Language of document : ECLI:EU:C:2013:86

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Frar 2013 *(1)

“Artikolu 48 TFUE – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u (KE) Nru 883/2004 – Assigurazzjoni għax-xjuħija u għall-mewt – Proċeduri speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-assigurazzjoni għax-xjuħija – Kalkolu tal-benefiċċji”

Fil-Kawża C‑282/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2011, fil-proċedura

Concepción Salgado González

vs

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS),

Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits, J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Mejju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u t-Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS), minn A. R. Trillo García u P. García Perea, avukati,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Pardo Quintillán u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 629/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 (ĠU L 114, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), u tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU L 284, p. 43, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, C. Salgado González u min-naħa l-oħra, l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (l-Istitut Nazzjonali għas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem l-“INSS”) u t-Tesorería General de la Seguridad Social (il-Fond Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem it-“TGSS”) fir-rigward tal-kalkolu tal-pensjoni tax-xjuħija tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

“Suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, persuni li għalih japplika dan ir-Regolament jkunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet u jgawdu l-istess benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.”

4        Skont l-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament:

“Fejn il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tagħmel l-akkwist, ir-retenzjoni u l-irkuprar tad-dritt tal-benefiċċji, taħt skema li mhix skema speċjali fl-ambitu tat-tifsira tal-paragrafu 2 jew 3, suġġetti għat-twettiq ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni jew residenza, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tieħu inkonsiderazzjoni, fejn meħtieġ, tal-perjodi ta’ assigurazzjoni jew residenza mwettqa taħt il-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, sew jekk taħt skema ġenerali jew taħt skema speċjali u sew jakk bħala persuna impjegata kif ukoll jekk persuna li taħdem għal rasha. Għal dan l-iskop, hija tieħu inkonsiderazzjoni dawn il-perjodi bħallikieku twettqu taħt il-leġislazzjoni tagħha.”

5        L-Artikolu 46(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Fejn il-kondizzjonijiet mitluba mil-leġislazzjoni ta’ Stat Membru għall-intitolar ta’ benefiċċji jissodisfaw biss wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 45 jew ta’ l-Artikolu 40(3), japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)      l-istituzzjoni kompetenti tikkalkula l-ammont teoretiku tal-benefiċċju li għalih il-persuna kkonċernata tkun tista’ tagħmel it-talba basta l-perjodi kollha ta’ l-assigurazzjoni u/jew tar-residenza, li kienu mwettqa taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri li għalihom il-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha kienet suġġetta, jkunu ġew imwettqa fl-Istat inkwistjoni taħt il-leġislazzjoni li hija tamministra fil-jum tal-għoti tal-benefiċċju. […]

(b)      l-istituzzjoni kompetenti sussegwentement tiddetermina l-ammont attwali tal-benefiċċju abażi tal-ammont teoretiku li għalih hemm riferenza fil-paragrafu preċedenti skond il-proporzjon tat-tul tażżmien tal-perjodi ta’ assigurazzjoni jew tar-residenza mwettqa qabel il-materjalizzazzjoni tar-riskju taħt il-leġislazzjoni li hija tamministra mat-tul taz-żmien totali tal-perjodi ta’ assigurazzjoni u tar-residenza mwettqa qabel il-materjalizzazzjoni tar-riskju taħt il-leġislazzjonijiet ta’ l-Istati Membri kollha kkonċernati.”

6        L-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jiddikjara:

“Għall-kalkolu ta’ l-ammonti teoretiċi u pro rata msemmija fl-Artikolu 46(2), jkunu japplikaw ir-regoli li ġejjin:

[…]

(g)       fejn, taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, il-benefiċċji huma kkalkulati abażi ta’ kontribuzzjonijiet medji, l-istituzzjoni kompetenti tiddetermina dik il-medja b’riferenza biss għal dawk il-perjodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat imsemmi.”

7        Skont l-Artikolu 89 ta’ dan ir-regolament, “[p]roċeduri speċjali għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri jinsabu fl-Anness VI”.

