet tiġġustifika t-talba għal riferiment tal-OLAF.

146    Fir-raba’ lok, dejjem fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrent akkuża l-irregolaritajiet li vvizzjaw, fl-2009, il-proċeduri għall-għoti tal-pożizzjoni ta’ direttur tad-Direttorat A tal-ħidmiet konsultattivi u tad-direttur tar-riżorsi umani u finanzjarji, irregolaritajiet li kienu jikkonċernaw prinċipalment il-kwalifiki meħtieġa sabiex wieħed ikun jista’ jassumi dik il-kariga, il-kompożizzjoni tal-panels tal-għażla jew l-eżami tal-applikazzjonijiet. Waqt li huwa minnu li l-kap tal-kabinett tal-President stess ikkonferma, fir-rapport ta’ investigazzjoni tiegħu, l-eżistenza ta’ “żbalji […] li kellhom jiġu evitati”, ma jirriżultax mill-atti tal-proċess li dawn kienu ta’ natura daqstant serja daqs l-irregolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Finalment, l-individwu kkonċernat stess ippreċiża fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, min-naħa waħda, li l-kandidat magħżul għall-kariga ta’ direttur tad-Direttorat A tal-ħidmiet konsultattivi kien intgħażel wara proċedura eżenti minn “possibiltajiet prattiċi ta’ żbalji jew frodi”, u min-naħa l-oħra li l-proċedura organizzata għar-reklutaġġ ta’ direttur tar-riżorsi umani u finanzjarji kienet finalment ġiet annullata ftit qabel ma ntbagħtet in-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009.

147    Fil-ħames lok, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet li jinsabu fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, ma jirriżultax mill-atti tal-proċess li s-Segretarju Ġenerali użurpa s-setgħat tal-uffiċċju jew tal-President fil-ħatra ta’ ċerti uffiċjali għolja tal-KESE. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, fid-data meta ntbagħtet in-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, li s-Segretarju Ġenerali kien jeżerċita għal iktar minn sena l-funzjonijiet ta’ direttur tar-riżorsi umani u finanzjarji fuq bażi provviżorja, dik is-sitwazzjoni, li ġiet ikkwalifikata wkoll bħala “mhux normali” mill-kap tal-kabinett tal-President fir-rapport tal-investigazzjoni tiegħu, ma kinitx ta’ natura tant serja li setgħet tkun is-suġġett ta’ akkuża skont l-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. L-istess jgħodd fir-rigward tal-akkuża li saret mir-rikorrent kontra s-Segretarju Ġenerali li ma ddeskriviex b’mod preċiż biżżejjed in-natura tal-funzjonijiet u tal-mandat tal-Viċi Segretarju Ġenerali.

148    Fis-sitt u fl-aħħar lok, ir-rikorrent xeħet ukoll dubju, fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, fuq il-kap tad-Diviżjoni “Reklutaġġ, karrieri, taħriġ” tad-Direttorat tar-riżorsi umani u finanzjarji, billi akkużah li kiser l-Artikolu 11 A(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistabbilixxi li “[u]ffiċjal m’għandux, fil-qadi ta’ dmirijietu u għajr kif ipprovdut minn hawn ’l quddiem, jieħu ħieb affari li fihom, direttament jew indirettament, għandu xi interess personali tali li jfixkel l-indipendenza tiegħu”. F’dan ir-rigward, effettivament jirriżulta mill-atti tal-proċess li dan il-kap ta’ Diviżjoni tad-Direttorat tar-riżorsi umani u finanzjarji kien kandidat għall-pożizzjoni ta’ direttur f’dak l-istess Direttorat u li huwa pprova jikkonvinċi lill-membri tas-servizz legali dwar in-natura żbaljata ta’ parir mogħti minnu fir-rigward tal-possibbiltà għal uffiċjal tal-grad AD 14 li jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal dik il-pożizzjoni. Madankollu, meta jitqiesu r-responsabbiltajiet eżerċitati minn dak il-kap ta’ diviżjoni, l-espressjoni minnu ta’ nuqqas ta’ qbil mal-kontenut ta’ parir tas-servizz legali ma tistax, fiha nfisha, tiżvela ksur minn dak l-uffiċjal tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 11a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

