Language of document : ECLI:EU:C:2013:165

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Marzu 2013 (*)

“Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Artikolu 5(1)(a) u Artikolu 15(1) – Kunċett ta’ ‘materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt’ u ta’ ‘kuntratt konkluż mill-konsumatur’ – Promissory note – Aval – Garanzija għal kuntratt ta’ kreditu”

Fil-Kawża C‑419/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Městský soud v Praze (Ir‑Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Awwissu 2011, fil-proċedura

Česká spořitelna, a.s.

vs

Gerald Feichter,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur), E. Levits, J.‑J. Kasel u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Česká spořitelna, a.s., minn M. Vojáček, advokát,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn D. Klingele, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Šimerdová u A.‑M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5(1)(a) u 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Česká spořitelna, a.s. (iktar ’il quddiem “Česká spořitelna”) li s-sede tagħha jinsab fir-Repubblika Ċeka, u G. Feichter, iddomiċiljat fl-Awstrija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 44/2001

3        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

4        L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “[p]ersuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu”.

5        Skont l-Artikolu 5(1)(a) tal-imsemmi regolament, li jinsab taħt is-Sezzjoni 2 tiegħu intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)      (a)   f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ”.

6        L-Artikolu 15(1) ta’ dan l-istess regolament, li jaqa’ taħt is-Sezzjoni 4 tiegħu intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur”, jipprovdi li:

“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ’l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni [...]:

(a)      ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti bin-nifs b’termini ta’ kreditu; jew;

(b)      ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew;

(ċ)      fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.”

7        Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 44/2001:

“Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.”

 Id-dritt Ċek

8        Skont l-Artikolu 75 tal-Liġi Nru 191/1950 dwar il-kambjali, il-promissory notes u ċ-ċekkijiet, dokument li jinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa minn dan l-Artikolu huwa promissory note valida.

9        Skont l-Artikolu 76(1) tal-Liġi Nru 191/1950, dokument fejn parti mill-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 75 ta’ din il-liġi tkun nieqsa ma huwiex promissory note valida ħlief fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi li ġejjin. Skont l-Artikolu 76(3) tal-imsemmija liġi, fil-każ li ma jkunx hemm indikazzjoni speċifika, il-post tal-ħruġ tal-promissory note huwa meqjus bħala l-post tal-ħlas u, fl-istess waqt, il-post tad-domiċilju ta’ min ikun ħareġ il-promissory note.

10      Skont l-Artikolu 77(2) tal-Liġi Nru 191/1950, l-Artikolu 10 tal-imsemmija liġi japplika wkoll għall-promissory note. Dan l-Artikolu 10 jipprovdi li meta promissory note, li ma kinitx kompluta meta nħarġet, ma tkunx ġiet kompluta kif miftiehem, il-fatt li l-ftehim ma ġiex irrispettat ma jistax jiġi invokat kontra d-detentur tal-promissory note ħlief jekk dan id-detentur ikun akkwista l-promissory note in mala fide jew jekk ikun wettaq negliġenza gravi meta akkwistaha.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Fit-28 ta’ April 2004, il-kumpannija Feichter – CZ s.r.o. (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Feichter”, li s-sede tagħha jinsab f’Brno (ir‑Repubblika Ċeka), ħarġet fl-istess Brno, promissory note inbjank favur Česká spořitelna, li s-sede tagħha jinsab fi Praga (ir-Repubblika Ċeka). Il-promissory note, iffirmata f’isem il-kumpannija Feichter mill-amministratur tagħha G. Feichter, inħarġet sabiex tiggaranixxi l-obbligi ta’ din il-kumpannija li jirriżultaw minn kuntratt li jirrigwarda ftehim ta’ overdraft, konkluż bejn l-imsemmija kumpannija u Česká spořitelna fl-istess data. G. Feichter, li huwa ddomiċiljat l-Awstija, ffirma wkoll, bħala persuna fiżika, fuq quddiem tal-promissory note billi niżżel “per aval”.

12      L-informazzjoni dwar is-somma li kellha titħallas, l-iskadenza u l-post tal-ħlas ġew miżjuda fuq il-promissory note minn Česká spořitelna skont ftehim dwar it-tkomplija tal-informazzjoni n-nieqsa, konkluż fl-istess data. Il-promissory note kompluta b’dan il-mod, kienet tinkludi wiegħda, mingħajr ebda kundizzjoni, tal-kumpannija Feichter li tħallas, fis-27 ta’ Mejju 2008, fi Praga, is-somma ta’ CZK 5 000 000 għall-ordni ta’ Česká spořitelna.

