Language of document : ECLI:EU:C:2013:228

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ April 2013 (*)

“Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikoli 1(1) u 6(1) – Kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ – Ħlas magħmul indebitament minn entità statali – Talba għal ħlas lura ta’ dan il-ħlas fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja – Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ konnessjoni – Rabta mill-qrib bejn it-talbiet – Konvenut iddomiċiljat fi Stat terz”

Fil-Kawża C‑645/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Diċembru 2011, fil-proċedura

Land Berlin

vs

Ellen Mirjam Sapir,

Michael J. Busse,

Mirjam M. Birgansky,

Gideon Rumney,

Benjamin Ben-Zadok,

Hedda Brown,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President ta’ Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn K. Petersen, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u S. Nunes de Almeida, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoin tal-Artikoli 1(1) u 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Land Berlin u E. M. Sapir, M. J. Busse, M. M. Birgansky, G. Rumney u B. Ben-Zadok u H. Brown, kif ukoll ħames persuni oħrajn, dwar ir-rimbors ta’ ħlas żejjed imwettaq bi żball wara proċedura amministrattiva intiża għall-kumpens għad-dannu kkawżat mit-telf ta’ proprjetà immobbli wara persekuzzjonijiet taħt ir-reġim nażista.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 44/2001

3        Il-premessi 7 sa 9 u 11 tar-Regolament Nru 44/2001 huma redatti kif ġej:

“(7)      L-iskop ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri il-materji prinċipali ċivili u kummerċjali apparti minn ċerti materji li jkunu ġew definiti.

(8)      Għandu jkun hemm rabta bejn il-proċedimenti li dwarhom japplika dan ir-Regolament u t-territorju ta’ l-Istati Membri marbuta b’dan ir-Regolament. Għahekk, regoli komuni ta’ ġurisdizzjoni għandhom, bħala prinċipju, japplikaw meta l-konvenut jkun domiċiljat f’wieħed minn dawn l-Istati Membri

(9)      Konvenut li ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru huwa ġeneralment suġġett għar-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni applikabbli fit-terrirorju ta’ l-Istat Membru tal-qorti li teżamina l-każ, u konvenut li jkun domiċiljat fi Stat Membru li ma jkunx marbut b’dan ir-Regolament għandu jibqa’ suggett għal [Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Brussell’)].

[…]

(11)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.”

4        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu bil-mod segwenti:

“Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.”

5        Ir-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni jikkonċernaw l-kawżi mressqa kontra persuna ddomiċiljata fit-territorju tal-Unjoni Ewropea huma pprovduti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ dan ir-regolament, li jifformaw parti mis-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”.

6        Għalhekk, skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

7        L-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

8        Għal dak li jikkonċerna l-azzjonijiet ġudizzjarji mressqa kontra persuna ddomiċiljata fi Stat terz, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab ukoll fis-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II tiegħu, jipprovdi:

“Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, bla ħsara għall-Artikoli 22 u 23, tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

9        L-Artikolu 5 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li huwa inkluż taħt is-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”, huma redatti b’dan il-mod:

“Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, wkoll tiġi mfittxija:

[...]”

“Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista' wkoll tiġi mfittxija:

1)       meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.”

 Id-dritt Ġermaniż

10      Id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar is-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet patrimonjali mhux solvuti (Gesetz zur Regelung offener Vermögensfragen, iktar ’il quddiem il-“Vermögensgesetz”) u tal-liġi dwar il-prijorità għall-investimenti fil-każ ta’ dritt ta’ restituzzjoni skont il-liġi dwar is-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet partimonjali mhux solvuti (Gesetz über den Vorrang für Investitionen bei Rückübertragungsansprüchen nach dem Vermögensgesetz, iktar ’il quddiem l-“Investitionsvorranggesetz”) huma applikabbli għall-kawża prinċipali.

11      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Vermögensgesetz huwa ddefinit bl-Artikolu 1(1) u (6) tiegħu, li jipprovdi:

“Din il-liġi tirregola d-drittijiet ta’ natura patrimonjali dwar l-assi patrimonjali li […] ġew esproprijati u nnazzjonalizzati mingħajr kumpens […]

[...]