149    B’hekk, l-informazzjoni li tinsab fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009 ma turix l-eżistenza ta’ irregolaritajiet amministrattivi daqstant serji li jagħtu lok għall-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku li tagħha kien vittma r-rikorrent u lanqas, b’mod iktar ġenerali, l-eżistenza ta’ attività illegali, b’mod partikolari frodi jew korruzzjoni, jew nuqqas serju mill-obbligi tal-uffiċjali fis-sens tal-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

150    Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjal li jkun beħsiebu juża d-dritt tiegħu ta’ akkuża ggarantit minn dak l-artikolu għandu “mingħajr dewmien javża jew lis-superjur ta’ fuqu eżatt jew id-Direttur Ġenerali tiegħu jew, jekk jaħseb li tkun utli, lis-Segretarju Ġenerali, jew il-persuni fil-posizzjonijiet ekwivalenti”, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma indirizzax sempliċement in–nota tas-7 ta’ Diċembru 2009 lill-President kif ukoll lill-Presidenti tal-grupp iżda, b’posta elettronika mibgħuta fl-istess ġurnata tal-preżentata tan-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrent informa lill-membri l-oħrajn tal-uffiċċju li kien għadu kif ħalla fl-uffiċċju tal-grupp tagħhom, envelop indirizzat għall-attenzjoni ta’ kull wieħed minnhom li fih kien hemm kopja ta’ dik in-nota. Billi ta pubbliċità partikolarment mifruxa lill-akkużi li jinsabu f’dik in-nota, l-individwu kkonċernat kiser l-obbligu li juri l-ikbar prudenza u rażan fil-pubbliċità mogħtija lil allegazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-OLAF (sentenza Nijs vs Qorti tal-Awdituri, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80).

151    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jallega li d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, li barra minn hekk ma neħħewlux il-kwalità tiegħu bħala kap ta’ diviżjoni, ġew adottati bi ksur tal-Artikolu 12a(2) u tal-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, jew ikkostitwixxew sanzjoni moħbija bi ksur tal-Artikolu 86 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal.

152    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv ma jistax jintlaqa’.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

153    Ir-rikorrent jargumenta li d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kienu vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li ttieħdu kontra l-interess tas-servizz. Ir-rikorrent jenfasizza b’mod partikolari li huwa ma setax jitneħħa minn kap tas-servizz legali u li l-KESE dam ma wera, fl-organigramma tiegħu, il-bidliet li saru fl-organizzazzjoni interna tiegħu permezz ta’ dawk id-deċiżjonijiet, bi ksur tal-Artikolu 71(6) tar-Regoli ta’ Proċedura. Huwa jiddikjara fl-aħħar nett li r-responsabbiltajiet il-ġodda tiegħu huma sostanzjalment inferjuri minn dawk li kien jeżerċita qabel l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu.

154    Il-KESE jirribatti li d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ittieħdu fl-interess tas-servizz, minħabba t-telf ta’ fiduċja bejn ir-rikorrent u s-Segretarju Ġenerali wara l-attakki personali infondati li saru minn dan tal-ewwel kontra dan tal-aħħar. Skont il-KESE, l-unika soluzzjoni vijabbli kemm mill-perspettiva tal-interess tal-KESE kif ukoll mill-perspettiva tal-interess tar-rikorrent kienet li dan tal-aħħar jingħata rwol li jeskludi kull relazzjoni mill-qrib mas-Segretarju Ġenerali.

155    Il-KESE jkompli billi josserva li l-irwol il-ġdid tar-rikorrent, għall-kuntrarju ta’ dak li kien qed jallega, ma kienx jinvolvi tnaqqis sostanzjali fir-responsabbiltajiet tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

