Language of document : ECLI:EU:C:2012:758

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

29 ta’ Novembru 2012 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Direttiva 2004/18/KE – Awtorità kontraenti li teżerċita fuq entità li ngħatat kuntratt li hija legalment distinta minnha, kontroll analogu għal dak li din teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess – Nuqqas ta’ obbligu li tiġi organizzata proċedura ta’ għoti skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni (għoti msejjaħ ‘in house’) – Entità li ngħatat il-kuntratt ikkontrollata b’mod konġunt minn diversi kollettivitajiet territorjali – Kundizzjonijiet għall-applikabbiltà ta’ għoti ‘in house’”

Fil-Kawżi magħquda C-182/11 u C-183/11,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-23 ta’ Frar 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ April 2011, fil-proċeduri

Econord SpA

vs

Comune di Cagno (C-182/11),

Comune di Varese,

Comune di Solbiate (C 183/11),

Comune di Varese,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, T. von Danwitz, E. Juhász (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Comune di Cagno u l-Comune di Solbiate, minn C. Colombo, avukat,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Zadra u P. Manzini, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Lulju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-attribuzzjoni diretta, imsejħa “in house”, ta’ servizz ta’ interess pubbliku.

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawża bejn Econord SpA (iktar ’il quddiem “Econord”) minn naħa, u l-Comune di Varese, il-Comune di Cagno u l-Comune di Solbiate, min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-regolarità tal-attribuzzjoni diretta ta’ kuntratt għal servizzi, mill-aħħar żewġ Komuni, lil ASPEM SpA (iktar ’il quddiem “ASPEM”), mingħajr ma ġiet organizzata proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt b’mod konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“a)      ‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

[…]

d)      ‘Kuntratti għal servizzi pubbliċi’ huma kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi jew kuntratti għall-provvisti li għandhom bħala għan il-disposizzjoni tas-servizzi riferuti għalihom fl-Anness II.

[…]”

4        L-Artikolu 1(4) ta’ din id-Direttiva jipprovdi li:

“‘Konċessjoni tas-servizz’ huwa kuntratt ta’ l-istess tip bħal kuntratt għas-servizz pubbliku minbarra l-fatt illi l-konsiderazzjoni għall-disposizzjoni tas-servizzi jikkonsisti jew waħdu fid-dritt li jesplojta s-servizz jew f’dan id-dritt kif ukoll bi ħlas.”

5        Skont l-Artikolu 20 tal-imsemmija Direttiva:

“Kuntratti li għandhom bħala l-oġġettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II A għandhom jiġu mogħtija skond l-Artikoli 23 sa 55.”

6        Fil-punt 16 tal-Anness II A tal-istess Direttiva msemmija hemm iċċitati s-“[s]ervizzi ta’ drenaġġ u ta’ skart; iġjene u servizzi simili”.

 Id-dritt Taljan

7        L-Artikolu 30 tad-Digriet Leġiżlattiv Taljan Nru 267, tat-18 ta’ Awwissu 2000 (test uniku tal-liġijiet dwar is-sistema tal-kollettivitajiet lokali), (GURI Nru 227 tat-28 ta’ Settembru 2000 – suppliment ordinarju Nru 162, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000”), jipprovdi:

“1.      Sabiex jiġu eżerċitati b’mod ikkoordinat funzjonijiet u servizzi determinati, il-kollettivitajiet lokali jistgħu jikkonkludu bejniethom ftehim xierqa.

2.      Il-ftehim imsemmija għandhom jistabbilixxu l-għanijiet, it-tul, il-metodi ta’ konsultazzjoni tal-kollettivitajiet kontraenti, ir-relazzjonijiet finanzjarji tagħhom u l-obbligi u l-garanziji reċiproċi.

3.      Għat-tmexxija għal żmien determinat ta’ servizz speċifiku jew għat-twettiq ta’ xogħlijiet, l-Istat u r-Reġjun, fl-oqsma li jidħlu fil-kompetenza tagħhom, jistgħu jistabbilixxu forom ta’ ftehim obbligatorji bejn il-kollettivitajiet lokali, wara li jiġi elaborat mudell ta’ leġiżlazzjoni.