Din il-liġi tapplika b’analoġija għad-drittijiet ta’ natura patrimonjali ta’ ċittadini u assoċjazzjonijiet li kienu ġew ippersegwitati matul il-perijodu inkluż bejn it-30 ta’ Jannar 1933 u t-8 ta’ Mejju 1945 għal raġunijiet razzjali, politiċi, reliġjużi jew filosofiċi u li, għal din ir-raġuni, tilfu l-patrimonju tagħhom wara bejgħ sfurzat, esproprjazzjonijiet jew b’mod ieħor […]”.

12      L-Artikolu 3(1) tal-Vermögensgesetz, li jikkonċerna r-restituzzjoni tal-assi patrimonjali, jipprovdi li:

“L-assi patrimonjali li kienu s-suġġett ta’ miżuri bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi u li kienu ġew innazzjonalizzati jew mibjugħin lil terzi għandhom jingħataw lura lis-suċċessuri wara li dawn iressqu talba, ħlief jekk dan huwa eskluż [...].”

13      Sabiex jiġi evitat li tali drittijiet ma jistgħux jiġu iktar mitluba minħabba akkwist in bona fide u mingħajr piżijiet tal-element ta’ partrimonju kkonċernat, l-Artikolu 3(3) tal-Vermögensgesetz introduċa projbizzjoni fuq il-bejgħ tal-immobbli li huma s-suġġett ta’ talba għal restituzzjoni skont din il-liġi.

14      L-Investitionsvorranggesetz tipprovdi eċċezzjoni għal dawn il-prinċipji, bil-għan li l-investimenti neċessarji fil-Länder il-ġodda ma jsirux impossibbli minħabba l-projbizzjoni fuq il-bejgħ lil investitur ta’ immobbli li fir-rigward tagħhom talbiet għal restituzzjoni kienu ġew irreġistrati skont il-Vermögensgesetz.

15      Għalhekk, l-Artikolu 1 tal-Investitionsvorranggesetz jipprovdi li:

“Il-proprjetajiet […] li huma s-suġġett jew jistgħu jkunu s-suġġett ta’ drittijiet ta’ restituzzjoni skont il-Vermögensgesetz jistgħu, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti iktar ’l isfel, jiġu użati kollha jew parzjalment għal investimenti għall-finijiet speċifiċi. F’dan il-każ, is-suċċess għandu dritt tirċievi kumpens skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi”.

16      Skont l-Artikolu 16(1) tal-Investitionsvorranggesetz “[j]ekk ir-restituzzjoni […] tal-assi patrimonjali ma tkunx possibbli [...] kull suċċess jista’, wara li jiġi kkonstatat jew pprovat l-intitolament tagħha, jitlob [...] il-ħlas ta’ somma ta’ flus f’ammont li jikkorrispondi mal-benefiċċji monetarji kollha li jirriżultaw mill-kuntratt li jakkumulaw mal-assi patrimonjali li jmorru lura għandu. Il-fondatezza ta’ talba bħal din tiġi kkonstatata [...] b’deċiżjoni tal-Uffiċċju, fil-livell tal-Land jew tar-reġjun, għas-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet patrimonjali mhux solvuti. Fin-nuqqas ta’ dħul mill-bejgħ [...] [jew] jekk id-dħul mill-bejgħ ikun inqas mill-valur tas-suq tal-assi patrimonjali meta d-deċiżjoni li tikkontesta l-investiment prijoritarju issir eżekuttiva, [...] is-suċċess ikollu sena [...] biex titlob ġudizzjarjament il-ħlas tal-valur tas-suq.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Julius Busse kien il-proprjetarju ta’ biċċa art li kienet tinsab fit-territorju li qabel kien Berlin tal-Lvant. Matul il-perijodu tar-reġim nazzjonal-soċjalista, huwa kien ġie ppersegwitat minn dan ir-reġim, u fl-1938, kien imġiegħel jittrasferixxi l-art tiegħu lil terz. Sussegwentement din l-art kienet ġiet esproprijata mir-Repubblika Demokratika Ġemaniża, u wara inkluża, ma’ artijiet oħrajn li jappartjenu lil dan l-Istat, f’operazzjoni ta’ konsolidazzjoni tal-art. Wara r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja, din il-firxa ta’ art saret f’parti proprjetà tal-Land Berlin u f’parti proprjetà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

18      Fil-5 ta’ Settembru 1990, l-ewwel għaxar konvenuti fil-kawża prinċipal, fosthom E. M. Sapir u M. M. Birgansky kif ukoll G. Rumney u B. Ben-Zadok iddomiċiljati fl-Iżrael, M. J. Busse fir-Renju Unit u H. Brown fi Spanja, li huma suċċessuri legali ta’ Julius Busse, kienu talbu r-restituzzjoni tal-parti ta’ din il-firxa ta’ art li qabel kienet tappartjeni lil dan tal-aħħar, fuq il-bażi tal-Vermögensgesetz.