156    Skont il-ġurisprudenza, filwaqt li huwa minnu li l-amministrazzjoni għandha kull interess li tagħti rwol lill-uffiċjali billi tqis il-kapaċitajiet tagħhom u l-preferenzi personali tagħhom, ma jistax jitqies li jiġi rikonoxxut lilhom id-dritt li jeżerċitaw jew li jżommu funzjonijiet speċifiċi. Għalhekk, minkejja li r-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari l-Artikolu 7, ma jipprevedux espliċitament il-possibbiltà ta’ “assenjazzjoni mill-ġdid” ta’ uffiċjal, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom fid-dawl tal-missjonijiet li huma fdati lilhom u fl-assenjazzjoni, fid-dawl ta’ dawn il-missjonijiet, tal-persunal li jkunu għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni, madankollu, li min-naħa waħda din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz u, minn naħa l-oħra, li tiġi osservata l-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Marzu 1988, Hecq vs Il‑Kummissjoni, 19/87, punt 6, sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Jannar 2007, de Albuquerque vs Il‑Kummissjoni, F‑55/06, punt 55).

157    F’din il-kawża, b’hekk għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjonijiet li jtemmu l-funzjonijiet u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid issodisfawx iż-żewġ kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

–       Fuq l-interess tas-servizz

158    Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li meta titqies is-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, l-istħarriġ tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjoni relatata mal-interess tas-servizz għandu jkun limitat għall-kwistjoni jekk l-Awtorità tal-Ħatra baqgħetx f’limiti raġonevoli u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, punt 53).

159    F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, diffikultajiet relazzjonali interni, meta jkunu jikkawżaw tensjonijiet li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tas-servizz, jistgħu jiġġustifikaw, fl-interess tas-servizz, it-trasferiment ta’ uffiċjal, sabiex tintemm sitwazzjoni amministrattiva li tkun saret insostenibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 1990, Hecq vs Il‑Kummissjoni, C‑116/88 u C‑149/88, punt 22, u tat-12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il‑Kummissjoni, C‑294/95 P, punt 41; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Mejju 1998, W vs Il‑Kummissjoni, T‑78/96 u T‑170/96, punt 88). Tali assenjazzjoni mill-ġdid, deċiża fl-interess tas-servizz, ma teħtieġx il-kunsens tal-uffiċjal ikkunsidrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, De Persio vs Il‑Kummissjoni, T‑23/96, punt 138). Barra minn hekk, għall-finijiet li jiġi eżaminat jekk tensjonijiet fir-relazzjonijiet jistgħux jiġġustifikaw, fl-interess tas-servizz, it-trasferiment ta’ uffiċjal, huwa irrilevanti li tiġi ddeterminata l-identità tal-persuna responsabbli għall-inċidenti inkwistjoni jew anki li jiġi stabbilit jekk l-allegazzjonijiet fformulati jkunux fondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1979, List vs Il‑Kummissjoni, 124/78, punt 13, u Ojha vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 41).

160    F’din il-kawża, fid-data meta ġiet adottata d-deċiżjoni li temmet il-funzjonijiet preċedenti, kien hemm b’mod ċar relazzjonijiet ta’ kunflitt qawwi bejn l-individwu kkonċernat u s-Segretarju Ġenerali, minħabba l-preżentata tan-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009. Issa, dawn kienu ta’ natura, fir-rigward tal-funzjonijiet mogħtija lis-servizz legali u, b’mod partikolari, meta titqies l-assistenza li kellha tingħata minn dan tal-aħħar lis-Segretarju Ġenerali, li jfixklu l-ħidma tal-KESE.

161    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u filwaqt li n-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009 ma kinitx tinkludi, kif diġà ntqal, provi li juru l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku jew ta’ irregolaritajiet fis-sens tal-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-President ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li l-interess tas-servizz kien jeħtieġ li tintemm sitwazzjoni amministrattiva li kienet dannuża għall-KESE u li kienet tiġġustifika l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent.

–       Fuq l-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet

162    Għandu jitfakkar li, f’każ ta’ bidla fil-funzjonijiet mogħtija lil uffiċjal, ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni, stabbilita b’mod partikolari fl-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal, timplika paragun bejn il-grad u l-funzjonijiet attwali tal-uffiċjal u mhux paragun bejn il-funzjonijiet attwali tiegħu u dawk preċedenti tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Mejju 2008, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, F‑119/06, punt 96).