4.      Il-ftehim imsemmija f’dan l-artikolu jistgħu wkoll jistabbilixxu l-ħolqien ta’ uffiċċji komuni, li joperaw b’persunal meħud mill-kollettivitajiet parteċipanti u li lilhom jiġi fdat l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet pubbliċi minflok il-kollettivitajiet li jipparteċipaw fil-ftehim, jew id-delega ta’ funzjonijiet min-naħa tal-kollettivitajiet parteċipanti favur waħda minnhom, li topera minflok u fl-interess tal-kollettivitajiet li jiddelegaw”.

8        L-Artikolu 113 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000, intitolat “Tmexxija tan-netwerks u provvista tas-servizzi pubbliċi lokali ta’ interess ekonomiku”, jipprovdi fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Il-provvista [ta’ servizz pubbliku lokali minn kollettività lokali] isseħħ skont il-leġiżlazzjoni tas-settur u fl-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, bl-għoti tal-operat tas-servizz lil:

[…]

c)      kumpanniji għalkollox pubbliċi, bil-kundizzjoni li l-kollettività jew kollettivitajiet pubbliċi li għandhom il-kapital azzjonarju jeżerċitaw fuq il-kumpannija kontroll analogu għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħhom stess u li l-kumpannija twettaq l-essenzjali tal-attività tagħha mal-kollettività jew kollettivitajiet pubbliċi li jikkontrollawha.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Comune di Varese nnomina lil ASPEM għat-tmexxija ta’ servizzi pubbliċi fit-territorju tiegħu, prinċipalment għas-servizz ta’ tindif urban, bħala fornitur “in house”. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-Comune di Varese kellu, f’din il-kumpannija, sehem kważi totali, liema ħaġa kienet tiżguralu l-kontroll tagħha.

10      B’sensiela ta’ deċiżjonijiet mogħtija matul l-2005, il-Comune di Cagno u l-Comune di Solbiate għażlu bħala forma preferenzjali ta’ tmexxija tas-servizz ta’ tindif urban, b’mod iktar partikolari tas-servizz ta’ eliminazzjoni tal-iskart solidu urban, dik ikkoordinata ma’ komuni oħra, b’mod konformi mal-Artikoli 30 u 113(5)(c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000, approvaw il-konklużjoni ta’ ftehim mal-Comune di Varese għall-attribuzzjoni, b’titolu oneruż, tas-servizz ta’ tindif urban tagħhom lil ASPEM u aderixxew ma’ din tal-aħħar fil-kwalità ta’ azzjonisti pubbliċi, permezz tal-parteċipazzjoni fil-kapital azzjonarju li jikkonsisti fix-xiri ta’ sehem għal kull wieħed minn dawn il-komuni.

11      Mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kapital azzjonarju ta’ ASPEM jammonta għal EUR 173 785, irrappreżentat bl-istess numru ta’ ishma b’valur nominali ta’ Euro l-wieħed. Il-Comune di Varese jżomm il-maġġoranza tal-kapital bil-pussess ta’ 173 467 sehem. It-318-il sehem l-oħra jinqasmu bejn 36 komun tal-provincia ta’ Varese, b’ishma individwali li jvarjaw bejn 1 u 19-il sehem.

12      Fl-istess ħin max-xiri ta’ dan is-sehem, il-Comune di Cagno u l-Comune di Solbiate pproċedew, flimkien ma’ komuni oħra interessati, għall-iffirmar ta’ ftehim bejn l-azzjonisti, li kien jistabbilixxi d-dritt tagħhom li jiġu kkonsultati, li jinnominaw lil membru tal-kummissarjat għall-kontijiet, u li jinnominaw, bi ftehim mal-komuni l-oħra partijiet għall-ftehim, membru tal-bord tad-diretturi.

13      F’dan il-kuntest, dawn iż-żewġ komuni qiesu li kienu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-attribuzzjoni “in house” tas-servizz ta’ interess pubbliku inkwistjoni, peress li ASPEM kienet ikkontrollata b’mod konġunt minn awtoritajiet territorjali. B’hekk, huma attribwixxew dan il-kuntratt direttament lil ASPEM. Econord SpA kkontestat din l-attribuzzjoni diretta, billi osservat li, f’dan il-każ, il-kontroll taż-żewġ komuni fuq ASPEM ma kienx żgurat u li, konsegwentement, l-attribuzzjoni tal-kuntratt kellha ssir b’mod konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni.