19      Fl-1997, il-Land Berlin u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja invokaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tal-Investitionsvorranggesetz u biegħu lil investitur, il-firxa ta’ art kollha miksuba wara l-operazzjoni ta’ konsolidazzjoni tal-art imsemmija preċedentement.

20      Wara l-bejgħ, l-awtorità kompetenti kkonstatat li, skont id-dritt nazzjonali, l-ewwel għaxar konvenuti fil-kawża prinċipali ma setgħux jeżiġu r-restituzzjoni tal-art, imma kellhom id-dritt li jitħallsu tal-inqas is-sehem li jikkorrispondi mad-dħul mill-bejgħ tal-firxa ta’ art, jew tal-valur tas-suq tal-beni. Din l-istess awtorità ordnat lil-Land Berlin, rikorrent fil-kawża prinċipali, biex iħallas lill-ewwel għaxar konvenuti fil-kawża prinċipali s-sehem mid-dħul tal-bejgħ li jikkorrispondi mal-parti tal-art ta’ Julius Busse.

21      Madankollu, waqt l-eżekuzzjoni tal-ħlas inkwistjoni, il-Land Berlin, li kien qed jaġixxi wkoll f’isem ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, wettaq żball. Fil-fatt, huwa ħallas involontarjament l-ammont kollu tal-prezz tal-bejgħ lill-avukat li jirrapreżenta lill-ewwel għaxar konvenuti fil-kawża prinċipali, li dan imbagħad qassam bejn dawn tal-aħħar.

22      Fil-kawża prinċipali, il-Land Berlin qed jitlob ir-rimbors mingħand l-ewwel għaxar konvenuti tal-ħlas żejjed, li jikkalkola li jammonta għal EUR 2.5 miljun. Huwa fittex, quddiem il-Landgericht Berlin, lill-ewwel għaxar konvenuti, bħala s-suċċessuri ta’ Julius Brosse, għal arrikkiment indebitu, kif ukoll lill-avukat inkarigat li jirrappreżentahom, li huwa l-ħdax-il konvenut fil-kawża prinċipali, għal aġir illegali.

23      L-imsemmija konvenuti fil-kawża prinċipali oġġezzjonaw għal din il-kawża, billi sostnew li l-Landgericht Berlin ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali li tippermettilha li tiddeċiedi fil-konfront tal-konvenuti fil-kawża prinċipali ddomiċiljati fir-Renju Unit, fi Spanja u fl-Iżrael, jiġifieri E. M. Sapir, M. J. Busse, M. M. Birgansky, G. Rumney u B. Ben-Zadok kif ukoll H. Brown.

24      Barra minn hekk, huma ddikjaraw li jistgħu jitolbu l-ħlas ta’ somma ogħla mis-sehem tad-dħul mill-bejgħ dovut lilhom peress li dan is-sehem huwa ta’ valur inqas mill-valur tas-suq tal-art li kienet tappartjeni lil Julius Busse. Huma jqisu li r-rikors huwa, għaldaqstant, infondat.

25      Permezz ta’ sentenza parzjali, il-Landgericht Berlin ċaħdet ir-rikors tal-Land Berlin bħala inammissibbli fir-rigward tal-konvenuti fil-kawża prinċipali ddomiċiljati fir-Renju Unit, fi Spanja u fl-Iżrael. Il-Land Berlin tilef ukoll l-appell.

26      F’dan ir-rigward, il-qorti tal-appell qieset fil-fatt li l-qrati Ġermaniżi ma għandhomx ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jiddeċiedu fuq ir-rikors kontra E. M. Sapir, M. J. Busse, M. M. Birgansky, G. Rumney u B. Ben-Zadok kif ukoll H. Brown. Skont l-imsemmija qorti, din il-kawża ma kinitx tikkonċerna materja ċivili fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001, iżda kienet taqa’ taħt id-dritt pubbliku li għalih l-imsemmi regolament ma japplikax.