13      Fid-data tal-iskadenza, il-promissory note, li ġiet ippreżentata fil-post tal-ħlas, jiġifieri fi Praga, ma tħallsitx. Konsegwentement, Česká spořitelna fetħet kawża sabiex tingħata ordni għal ħlas quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) sabiex tikseb, mingħand G. Feichter, il-ħlas tas-somma li għaliha nħarġet il-promissory note fl-ammont ta’ CZK 5 000 000, flimkien tal-interessi ta’ 6 % fis-sena mħallsa fuq din is-somma, mit-28 ta’ Mejju 2008 sal-ġurnata tal-ħlas, kif ukoll kummissjoni fuq il-promissory note, fl-ammont ta’ CZK16 666. Matul din il-proċedura, G. Feichter qajjem l-eċċezzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Městský soud v Praze, peress li huwa jirrisjedi fl-Awstrija.

14      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġurisdizzjoni tagħha għandhiex tiġi ddeterminata skont ir-regoli dwar il-kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi. F’dan ir-rigward hija tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 humiex sodisfatti u, b’mod partikolari, jekk id-dritt li jirriżulta mill-promissory note inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-benefiċjarju jinvoka kontra min jagħti l-aval, jistax jiġi kklassifikat bħala wieħed kuntrattwali, fis-sens ta’ dan l-Artikolu. Fil-każ ta’ risposta pożittiva, il-qrati Awstijaċi għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża prinċipali, fid-dawl tal-fatt li skont l-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament, il-proċedura mibdija kontra konsumatur tista’ titressaq biss quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun iddomiċiljat il-konsumatur.

15      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-kwistjoni jekk f’dan il-każ huwiex possibbli li l-ġurisdizzjoni tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

16      F’dan ir-rigward, hija tqajjem, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk id-drittijiet li jirriżultaw mill-promissory note inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jiġu kklassifikati bħala drittijiet kuntrattwali fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, minkejja l-fatt li skont id-dritt Ċek, il-promissory note hija sigurtà astratta li ma hijiex ta’ natura kuntrattwali, anki jekk hija tikkonkretizza l-kontenut ta’ kuntratt.

17      Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi jekk dan il-każ jirrigwardax obbligu aċċettat liberament, fid-dawl tal-fatt li l-post tal-ħlas preċiż la ġie ddeterminat fil-promissory note u lanqas fil-ftehim dwar it-tkomplija tal-informazzjoni n-nieqsa. Fil-fatt, anki jekk dan il-ftehim tal-aħħar ta lil Česká spořitelna d-dritt li tkompli l-informazzjoni n-nieqsa dwar il-post tal-ħlas fuq il-promissory note, madankollu huwa ma pprevediex kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat li dan il-post huwa preċiżament il-belt ta’ Praga. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li ma jistax jiġi eskluż li t-tkomplija tal-post tal-ħlas fuq il-promissory note twassal għall-ksur ta’ dan il-ftehim jew li dan il-ftehim huwa null minħabba n-natura vaga tiegħu, f’liema każ ikun diffiċli li jiġi kkonstatat li l-obbligu inkwistjoni ġie aċċettat liberament.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Městský soud v Praze ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-espressjoni ‘f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ’l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu’, użata fl-Artikolu 15(1), tar-[Regolament Nru 44/2011], tista’ tiġi interpretata fis-sens li tinkludi wkoll id-drittijiet li jirriżultaw mill-promissory note, stabbilita b’mod mhux komplut, li l-benefiċjarju jinvoka kontra dak li jagħti l-aval għan-nom ta’ min ħareġ il-promissory note?

2)      Minkejja r-risposta għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ ‘materji kuntrattwali’ msemmi fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 jista’ jiġi interpretat fis-sens li, b’kunsiderazzjoni esklużiva tal-kontenut tal-promissory note bħala tali, hija tinkludi wkoll id-drittijiet li jirriżultaw mill-promissory note, stabbilita b’mod mhux komplut, li l-benefiċjarju juża kontra dak li jagħti l-aval għan-nom ta’ min ħareġ il-promissory note?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

 Fuq l-ammissibbiltà

19      Česká spořitelna ssostni li l-ewwel domanda preliminari hija inammissibbli, minħabba li hija ta’ natura purament ipotetika u hija irrilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma humiex sodisfatti.