14      Il-Consiglio di Stato jirrileva li s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C-107/98, Ġabra p. I-8121), kienet il-punt inizjali tal-ġurisprudenza li tippreċiża l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-attribuzzjoni diretta ta’ kuntratt pubbliku. B’mod konformi mal-punt 50 ta’ din is-sentenza, l-attribuzzjoni diretta ta’ kuntratt hija ġġustifikata, anki fir-rigward ta’ persuna formalment u legalment distinta mill-awtorità kontraenti, fil-każ fejn, fl-istess ħin, il-kollettività territorjali teżerċita fuq il-persuna inkwistjoni kontroll analogu għal dak li din teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u fejn din il-persuna twettaq l-essenzjali tal-attività tagħha mal-kollettività jew kollettivitajiet li jikkontrollawha. Fil-fatt, f’tali każ, il-persuna inkwistjoni ma tistax titqies li għandha l-kwalità ta’ terz fil-konfront tal-awtorità kontraenti. Il-Consiglio di Stato jirrileva li, fil-kawżi prinċipali, minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punt 50 tas-sentenza Teckal, iċċitata iktar ’il fuq, hija biss dik tal-eżerċizzju ta’ “kontroll analogu” li tinsab indiskussjoni.

15      Il-Consiglio di Stato jirrileva li, fis-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C-458/03, Ġabra p. I-8585), il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet kundizzjonijiet riġidi ħafna fir-rigward tar-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ “kontroll analogu” u f’dan ir-rigward iffissat numru kbir ta’ ħjiel konkret.

16      Madankollu, fis-sentenzi ulterjuri tad-19 ta’ April 2007, Asemfo (C-295/05 Ġabra p. I-2999); tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-371/05), u tat-13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant (C-324/07, Ġabra p. I-8457), il-Qorti tal-Ġustizzja weriet li kienet lesta li tbaxxi l-livell u naqset il-kundizzjonijiet li kellhom jiġu sodisfatti sabiex tasal għar-rikonoxximent tal-eżerċizzju ta’ “kontroll analogu”. B’mod iktar partikolari, minn din l-aħħar sentenza l-Consiglio di Stato jasal għall-konklużjoni li jista’ jitqies li teżisti kumpannija “in house” f’każ ta’ kontroll konġunt eżerċitat fuqha minn diversi kollettivitajiet pubbliċi, u li s‑sitwazzjoni individwali ta’ kull waħda mill-kollettivitajiet pubbliċi, f’dak li jikkonċerna l-kontroll eżerċitat fuq il-kumpannija msemmija, hija irrilevanti.

17      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, f’dan il-każ, il-Comune di Varese jeżerċita b’mod sħiħ il-kontroll ta’ ASPEM, liema ħaġa ma hijiex il-każ għall-Comune di Cagno u għall-Comune di Solbiate. Fil-fatt, ix-xiri ta’ sehem wieħed u ftehim bejn l-azzjonisti partikolarment dgħajjef ma jagħtu lok għal ebda kontroll konġunt effettiv tal-kumpannija inkwistjoni, peress li dawn l-aħħar żewġ komuni ma jistgħux jinfluwenza d-deċiżjonijiet ta’ ASPEM, u ma jistgħux jissodisfaw il-kriterju ta’ “kontroll analogu”. Madankollu, fid-dawl tas-sentenza Coditel Brabant, iċċitata iktar ’il fuq, is-sitwazzjoni ta’ kull waħda mill-kollettivitajiet pubbliċi parteċipanti, ikkunsidrata b’mod individwali, fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kontroll, hija irrilevanti.