8        Il-punt 4 tat-Titolu H, dwar ir-Renju ta’ Spanja, tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

“(a)      Taħt l-Artikolu 47 tar-Regolament, il-kalkolu tal-benefiċċju teoretiku Spanjol isir abażi tal-kontribuzzjonijiet attwali tal-persuna assigurata matul is-snin immedjatament qabel il-pagament ta’ l-aħħar kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali Spanjola.

(b)      l-ammont tal-pensjoni miksuba għandu jiżdied bl-ammont ta’ żidiet u rivalorizzazzjonijiet ikkalkolati għal kul sena sussegwenti, għal pensjonijiet ta’ l-istess natura.”

9        L-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi li r-Regolament Nru 1408/71 għandu jkun revokat mill-jum tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004.

10      L-Artikolu 87(5) tar-Regolament Nru 883/2004 fih id-dispożizzjoni tranżitorja li ġejja:

“Id-drittijiet ta’ persuna li ngħatat pensjoni qabel il-jum ta’ l-appikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi Stat Membru jistgħu, fuq it-talba tal-persuna konċernata, jkunu eżaminati mill-ġdid fil-waqt li jkun ikkunsidrat dan ir-Regolament.”

11      Skont l-Artikolu 91 ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar għandu japplika mill-jum tad-dħul fis-seħħ tar-regolament ta’ implementazzjoni.

12      Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, p. 1), daħal fis-seħħ, skont l-Artikolu 97 tiegħu, fl-1 ta’ Mejju 2010.

 Id-dritt Spanjol

13      Skont l-Artikolu 161(1)(b) tal-Liġi Ġenerali 26/1990 dwar is-Sigurtà Soċjali (Ley General de la Seguridad Social 26/1990), kif emendata u approvata bid-Digriet Irjali leġiżlattiv 1/1994, tal-20 ta’ Ġunju 1994, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“LGSS”), id-dritt għall-pensjoni tax-xjuħija jeħtieġ b’mod partikolari li jkunu tħallsu kontribuzzjonijiet għal mill-inqas 15-il sena.

14      Skont l-Artikolu 162(1) tal-LGSS:

“Il-bażi biex tiġi ddeterminata l-pensjoni tal-irtirar taħt l-iskema kontributorja jkun il-kwozjent li joħroġ wara li ssir id-diviżjoni b’210 tal-bażi ta’ kontribuzzjonijiet tal-parti kkonċernata matul il-180 xahar immedjatament qabel ix-xahar preċedenti għall-avveniment operattiv.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      C. Salgado González għamlet kontribuzzjonijiet fi Spanja fir-Régimen Especial de Trabajadores Autónomos (skema speċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom) mill-1 ta’ Frar 1989 sal-31 ta’ Marzu 1999, jiġifieri 3 711-il jum, u fil-Portugall, mill-1 ta’ Marzu 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2005, jiġifieri 2 100 jum.

16      C. Salgado González applikat għal pensjoni tal-irtirar fi Spanja. Fid-9 ta’ Novembru 2006, din il-pensjoni ġiet mogħtija lilha mill-INSS, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2006.

17      Fil-bidu, l-INSS, b’applikazzjoni tal-Artikolu 162(1) tal-LGSS, stabbilixxa l-“ammont bażiku” ta’ dan il-benefiċċju fl-ammont ta’ EUR 341.65 fix-xaħar.

18      Dan l-ammont inkiseb billi ngħaddu l-bażijiet ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa fi Spanja mill-1 ta’ Jannar 1991 sal-31 ta’ Diċembru 2005 u billi saret diviżjoni tar-riżultat b’210, peress li dan id-diviżur jikkorrispondi — kif jirriżulta mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja — għat-total tal-kontribuzzjonijiet ordinarji (tnax kull sena) u straordinarji (tnejn fis-sena) imħallsa matul perijodu ta’ 180 xahar, jiġifieri ħmistax-il sena.