20      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi mressqa jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Rintisch, C‑553/11, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Għalhekk, iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, punt 77, u Rintisch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

22      Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta ċarament li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li l-eċċezzjoni ta’ ġurisdizzjoni, imqajma minn G. Feichter hija bbażata fuq l-argument li jipprovdi li, minħabba li huwa ffirma l-promissory note bħala persuna fiżika, huwa għandu l-kwalità ta’ konsumatur fis-sens tal-imsemmi artikolu u li għaldaqstant il-ġurisprudenza għandha tiġi ddeterminata skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jirregola l-ġurisdizzjoni tal-qrati fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda preliminari għandha titqies bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

24      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 japplikax għad-determinazzjoni ta’ liema qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja li permezz tagħha l-benefiċjarju ta’ promissory note, stabbilita fi Stat Membru, jinvoka d-drittijiet li jirriżultaw minn din il-promissory note, li ma kinitx kompluta fid-data tal-firma tagħha u li ġiet sussegewentement kompluta mill-benefiċjarju, kontra min ta l-aval, li huwa ddomiċiljat fi Stat Membru ieħor.

25      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-kunċetti użati fir-Regolament Nru 44/2001 u, b’mod partikolari, dawk li jidhru fl-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, prinċipalment b’riferiment għas-sistema u għall-għanijiet tal-imsemmi regolament, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2005, Engler, C‑27/02, Ġabra p. I-481, punt 33; tas-7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof, C‑585/08 u C‑144/09, Ġabra p. I‑12527, punt 55, kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2012, Mühlleitner, C‑190/11, punt 28).

26      Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jikkostitwixxi deroga kemm għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun iddomiċiljat il-konvenut, kif ukoll għar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-kuntratti, stabbilita fl-Artikolu 5(1) ta’ dan l-istess regolament, li bih il-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-post tat-twettiq tal-obbligu li huwa l-bażi tat-talba (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Pammer u Hotel Alpenhof, punt 53 kif ukoll Mühlleitner, point 26). Għaldaqstant, dan l-artikolu għandu neċessarjament ikun suġġett għal interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mühlleitner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

27      Fl-aħħar nett, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet tal-Istati Membri, il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata b’konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”) l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijeit ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk tal-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jistgħu jiġu deskritti bħala ekwivalenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec, C‑133/11, punt 31, u tas-7 ta’ Frar 2013, Refcomp, C‑543/10, punt 18).

28      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 44/2001, l-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament għandu, kif ukoll jirriżulta mill-premessa 13 tal-imsemmi regolament, l-istess post u jissodisfa l-istess funzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumatur bħala l-parti l-iktar dgħajfa, bħall‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2009, Ilsinger, C‑180/06, Ġabra. p. I-3961, punt 41; Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, kif ukoll Mühlleitner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

29      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

30      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 japplika fil-każ li tliet kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, jiġifieri, l-ewwel nett, parti li tkun ikkonkludiet il-kuntratt ikollha l-kwalità ta’ konsumatur li jaġixxi f’kuntest li jista’ jitqies bħala estranju għall-attivitajiet professjonali tiegħu, it-tieni nett, il-kuntratt bejn tali konsumatur u professjonist ikun effettivament ġiet konkluż u, it-tielet nett, tali kuntratt ikun jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 15(1)(a) sa (ċ). Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti b’mod kumulattiv, b’tali mod li jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, il-ġurisdizzjoni ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata skont ir-regoli dwar il-kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi.

31      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001, minkejja li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex identiku f’kull rispett għal dak tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, dawn l-emendi jikkonċernaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni li l-kuntratti tal-konsumaturi għandhom jissodisfaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59) u mhux id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur”, b’tali mod li fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001, dan il-kunċett għandu jkollu l-istess portata bħal fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

32      Fir-rigward tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-kliem u r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li hija intiża biss għall-konsumatur finali privat, li ma huwiex impenjat f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton, C‑89/91, Ġabra p. I‑139, punti 20 u 22, tat-3 ta’ Lulju 1997, Benincasa, C‑269/95, p. I‑3767, punt 15; tal-20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, Ġabra p. I‑439, punt 35, kif ukoll Engler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