18      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prinċipju li jipprovdi li s-sitwazzjoni tal-korp pubbliku individwali parteċipanti fil-kumpannija ad hoc hija irrilevanti, għandu japplika wkoll fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, wieħed mill-komuni assoċjati jkollu sehem wieħed biss fil-kumpannija ad hoc u fejn il-ftehim tal-azzjonisti konkluż bejn korpi pubbliċi ma jkunx tali li jagħti lill-komun parteċipanti kontroll effettiv kwalunkwe fuq il-kumpannija, b’mod li l-parteċipazzjoni fil-kumpannija tista’ titqies biss bħala rappreżentazzjoni formali ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

19      Il-Comune di Cagno u l-Comune di Solbiate josservaw li, wara l-fatti li wasslu għal dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, huma fetħu proċeduri ta’ sejħa għal offerti bil-miftuh, li wasslu sabiex il-kuntratt inkwistjoni jingħata b’titolu definittiv lil ASPEM. Din l-evoluzzjoni ulterjuri għandha impatt fuq l-utilità ta’ risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-talba mressqa mill-qorti tar-rinviju.

20      Il-gvern Taljan isostni li d-domanda preliminari hija inammissibbli minħabba nuqqas ta’ deskrizzjoni suffiċjenti tal-kuntest legali u fattwali tal-kawżi prinċipali.

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi mressqa jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Rintisch, C-553/11, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Għalhekk, iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Rintisch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara l-ġurisprudenza tagħha dwar il-kontroll eżerċitat b’mod konġunt minn diversi awtoritajiet kontraenti fuq entità li ngħatat kuntratt pubbliku miżmuma b’mod komuni bejniethom, kif ukoll il-kundizzjonijiet li bihom għandu jitqies li huwa eżerċita “kontroll analogu” f’tali każ, liema kwistjoni hija mingħajr kontestazzjoni relatata mas-suġġett tal-kawżi prinċipali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-informazzjoni regolamentari u fattwali li tinsab f’din it-talba hija suffiċjenti sabiex hija tkun f’pożizzjoni li tirrispondi b’mod utli għad-domanda mressqa.

24      Isegwi li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

25      Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, awtorità kontraenti, bħal kollettività territorjali, hija meħlusa mill-obbligu li tibda proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku meta din teżerċita fuq l-entità li tingħata l-kuntratt pubbliku kontroll analogu għal dak li din teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u meta din l-entità twettaq l-attività essenzjali tagħha mal-awtoritajiet kontraenti li jżommuha (sentenza Teckal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50). Huwa stabbilit li din il-ġurisprudenza, inizjalment adottata fid-dawl tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110), tapplika wkoll għall-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet u ta’ servizzi.

26      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni jekk teżistix konċessjoni ta’ servizzi jew kuntratt pubbliku ta’ servizzi u, f’dan il-każ, jekk il-valur tal-kuntratt jilħaqx il-livell minimu stabbilit mir-regoli tal-Unjoni, hija irrilevanti għar-risposta li għandha tingħata lid‑domanda preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju ta’ “kontroll analogu”, tapplika f’dawn is-sitwazzjonijiet kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Sea, C-573/07, Ġabra p. I-8127, punti 31 sa 40).

27      Skont ġurisprudenza stabbilita, ikun jeżisti “kontroll analogu” meta l-entità inkwistjoni tkun suġġetta għal kontroll li jippermetti lill-awtorità kontraenti li tinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħha. Għandu jkun hemm lok għal possibbiltà ta’ influwenza determinanti kemm fuq l-objettivi strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti ta’ din il-kumpannija (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Parking Brixen, punt 65; Coditel Brabant, punt 28, u Sea, punt 65). Fi kliem ieħor, l-awtorità kontraenti għandha tkun f’pożizzjoni li teżerċita kontroll strutturali u funzjonali fuq din l-entità (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). Il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi wkoll li dan il-kontroll ikun effettiv (sentenza Coditel Brabant, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

28      B’mod konformi mal-ġurisprudenza, fil-każ ta’ użu ta’ entità miżmuma b’mod komuni bejn diversi awtoritajiet pubbliċi, il-“kontroll analogu” jista’ jiġi eżerċitat b’mod konġunt minn dawn l-awtoritajiet, mingħajr ma jkun indispensabbli li dan il-kontroll jiġi eżerċitat individwalment minn kull waħda minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Coditel Brabant, punti 47 u 50, kif ukoll Sea, punt 59).