19      Dan l-ammont bażiku ġie suġġett għall-ewwel aġġustament, jiġifieri tnaqqis ta’ 53 %, sabiex jittieħed kont tas-snin ta’ kontribuzzjoni ta’ C. Salgado González fl-ambitu tas-snin ta’ kontribuzzjoni massima prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli. Wara dan l-ewwel aġġustament, l-ammont bażiku tela’ għal EUR 181.07.

20      Dan l-ammont ġie mbagħad aġġustat mill-ġdid sabiex tiġi stabbilita l-parti mill-pensjoni tax-xjuħija li kienet taħt ir-responsabbiltà tar-Renju ta’ Spanja. Għal dawn il-finijiet, l-INSS ħa kont tal-proporzjon tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fi Spanja minn C. Salgado González fl-ambitu tal-kontribuzzjonijiet tagħha kollha. Il-parti li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru ġiet iffissata għal 63.86 % tal-ammont bażiku aġġustat, li jikkorrispondi għal EUR 115.63. Dan l-ammont, valutat mill-ġdid u bl-inklużjoni tas-supplimenti, ġie finalment stabbilit għal EUR 371.36.

21      Fit-8 ta’ Jannar 2007, C. Salgado González, li tqis li fil-kalkolu tal-benefiċċju tax-xjuħija, li għalih hija għandha dritt, għandhom jiġu inklużi wkoll il-kontribuzzjonijiet li hija ħallset fil-Portugall, talbet li l-imsemmi ammont jiġi rivedut u stabbilit għal EUR 864.14 fix-xahar.

22      L-INSS ċaħad din it-talba u, f’din it-tieni okkażjoni, stabbilixxa dan l-istess ammont għal EUR 336.86 fix-xahar.

23      Dan inkiseb, permezz tal-applikazzjoni tal-Artikolu 162(1) tal-LGSS, billi ngħaddu l-bażijiet ta’ kontribuzzjonijiet Spanjoli mill-1 ta’ April 1984 sal-31 ta’ Marzu 1999, jiġifieri matul il-ħmistax-il sena qabel il-ħlas tal-aħħar kontribuzzjoni minn C. Salgado González fi Spanja, u bid-diviżjoni tagħhom b’210. Peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali bdiet madankollu tagħmel il-kontribuzzjonijiet lis-Sigurtà Soċjali Spanjola biss fl-1 ta’ Frar 1989, il-kontribuzzjonijiet inklużi bejn l-1 ta’ April 1984 u l-31 ta’ Jannar 1989 ġew irreġistrati bħala nulli.

24      Għal dan l-ammont bażiku, l-INSS wettaq l-aġġustamenti deskritti fil-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza sabiex jistabbilixxi l-ammont effettiv tal-benefiċċju.

25      Wara li eżawrixxiet ir-rimedji amministrattivi preliminari, C. Salgado González ressqet kawża quddiem il-Juzgado de lo Social (il-Qorti dwar il-Liġi Soċjali) Nru 3 ta’ Ourense, li ġiet miċħuda wkoll.

26      Il-qorti tar-rinviju, li quddiemha tressaq l-appell, tispeċifika li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-benefiċċju tax-xjuħija li għandu jingħata lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-INSS ipproċeda bl-applikazzjoni konġunta tal-punt 4 tat-Titolu H tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Artikolu 162(1) tal-LGSS.

27      Il-qorti tar-rinviju tindika li hija ma kellha ebda dubju dwar l-impossibbiltà li jiġu inklużi l-kontribuzzjonijiet imħallsa fil-Portugall minn C. Salgado González fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-pensjoni tal-irtirar Spanjola tagħha. Madankollu, hija tqis li l-metodu użat mill-INSS sabiex jikkalkola dan l-ammont ma josservax ir-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-ħaddiema fir-rigward tal-benefiċċji soċjali msemmija fl-Artikolu 48 TFUE lanqas ma josserva l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema sedentarji u migranti prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71.