33      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li s-sistema partikolari stabbilita mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandha l‑għan li tiżgura protezzjoni adegwata lill-konsumatur bħala parti f’kuntratt meqjusa ekonomikament iktar dgħajfa u legalment b’inqas esperjenza mill-parti kontraenti professjonali l-oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq Gruber, punt 34, u Engler, punt 39). Din il-funzjoni timplika li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, previsti għal dan l-għan mill-Konvenzjoni ta’ Brussell, ma tiġix estiża biex tinkludi persuni li għalihom din il-protezzjoni ma hijiex iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Shearson Lehman Hutton, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

34      Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li huma biss il-kuntratti konklużi barra u indipendentement minn kull attività jew għan ta’ natura professjonali bl-uniku skop li jiġu sodisfatti l-bżonnijiet proprji ta’ individwu għal dak li jirrigwarda l-konsum privat, li jaqgħu taħt is-sistema partikolari prevista mill-imsemmija Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li tali protezzjoni ma hijiex iġġustifikata fil-każ ta’ kuntratt li għandu l-għan ta’ attività professjonali (ara s-sentenza Gruber, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, u, f’dan is-sens, is-sentenza Benincasa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

35      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ konsumatur fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma hijiex sodisfatta.

36      Fil-fatt, huwa paċifikau li min ta l-aval fil-kawża prinċipali sar il-garanti għall-obbligi tal-kumpannija li tagħha huwa l-amministratur u li fiha għandu sehem maġġoritarju.

37      Għaldaqstant, għalkemm l-obbligu ta’ min jagħti l-aval għandu natura astratta u għalhekk huwa indipendenti mill-obbligu ta’ min ħareġ il-promissory note li għaliha huwa sar garanti, xorta jibqa’ l-fatt li, bħalma l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-aval ta’ persuna fiżika, mogħti fil-kuntest ta’ promissory note maħruġa sabiex tiggarantixxi l-obbligi ta’ kumpannija kummerċjali, ma jistax jitqies bħala li ngħata barra u indipendentement minn kull attività jew għan ta’ natura professjonali jekk din il-persuna fiżika għandha rabtiet professjonali mill-qrib mal-imsemmija kumpannija, bħall-amministrazzjoni ta’ tali kumpannija jew iż-żamma ta’ sehem maġġoritarju fiha.

38      Fi kwalunkwe każ, is-sempliċi fatt li min jagħti l-aval tkun persuna fiżika ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-kwalità tagħha ta’ konsumatur fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra sabiex għall-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu humiex sodisfatti.

40      Min dak kollu li ntqal jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li għandha rabtiet professjonali mill-qrib ma’ kumpannija, bħall-amministrazzjoni ta’ tali kumpannija jew iż-żamma ta’ sehem maġġoritarju fi ħdanha, ma tistax titqies bħala konsumatur fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta hija tagħti aval fuq promissory note maħruġa sabiex tiggarantixxi l-obbligi ta’ din il-kumpannija li jirriżultaw minn kuntratt li jirrigwarda l-għoti ta’ kreditu. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għad-determinazzjoni ta’ liema qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja li permezz tagħha l-benefiċjarju ta’ promissory note, stabbilita fi Stat Membru, jinvoka d-drittijiet li jirriżultaw minn din il-promissory note, li ma kinitx kompluta fid-data tal-firma tagħha u li ġiet sussegwentement kompluta mill-benefiċjarju, kontra min ta l-aval, li huwa ddomiċiljat fi Stat Membru ieħor.

 Fuq it-tieni domanda

41      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 japplikax għad-determinazzjoni ta’ liema qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja li permezz tagħha l-benefiċjarju ta’ promissory note, stabbilita fi Stat Membru, jinvoka d-drittijiet li jirriżultaw minn din il-promissory note, li ma kinitx kompluta fid-data tal-firma tagħha u li ġiet sussegewentement kompluta mill-benefiċjarju, kontra min ta l-aval, li huwa ddomiċiljat fi Stat Membru ieħor.

42      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, min-naħa, jekk ir-relazzjoni legali bejn il-benefiċjarju ta’ promissory note u min jagħti l-aval fuq promissory note taqax taħt il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 u, min-naħa l-oħra, l-portata li għandu jingħata l-kunċett, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ta’ “post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ” fil-każ ta’ promissory note, stabbilita b’mod mhux komplut iżda kompluta sussegwentement.

43      F’dan ir‑rigward għandu jitfakkar, kif sar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li sa fejn il-kliem tal-Artikolu 5(1)(a) tar‑Regolament Nru 44/2001 huwa identiku għal dak tal‑ewwel sentenza tal‑Artikolu 5(1) tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell, l-ewwel dispożizzjoni għandu jkollha portata identika għal dik tad-dispożizzjoni tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch, C‑533/07, Ġabra p. I‑3327, punti 48 u 56).