29      Minn dan jirriżulta li, jekk awtorità pubblika ssir soċju minoritarju ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata b’kapital kollu kemm huwa pubbliku sabiex din tingħata l-amministrazzjoni ta’ servizz pubbliku, il-kontroll li l-awtoritajiet pubbliċi soċji fi ħdan din il-kumpannija jeżerċitaw fuqha jista’ jiġi kkwalifikat bħala analogu għall-kontroll li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess meta dan jiġi eżerċitat b’mod konġunt minn dawn l-awtoritajiet (sentenza Sea, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm, f’każ ta’ użu minn diversi awtoritajiet pubbliċi ta’ entità komuni għall-finijiet tat-twettiq ta’ missjoni komuni ta’ servizz pubbliku, ma huwiex, ċertament, indispensabbli li kull waħda minn dawn l-awtoritajiet iżżomm, waħedha, setgħa ta’ kontroll fuq din l-entità, xorta jibqa’ l-fatt li l-kontroll eżerċitat fuq din ma jistax ikun ibbażat fuq is-sempliċi setgħa ta’ kontroll tal-awtorità pubblika li żżomm sehem maġġoritarju fil-kapital tal-entità kkonċernata, mingħajr ma jintilef is-sens tal-kunċett stess ta’ kontroll konġunt.

31      Il-pożizzjoni ta’ awtorità kontraenti fi ħdan entità li tingħata kuntratt miżmuma b’mod komuni li ma tiżguralhiex l-iċken possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fil-kontroll ta’ din l-entità effettivament tiftaħ it-triq lejn il-ksur tal-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew ta’ konċessjonijiet ta’ servizzi, peress li affiljazzjoni purament formali ma’ tali entità jew ma’ organu komuni li jiżgura t-tmexxija tagħha jkun jeħles lil din l-awtorità kontraenti mill‑obbligu li tibda proċeduri ta’ sejħa għal offerti skont ir-regoli tal-Unjoni, minkejja li din tal-aħħar bl-ebda mod ma tipparteċipa fl-eżerċizzju tal-“kontroll analogu” fuq din l-entità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname, C-231/03, Ġabra p. I-7287, punt 24).

32      Isegwi li, fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk l-iffirmar mill-Comune di Cagno u mill-Comune di Solbiate ta’ ftehim bejn l-azzjonisti, li jagħtihom id-dritt li jiġu kkonsultati u li jinnominaw direttur bi ftehim mal-kollettivitajiet l-oħra kkonċernati minn dan il-ftehim, huwiex tali li jippermetti lil dawn il-Komuni li jikkontribwixxu effettivament għall-kontroll ta’ ASPEM.

33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda li saret għandha tkun li, meta diversi awtoritajiet pubbliċi, fil-kwalità tagħhom bħala awtorità kontraenti, jistabbilixxu b’mod komuni bejniethom entità responsabbli mit-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku tagħhom jew meta awtorità pubblika taderixxi ma’ tali entità, il-kundizzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li dawn l-awtoritajiet, sabiex ikunu meħlusa mill-obbligu tagħhom li jibdew proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jeżerċitaw flimkien fuq din l-entità kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess hija sodisfatta meta kull waħda minn dawn l-awtoritajiet tipparteċipa kemm fil-kapital kif ukoll fl-organi ta’ tmexxija tal-entità msemmija.

 Fuq l-ispejjeż

34      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Meta diversi awtoritajiet pubbliċi, fil-kwalità tagħhom bħala awtorità kontraenti, jistabbilixxu b’mod komuni bejniethom entità responsabbli mit-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku tagħhom jew meta awtorità pubblika taderixxi ma’ tali entità, il-kundizzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tgħid li dawn l-awtoritajiet, sabiex ikunu meħlusa mill-obbligu tagħhom li jibdew proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jeżerċitaw flimkien fuq din l-entità kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess hija sodisfatta meta kull waħda minn dawn l-awtoritajiet tipparteċipa kemm fil-kapital kif ukoll fl-organi ta’ tmexxija tal-entità msemmija.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.