Language of document : ECLI:EU:F:2011:68

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

27 ta’ Mejju 2011

Kawżi magħquda F-5/11 R u F-15/11 R

Peter Mariën

vs

Il-Kummissjoni Ewropea (F-5/11 R)

u

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (EEAS) (F-15/11 R)

“Servizz pubbliku — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Talba għal miżuri provviżorji — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal sospensjoni ta’ deċiżjoni”

Suġġett:      Talbiet imressqa skont l-Artikoli 278 TFUE u 157 KEEA kif ukoll skont l-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tagħhom P. Mariën jitlob, b’mod partikolari, is-sospensjoni tad-deċiżjoni, tal-11 ta’ Jannar 2011, tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’Kabul (l-Afganistan) li titolbu jitlaq mil-lukanda li fiha kien qiegħed joqgħod b’mod provviżorju sabiex imur joqgħod fil-bini residenzjali mogħni b’sigurtà mibni reċentement għall-persunal tad-delegazzjoni.

Deċiżjoni:      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet intiżi għas-sospensjoni tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2011, li permezz tagħha l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’Kabul (l-Afganistan) talab lil P. Mariën jitlaq mil-lukanda li fiha kien qiegħed joqgħod b’mod provviżorju sabiex imur joqgħod fil-bini residenzjali mogħni b’sigurtà mibni reċentement għall-persunal tad-delegazzjoni. Il-kumplament tat-talbiet fil-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawżi magħquda F‑5/11 R u F‑15/11 R huma miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Deċiżjoni kontenzjuża li eżawrixxiet l-effetti tagħha fil-mori tal-kawża — Talba li ma għadx għandha skop — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Artikolu 278 TFUE)

2.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Dispożizzjonijiet partikolari u derogatorji applikabbli għall-uffiċjali assenjati f’pajjiż terz — Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ akkomodazzjoni tas-servizz — Obbligu ta’ residenza fiha

(Regolamenti tal-Persunal, Anness X, Artikolu 5(1))

1.      Meta deċiżjoni kontenzjuża tkun eżawrixxiet l-effetti tagħha fil-mori tal-kawża, ma jkunx fadal lok għall-Imħallef għal miżuri provviżorji li jiddeċiedi dwar it-talbiet intiżi għas-sospensjoni ta’ din id-deċiżjoni, bla ħsara għad-deċiżjoni li tkun se tingħata mill-qorti tal-Unjoni dwar l-azzjoni prinċipali fir-rigward tal-interess tar-rikorrent sabiex jikseb l-annullament, b’effett retroattiv, tad-deċiżjoni kontenzjuża għall-perijodu li matulu hija tkun ipproduċiet l-effetti tagħha.

(ara l-punti 39 u 42)

2.      Mill-Artikolu 5(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-obbligu ta’ membru tal-persunal sabiex joqgħod f’akkomodazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu ma huwiex suġġett għall-aċċettazzjoni min-naħa tal-parti kkonċernata. B’mod partikolari, meta l-obbligu huwa fformulat mill-awtorità kompetenti f’termini ta’ għażla bejn żewġ akkomodazzjonijiet speċifikati jew iktar, il-membru tal-persunal ma huwiex liberu li b’mod unilaterali jorbot mal-għażliet disponibbli, kundizzjonijiet jew emendi skont ix-xewqa tiegħu.

(ara l-punt 40)