27      Permezz tar-rikors għal “Reviżjoni” tiegħu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jixtieq jikseb deċiżjoni li l-Landgericht Berlin tiddeċiedi fuq il-mertu tat-talbiet tiegħu, inklużi fir-rigward ta’ dawn il-konvenuti fil-kawża prinċipali.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.       [L-irkupru għal pagament mhux dovut] jikkostitwixxi materja ċivili fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001, fiċ-ċirkustanzi fejn Bundesland ordnat minn awtorità pubblika sabiex iħallas lil vittmi, bħala kumpens, parti mid-dħul mill-bejgħ ta’ art, iħallas [lil din il-vittma] minflok, indebitament, [l-ammont ta]l-prezz tax-xiri kollu?

2.       Jistgħu talbiet jitqiesu marbuta mill-qrib, skont kif meħtieġ mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, meta l-konvenuti jibbażaw ruħhom fuq talbiet ta’ kumpens addizzjonali li [jistgħu jiġu deċiżi] biss [b’mod] uniformi?

3.       L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 japplika wkoll għal konvenuti li ma humiex [id]domiċiljati fl-Unjoni Ewropea? Fil-każ li għal din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv: dan japplika wkoll fejn, fl-Istat ta’ domiċilju tal-konvenut, skont konvenzjoni bilaterali mal-Istat li jiddeċiedi t-talba, ir-rikonoxximent tas-sentenza jista’ jiġi rrifjutat minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

29      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” jinkludix kawża għall-ikrupru ta' ammonti mħallsa indebitament fil-każ fejn organu pubbliku, li ġie ordnat, minn awtorità stabbilita minn liġi intiża sabiex tipprovdi kumpens għal persekuzzjonijiet eżerċitati minn reġim totalitarju, li jħallas lil persuna leża, bħala kumpens, parti mid-dħul mill-bejgħ ta’ immobbli, ħallas lil din il-persuna, wara żball mhux intenzjonat, l-ammont kollu tal-prezz tal-bejgħ, u sussegwentement jitlob legalment l-irkupru ta’ ammonti mħallas indebitament.

30      Il-Bundesgerichtshof indikat, fid-deċiżjoni tar-rinviju, li d-dubji li hija għandha f’dan ir-rigward jirriżultaw minn diversi elementi. Minn naħa, skont din il-qorti, ir-rimbors jirrigwarda somma ta’ flus li l-Land Berlin ħallas, bi żball, lill-konvenuti fil-kawża prinċipali, li dan ir-rimbors għandu jsir skont id-dispożizzjoni li tirrigwarda l-irkupru ta’ pagament mhux dovut ibbażat fuq l-arrikkiment indebitu, li jinsab fl-Artikolu 812(1) tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż u li jipprovdi li kull persuna li rċeviet pagament indebitu għandha tħallsu lura. Min-naħa l-oħra, il-ħlas sar mhux minn att legali tal-Land Berlin, li jaġixxi bħala persuna ġuridika suġġetta għad-dritt privat, iżda minn proċedura amministrattiva.

31      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 issa jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna din il-Konvenzjoni tapplika wkoll għall-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet tiegħu u dawk tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Realchemie Nederland, C‑406/09, Ġabra p. I-9773, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 huwa, bħala dak tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, limitat għall-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”. Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kamp ta’ applikazzjoni huwa ddefinit essenzjalment minħabba elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fil-kawża jew l-għan ta’ din (ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, Lechouritou et, C‑292/05, Ġabra p. I‑1519, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, jekk ċerti kawżi bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jistgħu jaqgħu taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, tkun ħaġa oħra meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, Ġabra p. I‑3571, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C‑154/11, punt 56).

34      Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ f’kawża bħal dik inkwisjtoni fil-kawża prinċipali, għandhom għaldaqstant jiġu eżaminati l-bażi u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-azzjoni mressqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2002, Baten, C‑271/00, Ġabra p. I‑10489, punt 31, u tal-15 ta’ Mejju 2003, Préservatrice foncière TIARD, C‑266/01, Ġabra p. I‑4867, punt 23).