163    B’hekk, ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni ma tipprekludix li deċiżjoni twassal għall-attribuzzjoni ta’ funzjonijiet ġodda li, għalkemm ikunu differenti minn dawk eżerċitati qabel u jkunu pperċepiti mill-individwu kkonċernat bħala li jikkonsistu fi tnaqqis tar-responsabbiltajiet tiegħu, ikunu madankollu konformi mal-pożizzjoni li tikkorrispondi mal-grad tiegħu. B’hekk, tnaqqis effettiv tar-responsabbiltajiet ta’ uffiċjal ma jiksirx ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni ħlief jekk dawk ir-responsabbiltajiet ġodda jkunu, fit-totalità tagħhom, nettament ta’ livell inferjuri, minn dawk li jikkorrispondu mal-grad u mal-pożizzjoni tiegħu, meta jitqiesu n-natura, l-importanza u d-dimensjoni tagħhom (sentenza Hecq vs Il‑Kummissjoni, 19/87, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 7; sentenza tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 1990, Pitrone vs Il‑Kummissjoni, T‑46/89, punt 35).

164    Fl-aħħar nett, għalkemm ir-Regolamenti tal-Persunal huma intiżi biex jiggarantixxu lill-uffiċjali l-grad miksub kif ukoll pożizzjoni li tikkorrispondi ma’ dak il-grad, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtu lill-uffiċjali ebda dritt għal pożizzjoni partikolari, iżda għall-kuntrarju jħallu lill-Awtorità tal-Ħatra l-kompetenza li tassenja lill-uffiċjali, fl-interess tas-servizz, għal diversi pożizzjonijiet li jikkorrispondu mal-grad tagħhom (sentenza W vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 102). Barra minn hekk, filwaqt li huwa minnu li l-amministrazzjoni għandha kull interess li tassenja lill-uffiċjali skont il-kapaċitajiet speċifiċi u l-preferenzi personali tagħhom, madankollu l-uffiċjali ma jistgħux jingħataw id-dritt li jeżerċitaw jew iżommu funzjonijiet speċifiċi jew li jirrifjutaw kull funzjoni oħra relatata mal-pożizzjoni tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 1981, Kruse vs Il‑Kummissjoni, 218/80, punt 7, u tal-1 ta’ Ġunju 1983, Seton vs Il‑Kummissjoni, 36/81, 37/81 u 218/81, punti 41 sa 44; sentenza W vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105).

165    F’din il-kawża, huwa paċifiku li d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid poġġiet lir-rikorrent fid-direttorat tal-loġistika “fil-kapaċità ta’ kap ta’ diviżjoni u bil-pożizzjoni tiegħu”, “b’mod partikolari sabiex jieħu ħsieb l-affarijiet legali li jikkonċernaw il-kuntratti u s-sejħiet għal offerti”. Issa, ma huwiex stabbilit li dawn il-funzjonijiet ġodda ma kinux jikkorrispondu mal-grad tal-persuna kkonċernata. Filwaqt li r-rikorrent josserva li l-kwistjonijiet legali li jikkonċernaw il-kuntratti u s-sejħiet għall-offerti kienu biss, qabel id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, ta’ natura marġinali fi ħdan il-KESE, ma jistax jiġi dedott minn din iċ-ċirkustanza li l-kompitu li jikkonsisti fl-ipproċessar ta’ kwistjonijiet legali li jikkonċernaw il-kuntratti u s-sejħiet għal offerti fi ħdan id-direttorat tal-loġistika ma jistax, sa mid-data tal-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent, jassumi importanza ikbar u jkun suġġett, bis-saħħa tal-għarfien legali tal-individwu kkonċernat, għal attenzjoni ikbar fi ħdan il-KESE. Barra minn hekk, ir-rikorrent stess irrikonoxxa li ngħata l-karigu li jabbozza vade-mecum dwar l-aspetti ġuridiċi tal-kuntratti u tas-sejħiet għal offerti.

166    Fl-aħħar nett, il-fatt li l-funzjonijiet ġodda tar-rikorrent ma għadhomx jinkludu s-superviżjoni ta’ persunal ma jistax jikkostitwixxi prova li dawk il-funzjonijiet huma nettament ta’ livell inferjuri minn dawk li jikkorrispondu mal-grad tar-rikorrent, peress li, kif ġie deċiż, l-ogħla gradi fil-ġerarkija ma humiex neċessarjament irriżervati għall-persuni il jokkupaw kariga ta’ superviżjoni, iżda jistgħu jingħataw lil uffiċjali li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ konsulenza ta’ livell għoli (sentenza Kerstens vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 101).