28      B’mod partikolari, fl-ewwel lok, l-użu tad-diviżur 210 fir-rigward tal-ħaddiema migranti Komunitarji, anki fejn kien hemm inqas minn 15-il sena ta’ kontribuzzjonijiet fi Spanja, iqiegħed lill-ħaddiema migranti f’sitwazzjoni ta’ inugwaljanza meta mqabbla ma’ ħaddiema mhux migranti li jħallsu kontribuzzjonijiet fi Spanja. Fil-fatt, għall-istess livell ta’ kontribuzzjonijiet ta’ ħaddiem mhux migrant li jħallas kontribuzzjonijiet fi Spanja, il-ħaddiem migrant Komunitarju, meta jaqsam il-kontribuzzjonijiet tiegħu bejn ir-Renju ta’ Spanja u Stat Membru ieħor, ikollu ammont bażiku li jkun daqstant baxx daqs kemm huwa jkun ħallas inqas kontribuzzjonijiet fi Spanja. Dan ir-riżultat imur kontra l-għan Komunitarju, previst fl-Artikolu 48 TFUE, li tiġi evitata s-sitwazzjoni fejn ħaddiem migrant ikollu tnaqqis mill-ammont tal-benefiċċju li huwa kien jirċievi li kieku ma kienx migrant (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Reichling, C‑406/93, Ġabra p. I‑4061, punt 26, u tat-12 ta’ Settembru 1996, Lafuente Nieto, C‑251/94, Ġabra p. I‑4187, punt 38).

29      Fit-tieni lok, skont il-qorti tar-rinviju, iktar ma ħaddiem iħallas kontribuzzjonijiet fi Stat Membru ieħor ħlief ir-Renju ta’ Spanja, inqas ikollu ħin disponibbli fil-ħajja tax-xogħol tiegħu biex iżid il-kontribuzzjonijiet tiegħu fi Spanja — li huma l-uniċi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni skont il-punt 4 tat-Titolu H tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71 — matul il-perijodu ta’ 15-il sena li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 162(1) tal-LGSS. Dawn iċ-ċirkustanzi jikkaratterizzaw id-differenza tas-sitwazzjoni li teżisti bejn ħaddiem migrant li jħallas il-kontribuzzjonijiet fi Spanja u l-ħaddiem mhux migrant li jħallas kontribuzzjonijiet ukoll fi Spanja, sa fejn dan tal-aħħar għandu l-ħajja tax-xogħol tiegħu kollha biex ikopri dan il-perijodu ta’ 15-il sena.

30      Għaldaqstant, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Huwa konformi mal-għanijiet Komunitarji li jinsabu fl-Artikolu 48 TFUE u fl-Artikolu 3 tar-[Regolament Nru 1408/71], kif ukoll mal-kliem [tal-punt 4 tat-Titolu H tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament], li dan l-Anness […] jiġi interpretat fis-sens li, għall-kalkolu tal-benefiċċju teoretiku Spanjol imwettaq fuq il-bażijiet ta’ kontribuzzjoni reali tal-persuna assigurata, matul is-snin li jippreċedu immedjatament il-ħlas tal-aħħar kontribuzzjoni lis-Sigurtà Soċjali Spanjola, is-somma miksuba għandha tkun diviża b’210, fejn dan in-numru huwa d-diviżur stabbilit għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-pensjoni ta’ rtirar skont l-Artikolu 162(1) tal-[LGSS]?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

Huwa konformi mal-għanijiet Komunitarji li jinsabu fl-Artikolu 48 TFUE u fl-Artikolu 3 tar-[Regolament Nru 1408/71] u mal-kliem [tal-punt 4 tat-Titolu H tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament], li dan l-Anness […] jiġi interpretat fis-sens li, għall-kalkolu tal-benefiċċju teoretiku Spanjol imwettaq fuq il-bażijiet ta’ kontribuzzjoni reali tal-persuna assigurata, matul is-snin li jippreċedu immedjatament il-ħlas tal-aħħar kontribuzzjoni lis-Sigurtà Soċjali Spanjola, is-somma miksuba għandha tkun diviża bin-numru ta’ snin ta’ kontribuzzjonijiet fi Spanja?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda u tkun xi tkun ir-risposta, pożittiva jew negattiva, għall-ewwel domanda:

[Il-paragrafu 2(a) ‘Spanja’ tal-Anness XI tar-Regolament Nru 883/2004] huwa applikabbli b’analoġija għal dan il-każ sabiex jiġu sodisfatti l-għanijiet Komunitarji li jinsabu fl-Artikolu 48 TFUE u fl-Artikolu 3 tar-[Regolament Nru 1408/71], u din l-applikazzjoni konsegwentement tippermetti li tintuża għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni fil-Portugall il-bażi ta’ kontribuzzjoni fi Spanja li tqarreb l-iktar għal dan il-perijodu, fid-dawl tal-iżvilupp tal-prezzijiet għall-konsumatur?

4)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel, għat-tieni u għat-tielet domandi:

Fil-każ li ebda waħda mill-interpretazzjonijiet proposti iktar ’il fuq ma tkun totalment jew parzjalment korretta, liema hija l-interpretazzjoni [tal-punt 4 tat-Titolu H tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71], li, filwaqt li tkun utli għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, tkun l-iktar konformi kemm mal-għanijiet Komunitarji li jinsabu fl-Artikolu 48 TFUE u fl-Artikolu 3 tar-[Regolament Nru 1408/71], kif ukoll mal-kliem [tal-punt 4 tat-Titolu H tal-imsemmi Anness VI]?”

 Fuq id-domandi preliminari

31      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li tkun taf jekk l-Artikoli 48 TFUE u 3 tar-Regolament Nru 1408/71, kif ukoll il-punt 4 tat-Titolu H tal-Anness VI tiegħu jew ukoll il-punt 2(a) tat-Titolu “Spanja” tal-Anness XI tar-Regolament Nru 883/2004 jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-ammont teoretiku tal-pensjoni tax-xjuħija tal-ħaddiem li jaħdem għal rasu, migrant jew le, huwa kkalkolat dejjem mill-bażijiet ta’ kontribuzzjonijiet ta’ dan il-ħaddiem matul il-perijodu ta’ riferiment stabbilit ta’ ħmistax-il sena li jippreċedi l-ħlas ta’ din l-aħħar kontribuzzjoni f’dan l-Istat, diviżi b’210, mingħajr la t-tul ta’ dan il-perijodu u lanqas id-diviżur użat ma jistgħu jiġu adattati sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ħaddiem ikkonċernat ikun eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu.

32      L-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 987/2009, ir-Regolament Nru 883/2004 huwa applikabbli biss mill-1 ta’ Mejju 2010.

33      Issa, kif jirriżulta mill-punt 16 ta’ din il-kawża, l-INSS, fid-9 ta’ Novembru 2006, ta lil C. Salgado González pensjoni tax-xjuħija b’effett mill-1 ta’ Jannar 2006. Barra minn dan, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-paragrafu 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda element mill-proċess ma jippermetti li jiġi stabbilit li C. Salgado González eżerċitat il-possibbiltà offruta mill-Artikolu 87(5) tal-imsemmi regolament, intiża għar-reviżjoni tad-drittijiet tagħha.

34      Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 883/2004 ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

35      Sabiex jingħataw risposti għad-domandi magħmulin mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 1408/71 ma jorganizzax skema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu skemi nazzjonali distinti u għandu l-għan uniku li jiżgura koordinazzjoni bejniethom. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sabiex ifasslu s-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom (ara s-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u gouvernement wallon, C‑212/06, Ġabra p. I‑1683, punt 43, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart, C‑503/09, Ġabra p. I‑6497, punt 75).

36      Għalhekk, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal benefiċċji (sentenza Stewart, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà rrikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri (sentenza Stewart, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71, meta l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tagħmel il-kisba tad-dritt għall-benefiċċji previsti minn din id-dispożizzjoni, bħalma hija l-pensjoni tax-xjuħija, suġġetti għat-twettiq ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dan l-Istat Membru għandha tieħu inkunsiderazzjoni, sa fejn dan ikun meħtieġ, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor. Għal dan l-iskop, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-perijodi bħallikieku dawn twettqu taħt il-leġiżlazzjoni tagħha.