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif il-qorti tar-rinviju tenfasizza, id-dritt għal kumpens li jagħti lok għall-kawża mressqa fil-kawża prinċipali huwa bbażat fuq dispożizzjonijiet nazzjonali, f’dan il-każ il-Vermögensgesetz u l-Investitionsvorranggesetz li jikkonċernaw il-kumpens għall-vittmi tar-reġim nazzjonal-soċjalista li huma identiċi għall-proprjetarji kollha ta’ immobbli suġġetti għal drittijiet ta’ ħlas lura. Fil-fatt, huma jimponu l-istess obbligu għal kumpens mingħajr ma jiddistingwu bejn il-kwalità ta’ persuna privata jew ta’ entità statali tal-proprjetarju tal-proprjetà suġġett għal tali dritt.

36      Bl-istess mod, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-proċedura amministrattiva li tirrigwarda d-drittijiet għal kumpens tal-persuni leżi hija identika irrispettivament mill-kwalità tal-proprjetarju kkonċernat. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-imsemmi proprjetarju, kemm jekk ikun persuna privata, jew persuna pubblika, ma jgawdi l-ebda prerogattiva deċiżjonali għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tad-drittijiet għal ħlas lura tal-persuna leża.

37      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-azzjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-ħlas lura tal-eċċess imħallas bi żball waqt l-eżekuzzjoni mil-Land Berlin tad-drittijiet għal ħlas tal-persuni leżi. Minn naħa, ir-rimbors ta’ dan l-eċċess ma jifformax parti mill-proċedura amministrattiva prevista mill-Vermögensgesetz u mill-Investitionsvorranggesetz. Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tar-rimbors tal-ħlas żejjed, il-proprjetarju, kemm jekk persuna pubblika jew privata, għandu jfittex il-persuni leżi quddiem il-qrati ċivili. Bl-istess mod, l-imsemmi rimbors għandu bħala bażi legali r-regoli previsti fl-Artikolu 812(1) tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż li jirrigwarda l-irkupru ta’ pagament mhux dovut ibbażat fuq l-arrikkiment indebitu.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” jinkludi Kawża għall-ikrupru ta’ ammonti mħallsa indebitament fil-każ fejn organu pubbliku, li ġie ordnat, minn awtorità stabbilita minn liġi intiża sabiex tipprovdi kumpens għal persekuzzjonijiet eżerċitati minn reġim totalitarju, li jħallas lil persuna leża, bħala kumpens, parti mid-dħul mill-bejgħ ta’ immobbli, ħallas lil din il-persuna, wara żball mhux intenzjonat, l-ammont kollu tal-prezz tal-bejgħ, u sussegwentement jitlob legalment l-irkupru ta’ pagament mhux dovut.

 Fuq it-tieni domanda

39      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li teżisti rabta mill-qrib, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bejn it-talbiet imressqa kontra diversi konvenuti ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn fil-każ fejn dawn tal-aħħar, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jopponu drittijiet għal kumpens addizzjonali li għandhom neċessarjament deċiżi b’mod uniformi.

40      Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi li konvenut jista’ jitfittex, meta jkun hemm diversi konvenuti, quddiem il-qorti fejn wieħed minnhom ikun iddomiċiljat, sakemm it-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib bejniethom li jkun iktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament (ara s-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, Ġabra p. I‑12533, punt 73).

41      Din ir-regola speċjali, li tidderoga mill-prinċipju tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tal-konvenut stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001, għandha tiġi interpretata b’mod stress fis-sens li ma tippermettix interpretazzjoni li tmur lil hinn mis-sitwazzjonijiet previsti b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (ara s-sentenza Painer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Sabiex l-Artikolu 6(1) tal-Regolament Nru 44/2001 jiġi applikat, għandu jiġi vverifikat jekk teżistix rabta ta’ konnessjoni bejn it-talbiet differenti, imressqa mill-istess rikorrenti kontra konvenuti differenti, b’tali mod li jkun hemm interess li dawn jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament (ara s-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Freeport, C‑98/06, Ġabra p. I‑8319, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fir-rigward tal-imsemmija rabta ta’ konnessjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex deċiżjonijiet ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kontradittorji, ma huwiex biżżejjed li tkun teżisti diverġenza fis-soluzzjoni tal-kawża, iżda wkoll huwa meħtieġ li din id-diverġenza tkun taqa’ fil-kuntest tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi (ara s-sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq Freeport, punt 40, u Painer, punt 79).