44      Għaldaqstant, sabiex tiġi ddeterminata, skont l‑Artikolu 5(1)(a) tar‑Regolament Nru 44/2001, liema qorti għandha ġurisdizzjoni, għandu jibqa’ jsir riferiment għall‑prinċipji li jirriżultaw mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar l‑Artikolu 5(1) tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Falco Privatstiftung u Rabitsch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

45      Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi rrilevat li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, billi jsir riferiment għas-sistema u għall-għanijiet ta’ dan ir-regolament, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, huwa ma jistax jinftiehem bħala li jirreferi għall-klassifikazzjoni li l-liġi nazzjonali applikabbli tagħti lir-relazzjoni legali inkwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1992, Handte, C‑26/91, Ġabra p. I‑3967, punt 10, u tal-5 ta’ Frar 2004, Frahuil, C‑265/02, Ġabra p. I‑1543, punt 22).

46      Għalkemm l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jeħtieġx il-konklużjoni ta’ kuntratt, l-identifikazzjoni ta’ obbligu hija xorta waħda indispensabbli għall-applikazzjoni tiegħu, peress li l-ġurisdizzjoni tal-qorti abbażi ta’ din id-dispożizzjoni hija stabbilita skont il-post tat-twettiq tal-obbligu inkwistjoni. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tinftiehem bħala tirrigwarda sitwazzjoni li fiha ma jeżisti ebda obbligu aċċettat liberament minn parti favur oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Tacconi, C‑334/00, Ġabra p. I‑7357, punti 22 u 23, kif ukoll Engler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

47      Konsegwentement, l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fil-qasam tal-kuntratti fl-imsemmi Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 tippreżumi d-determinazzjoni ta’ obbligu legali aċċettat liberament minn persuna fir-rigward ta’ persuna oħra u li fuqu hija bbażata l-azzjoni tar-rikorrenti (ara, b’analoġija, is-sentenza Engler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

48      Għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ tali obbligu fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet l-Avukat Ġeneral fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha li, f’dan il-każ, billi ffirma fuq quddiem tal-promissory note taħt il-kelmiet “per aval”, min ta l-aval aċċetta volontarjament li jaġixxi bħala garanti tal-obbligi ta’ min ħareġ il-promissory note. L-obbligu tiegħu li jiggarantixxi l-imsemmija obbligi ġie għaldaqstant, permezz tal-firma tiegħu, aċċettat liberament, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

49      Il-fatt li din il-firma saret fuq promissory note inbjank ma hijiex tali li timmina din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, billi ffirma wkoll il-ftehim dwar it-tkomplija tal-informazzjoni n-nieqsa, min ta l-aval aċċetta liberament il-kundizzjonijiet li jikkonċernaw il-mod kif din il-promissory note kellha titkompla mill-benefiċjarju billi jżid l-informazzjoni n-nieqsa, minkejja li l-firma tal-imsemmi ftehim ma wasslitx, fiha nnifisha, għall-ħolqien tal-aval.

50      Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li l-kwistjoni dwar jekk it-tkomplija tal-informazzjoni n-nieqsa fuq il-promissory note saret bi ksur tal-imsemmi ftehim ma taqax taħt l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, iżda hija pjuttost marbuta mal-verifika li l-post tal-ħlas li jirriżulta mill-promissory note inkwistjoni ġie miftiehem b’mod validu bejn il-partijiet, b’tali mod li din il-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, li huwa kunċett li ser jiġi eżaminat fil-punti 52 et seq. ta’ din is-sentenza.

51      Min dan isegwi li r-relazzjoni legali bejn il-benefiċjarj ta’ promissory note u min jagħti l-aval fuq promissory note, stabbilita b’mod mhux komplut iżda kompluta sussegwentement, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

52      Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat is-sens tal-kunċett ta’ “post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

53      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, jekk sabiex tiddetermina dan il-post hija għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni biss l-informazzjoni li tinsab fuq il-promissory note jew tiħux ukoll id-data inkluża fil-ftehim dwar it-tkomplija tal-informazzjoni n-nieqsa.