39      Fil-kawża prinċipali, ma huwiex ikkontestat li l-INSS, sabiex jivverifika jekk C. Salgado González kinetx ħallset il-kontribuzzjonijiet matul il-perijodu minimu ta’ ħmistax-il sena previst fl-Artikolu 161(1)(b) tal-LGSS, ikkunsidra kemm il-perijodi mwettqa fi Spanja kif ukoll dawk imwettqa fil-Portugall, skont l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71.

40      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix il-metodi ta’ kalkolu tal-ammont teoretiku tal-benefiċċju inkwistjoni użat mill-INSS.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, l-ammont teoretiku ta’ dan il-benefiċċju għandu jiġi kkalkolat bħallikieku l-assigurat kien eżerċita l-attività professjonali tiegħu kollha esklużivament fl-Istat Membru inkwistjoni (is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Koschitzki, C‑30/04, Ġabra p. I‑7389, punt 27).

42      Barra minn dan, l-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi dispożizzjonijiet komplimentarji għall-kalkolu tal-benefiċċji. B’mod partikolari, fil-paragrafu 1(g) tiegħu, jipprovdi li fejn il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprovdi li l-benefiċċji huma kkalkolati abbażi ta’ kontribuzzjonijiet medji, l-istituzzjoni kompetenti tiddetermina dik il-medja b’riferenza biss għal dawk il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat imsemmi. Barra minn dan, it-Titolu H tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71, li jesponi l-metodi partikolari ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Spanjola, jippreċiża, fil-punt 4(a) tiegħu, li, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 47 ta’ dan ir-regolament, il-kalkolu tal-benefiċċju teoretiku Spanjol għandu jsir abbażi tal-kontribuzzjonijiet attwali tal-persuna assigurata, matul is-snin immedjatament qabel il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali Spanjola.

43      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita, l-Artikoli 46(2) u 47(1) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għan stabbilit bl-Artikolu 48 TFUE, li jimplika b’mod partikolari li l-ħaddiema migranti ma għandhomx isofru tnaqqis fl-ammont tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali bħala konsegwenza talli jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Reichling, punti 21 u 22, kif ukoll Lafuente Nieto, paragrafu 33).

44      Issa, fil-qafas tal-ħlas tal-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-INSS mexa bil-kalkolu tal-ammont teoretiku tal-pensjoni tax-xjuħija ta’ C. Salgado González bl-applikazzjoni tar-regola prevista fl-Artikolu 162(1) tal-LGSS, li dan l-ammont għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ kontribuzzjoni medja.

45      Ċertament, bl-għan li jiġi rrikonoxxut id-dritt għall-benefiċċju, hija kkunsidrat il-kontribuzzjonijiet Portugiżi bħallikieku kienu perijodi mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni Spanjola, skont l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71.

46      Madankollu, l-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 jimplika li l-kalkolu tal-bażi ta’ kontribuzzjoni medja huwa bbażat biss fuq l-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa taħt il-leġiżlazzjoni kkonċernata (ara, b’analoġija, s-sentenza Lafuente Nieto, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

47      Jidher f’dan ir-rigward li, fl-ambitu tal-kalkolu tal-ammont teoretiku tal-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-INSS ma kkalkolax il-kontribuzzjoni medja ta’ C. Salgado González biss fid-dawl tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Spanja minn din matul is-snin immedjatament preċedenti l-ħlas tal-aħħar kontribuzzjoni lis-sigurtà soċjali Spanjola, kif impost mill-Artikolu 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 u l-punt 4(a) tat-Taqsima H tal-Anness VI tiegħu.