167    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jallega li d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tmur kontra l-prinċipju tal-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet.

168    Minn dan isegwi li l-ħames motiv issollevat, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

 L-argumenti tal-partijiet

169    Ir-rikorrent jallega li l-Awtorità tal-Ħatra naqset mid-dmir ta’ premura tagħha u mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta adottat, bl-għaġla u b’mod infondat, id-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. Ir-rikorrent jiddikjara wkoll li huwa tħalla mingħajr kariga għal ta’ mill-inqas tlettax-il ġurnata, bejn l-24 ta’ Marzu u t-13 ta’ April 2010.

170    Il-KESE jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

171    Għalkemm, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha jirrifletti l-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku, ir-rekwiżiti ta’ dan id-dmir ma jistgħux jipprekludu lill-Awtorità tal-Ħatra milli tadotta l-miżuri li hija jidhirlha li huma meħtieġa fl-interess tas-servizz, peress li l-assenjazzjoni ta’ kull pożizzjoni għandha tkun ibbażata fl-ewwel lok fuq l-interess tas-servizz. Meta titqies il-portata tad-diskrezzjoni li għandhom l-istituzzjonijiet biex jevalwaw l-interess tas-servizz, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jillimita ruħu biex jivverifika jekk l-Awtorità tal-Ħatra żammitx fi ħdan limiti li ma jistgħux jiġu kkontestati u jekk użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

172    F’din il-kawża, peress li, kif għadu kif intqal, id-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ittieħdu fl-interess tas-servizz u peress li mkien ma ġie stabbilit li dawn ikkostitwixxew sanzjoni moħbija, il-motiv ibbażat fuq li d-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq kisru d-dmir ta’ premura kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għandu jiġi miċħud. Barra minn hekk, waqt li r-rikorrent jallega li huwa kien mingħajr kariga bejn l-24 ta’ Marzu u t-13 ta’ April 2010, din iċ-ċirkustanza, għalkemm mhux ideali, hija irrilevanti għall-finijiet tal-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet.

173    Isegwi li s-sitt motiv imqajjem ma jistax jiġi milqugħ.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 22b tar-Regolamenti tal-Persunal

 L-argumenti tal-partijiet

174    Ir-rikorrent jallega fl-aħħar nett li l-Awtorità tal-Ħatra kisret l-Artikolu 22b tar-Regolamenti tal-Persunal meta astjeniet, fis-60 jum minn meta ġiet ippreżentata n-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, li tikkomunikalu kull informazzjoni utli dwar it-terminu ta’ skadenza li fih kien ikollu dritt, f’każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-amministrazzjoni, li jiżvela l-informazzjoni li tinsab fin-nota tiegħu lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-President tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea, lill-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-President tal-Parlament Ewropew jew lill-Ombudsman Ewropew.

175    Il-KESE jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

176    Skont l-Artikolu 22b(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, “[l]-uffiċjal li jiżvela aktar, informazzjoni kif definit fl-Artikolu 22a lill-President tal-Kummissjoni jew lill-Qorti ta’ l-Awdituri jew tal-Kunsill jew tal-Parlament Ewropew, jew lill-Ombudsman Ewropew, m’għandux isofri xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni tiegħu, sakemm jitħarsu ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:: a) l-uffiċjal onestament u bir-raġun jemmen li l-informazzjoni żvelata u kull allegazzjoni li fiha, huma sostanzjalment vera; u b) l-uffiċjal kien żvela l-istess informazzjoni qabel lil OLAF jew lill-istituzzjoni tiegħu u ppermetta lil OLAF u lil dik l-istituzzjoni l-perjodu ta’ żmien stabbilit mill-Uffiċċju jew l-istituzzjoni, minħabba l-komplessità tal-każ, billi tieħu l-azzjoni xierqa. L-uffiċjal għandu mbagħad jkun informat b’dak il-perjodu ta’ żmien matul 60 ġurnata.”