54      Għandu jitfakkar, minn naħa, li l‑kunċett ta’ “obblig[u]”, imsemmi fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, jirreferi għall‑obbligu li jirriżulta mill‑kuntratt u li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu hija invokata sabiex tiġġustifika l‑proċedura legali (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1976, De Bloos, 14/76, Ġabra p. 1497, punt 13; tal-15 ta’ Jannar 1987, Shenavai, 266/85, Ġabra p. 239, punt 9, u tad-19 ta’ Frar 2002, Besix, C‑256/00, Ġabra p. I‑1699, punt 44), u min‑naħa l‑oħra, għandu jitfakkar li l‑post tat‑twettiq tal‑obbligu huwa ddeterminat skont il‑liġi li tirregola l‑imsemmi obbligu skont ir‑regoli ta’ kunflitt tal‑liġi tal‑qorti li quddiemha tressqet il‑kawża (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1976, Industrie Tessili Italiana Como, 12/76, Ġabra p. 1473, punt 13; tat-28 ta’ Settembru 1999, GIE Groupe Concorde et, C‑440/97, Ġabra p. I‑6307, punt 32, kif ukoll Besix, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 36).

55      Barra minn hekk, fid-dawl tal-importanza ġeneralment mogħtija lir-rieda tal-partijiet mid-drittijiet nazzjonali fil-qasam tal-kuntratti, meta l-liġi applikabbli tippermetti lill-partijiet, taħt il-kundizzjonijiet li hija tiddetermina, jagħżlu l-post tat-twettiq tal-obbligu, il-ftehim li jirrigwarda l-post tat-twettiq tal-obbligu huwa biżżejjed sabiex jistabbilixxi dan l-istess post għall-ġurisdizzjoni tal-qrati fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1980, Zelger, 56/79, Ġabra p. 89, punt 5; is-sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, MSG, C‑106/95, Ġabra p. I‑911, punt 30, u GIE Groupe Concorde et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

56      Għandu jiġi rrilevat, madankollu, li għalkemm il-partijiet huma liberi li jiftiehmu dwar il-post tat-twettiq tal-obbligu kuntrattwali, huma ma jistgħux madankollu jistabbilixxu, bl-uniku għan li jispeċifikaw il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, post li ma għandu ebda rabta effettiva mar-realtà tar-relazzjoni kuntrattwali u fejn l-obbligi li jirriżultaw minn din ir-relazzjoni ma jistgħux jiġu mwettqa skont it-termini tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza MSG, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

57      F’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li l-post tat-twettiq tal-obbligu inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa espressament indikat fuq il-promissory note, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni, sa fejn id-dritt applikabbli jippermetti din l-għażla ta’ tali post, l-imsemmi post sabiex tiġi ddeterminata liema qorti għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 japplika sabiex tiġi ddeterminata liema qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja li permezz tagħha l-benefiċjarju ta’ promissory note, stabbilita fi Stat Membru, jinvoka d-drittijiet li jirriżultaw minn din il-promissory note, li ma kinitx kompluta fid-data tal-firma tagħha u li ġiet sussegwentement kompluta mill-benefiċjarju, kontra min ta l-aval, li huwa ddomiċiljat fi Stat Membru ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li għandha rabtiet professjonali mill-qrib ma’ kumpannija, bħall-amministrazzjoni ta’ tali kumpannija jew iż-żamma ta’ sehem maġġoritarju fiha, ma tistax titqies bħala konsumatur fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta hija tagħti aval fuq promissory note maħruġa sabiex tiggarantixxi l-obbligi ta’ din il-kumpannija li jirriżultaw minn kuntratt li jirrigwarda l-għoti ta’ kreditu. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għad-determinazzjoni ta’ liema qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja li permezz tagħha l-benefiċjarju ta’ promissory note, stabbilita fi Stat Membru, jinvoka d-drittijiet li jirriżultaw minn din il-promissory note, li ma kinitx kompluta fid-data tal-firma tagħha u li ġiet sussegewentement kompluta mill-benefiċjarju, kontra min ta l-aval, li huwa ddomiċiljat fi Stat Membru ieħor.

2)      L-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 japplika għad-determinazzjoni ta’ liema qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni ġudizzjarja li permezz tagħha l-benefiċjarju ta’ promissory note, stabbilita fi Stat Membru, jinvoka d-drittijiet li jirriżultaw minn din il-promissory note, li ma kinitx kompluta fid-data tal-firma tagħha u li ġiet sussegwentement kompluta mill-benefiċjarju, kontra min ta l-aval, li huwa ddomiċiljat fi Stat Membru ieħor.

Firem


* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.