48      Fil-fatt, C. Salgado González ħallset kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Spanjola mill-1 ta’ Frar 1989 sal-31 ta’ Marzu 1999, għal total ta’ 3711-il jum, jew madwar għaxar snin u xahrejn, filwaqt li l-INSS żied fil-kalkolu perijodu fittizju ta’ kontribuzzjonijiet mill-1 ta’ April 1984 sat-30 ta’ Jannar 1989 u dan sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni ta’ kontribuzzjoni fuq perijodu ta’ ħmistax-il sena qabel l-aħħar kontribuzzjoni Spanjola ta’ C. Salgado González. Permezz ta’ din l-operazzjoni, l-INSS ried jistabbilixxi numeratur li għalih japplika d-diviżur ta’ 210 previst mill-Artikolu 162(1) tal-LGSS u b’hekk tiġi kkalkolata l-bażi ta’ kontribuzzjoni medja neċessarja sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-pensjoni tal-irtirar.

49      Madankollu, billi C. Salgado González ma ħallsetx kontribuzzjonijiet bejn l-1 ta’ April 1984 u l-31 ta’ Marzu 1989, l-INSS fil-kalkolu kkunsidra perijodi ta’ assigurazzjoni li ma kinux twettqu fi Spanja. Billi dawn il-perijodi ġew neċessarjament ikkalkolati bħala nulli, it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom kellu bħala riżultat tnaqqis tal-bażi ta’ kontribuzzjoni medja ta’ C. Salgado González.

50      Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali tnaqqis ma kienx isir kieku C. Salgado González ħallset il-kontribuzzjonijiet biss fi Spanja, mingħajr ma eżerċitat id-dritt tagħha għall-moviment liberu. Fi kliem ieħor, kuntrarjament għall-ħtiġijiet mitluba fl-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, kif tfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, l-ammont teoretiku tal-pensjoni tax-xjuħija ta’ C. Salgado González ma ġiex ikkalkolat bħallikieku din kienet eżerċitat ix-xogħol kollu tagħha esklużivament fi Spanja.

51      Seta’ kien differenti kieku, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tipprevedi mekkaniżmi ta’ adattament ta’ metodi ta’ kalkolu tal-ammont teoretiku tal-pensjoni tax-xjuħija sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-eżerċizzju mill-ħaddiem ikkonċernat tad-dritt tiegħu għall-moviment liberu. F’dan il-każ, fid-dawl tal-metodi previsti fl-Artikolu 162(2) tal-LGSS, id-diviżur seta’ jiġi aġġustat sabiex jirrifletti n-numru ta’ kontribuzzjonijiet għall-ħlasijiet ordinarji u straordinarji li l-assigurata kienet effettivament ħallset.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li għad-domandi magħmula tingħata r-risposta li l-Artikoli 48 TFUE, 3, 46(2)(a) u 47(1)(g) tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll il-punt 4 tat-Titolu H tal-Anness VI tiegħu għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha l-ammont teoretiku tal-pensjoni tax-xjuħija tal-ħaddiem li jaħdem għal rasu, migrant jew le, huwa kkalkolat dejjem mill-bażijiet ta’ kontribuzzjonijiet ta’ dan il-ħaddiem fuq perijodu ta’ riferiment stabbilit li jippreċedi l-ħlas tal-aħħar kontribuzzjoni tiegħu f’dan l-Istat, li għalihom huwa applikat diviżur stabbilit, mingħajr la t-tul ta’ dan il-perijodu u lanqas dan id-diviżur ma jistgħu jiġu adattati sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ħaddiem ikkonċernat ikun eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 48 TFUE, 3, 46(2)(a) u 47(1)(g) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 629/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, kif ukoll il-punt 4 tat-Titolu H tal-Anness VI tiegħu għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha l-ammont teoretiku tal-pensjoni tax-xjuħija tal-ħaddiem li jaħdem għal rasu, migrant jew le, huwa kkalkolat dejjem mill-bażijiet ta’ kontribuzzjonijiet ta’ dan il-ħaddiem fuq perijodu ta’ riferiment stabbilit li jippreċedi l-ħlas tal-aħħar kontribuzzjoni tiegħu f’dan l-Istat, li għalihom huwa applikat diviżur stabbilit, mingħajr la t-tul ta’ dan il-perijodu u lanqas dan id-diviżur ma jistgħu jiġu adattati sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ħaddiem ikkonċernat ikun eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu.

Firem


1 Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.