177    F’din il-kawża, il-motiv imqajjem mir-rikorrent kien ikun rilevanti biss kieku l-Awtorità tal-Ħatra kienet adottat deċiżjoni dannuża għar-rikorrent minħabba li huwa kien ressaq il-każ, b’applikazzjoni tal-Artikolu 22b tar-Regolamenti tal-Persunal, quddiem il-President tal-Kummissjoni, il-President tal-Qorti tal-Awdituri, il-President tal-Kunsill, il-President tal-Parlament Ewropew jew l-Ombudsman. Minbarra l-fatt li la ġie stabbilit u lanqas allegat li r-rikorrent uża dik il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22b tar-Regolamenti tal-Persunal, fi kwalunkwe każ id-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid b’ebda mod ma huma relatati ma’ dik il-proċedura.

178    L-aħħar motiv imqajjem b’hekk għandu jiġi miċħud bħala mhux applikabbli.

179    Peress li ġew miċħuda l-motivi kollha mqajma kontra d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, it-talbiet għall-annullament ta’ dawk id-deċiżjonijiet għandhom jiġu miċħuda.

180    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li t-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda kollha, jew bħala inammissibbli jew inkella bħala infondati.

3.     Fuq it-talbiet għad-danni

 L-argumenti tal-partijiet

181    Ir-rikorrent isostni li l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors ikkawżatlu danni morali li huwa kkwantifika ex æquo et bono għas-somma ta’ EUR 15 000.

182    Rigward id-danni materjali li allegatament sofra, ir-rikorrent isostni li huwa kellu jġarrab l-ispejjeż tal-avukat relatati mal-proċedura prekontenzjuża, u jitlob ir-rimbors ta’ dawk l-ispejjeż fl-ammont ta’ EUR 1 000.

183    Il-KESE jitlob li jiġu miċħuda dawn it-talbiet għad-danni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

184    Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet intiżi għall-kumpens għal dannu relatat ma’ funzjoni pubblika għandhom jiġu miċħuda sa fejn dawn ikunu strettament konnessi ma’ talbiet għal annullament li jkunu, min-naħa tagħhom, ġew miċħuda bħala infondati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Ġunju 2004, Liakoura vs Il‑Kunsill, T‑330/03, punt 69). F’din il-kawża, peress li l-eżami tal-ilmenti ppreżentati insostenn tat-talbiet għal annullament ma wera ebda illegalità li tivvizzja d-deċiżjonijiet ikkontestati u b’hekk, ebda nuqqas li jimplika r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni, it-talbiet għal kumpens għad-danni materjali u morali li allegatament sofra r-rikorrent minħabba l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu miċħuda wkoll.

185    Barra minn hekk, f’każ fejn ir-rikorrent ikun beħsiebu jitlob ukoll li l-KESE jiġi kkundannat li jagħti kumpens għal dannu li jirriżulta minn nuqqasijiet fis-servizz li ma jkunux strettament relatati mat-talbiet għal annullament, dik it-talba hija inammissibbli, ħlief jekk ir-rikorrent ikun ressaq talba quddiem l-amministrazzjoni skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

186    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

187    Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, salv dispożizzjonijiet oħra tat-tieni titolu tat-tmien kapitolu tal-imsemmija regoli, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż jew li hija ma tiġix ikkundannata għall-ispejjeż.

188    Mill‑motivi ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-rikorrent huwa l‑parti telliefa. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu, il-KESE talab espressament li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Madankollu, kif intqal, għalkemm l-elementi ppreżentati mir-rikorrent fin-nota tiegħu tas-7 ta’ Diċembru 2009 ma kinux suffiċjenti biex tingħata prova jew biex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ fastidju psikoloġiku jew ta’ irregolaritajiet serji fis-sens tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, madankollu dawn juru b’mod ċar l-eżistenza ta’ għadd ta’ irregolaritajiet. Għalhekk, peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża jiġġustifikaw l‑applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, inklużi dawk imġarrba fil-kuntest tal-proċeduri dwar miżuri provviżorji.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Kreppel

Perillo

Barents

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Settembru 2012.

W. Hakenberg

 

      H. Kreppel

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.