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jirriżultax li l-fatt li l-bażijiet ġuridiċi tat-talbiet imressqa kontra numru ta’ konvenuti jkunu identiċi huwa wieħed mill-kundizzjonijiet previsti għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Tali identiċità hija biss fattur rilevanti fost oħrajn (ara s-sentenza Painer, iċċitata iktar ’il fuq, punti 76 u 80).

45      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet fil-kawża prinċipali, ibbażati fuq l-irkupru ta’ pagament mhux dovut u, għal dak li jirrigwarda l-ħdax-il konvenut, fuq aġir illegali, u l-motivi ta’ difiża invokati kontrihom mill-ewwel għaxar konvenuti, ibbażati fir-rigward tagħhom fuq drittijiet għal kumpens addizzjonali, għandhom l-oriġini tagħhom minn sitwazzjoni waħda, fil-fatt u fil- dritt, jiġifieri d-dritt għal kumpens rikonoxxut lill-ewwel għaxar konvenuti fil-kawża prinċipali skont il-Vermögensgesetz u l-Investitionsvorranggesetz kif ukoll it-trasferiment tas-somma kkontestata li l-Land Berlin għamel bi żball favur dawn il-konvenuti.

46      Barra minn hekk, kif il-Gvern Ġermaniż enfasizza, huma biss il-Vermögensgesetz u l-Investitionsvorranggesetz li jistgħu jipprovdu lill-konvenuti fil-kawża prinċipali l-bażi legali li tista’ tiġġustifika l-ammont żejjed li kienu rċivew, li dan jeżiġi wkoll evalwazzjoni fil-konfront tal-konvenuti kollha fir-rigward tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-evalwazzjoni tal-bażi legali tal-motivi ta’ difiża li għandhom bħala suġġett id-drittijiet għal kumpens addizzjonali hija kwistjoni preliminari għat-talbiet fil-kawża prinċipali fis-sens li l-fondatezza ta’ dawn tal-aħħar tiddependi fuq l-eżistenza jew l-ineżistenza tal-imsemmija drittijiet għal kumpens.

47      Din l-uniċità teżisti anki jekk il-bażi legali invokata insostenn tat-talba kontra l-ħdax-il konvenut hija differenti minn dik li fuqha hija bbażat il-kawża mressqa kontra l-ewwel għaxar konvenuti. Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali enfasizzat fil-punt 99 tal-konklużjonijiet tagħha, it-talbiet invokati fit-talbiet differenti kollha għandhom, fil-kawża prinċipali, l-istesss interess, jiġifieri r-rimbors tal-ammont indebitament imħallas bi żball.

48      Id-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li teżisti rabta mill-qrib, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bejn it-talbiet imressqa kontra diversi konvenuti ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn fil-każ fejn dawn tal-aħħar, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jopponu drittijiet għal kumpens supplimentari li għandhom neċessarjament deċiżi b’mod uniformi.

 Fuq it-tielet domanda

49      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi intepretat fis-sens li huwa intiż sabiex japplika għal konvenuti li ma humiex iddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru meta dawn tal-aħħar jitħarku assenjati bħala parti minn kawża mressqa kontra diversi konvenuti li fosthom jinsabu wkoll persuni ddomiċiljati fl-Unjoni.

50      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li din it-tielet domanda tikkonċerna lil E. M. Sapir u M. M. Birgansky kif ukoll G. Rumney u B. Ben-Zadok li huma ddomiċiljati fl-Iżrael.

51      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk l-eżistenza tad-domiċilju tal-ko-konvenut fit-territorju ta’ Stat Membru hijiex kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, għal dak li jikkonċerna l-persuni li għalihom japplika, mill-parti introduttiva tal-Artikollu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li din għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament li jirreferi espressament għall-konvenuti ddomiċiljati fit-territorju tal-Unjoni.

53      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi regola speċjali li għandha tiġi interpretata b’mod strett fis-sens li ma tippermettix interpretazzjoni li tmur lil hinn mis-sitwazzjonijiet previsti b’mod espliċitu mill-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Freeport, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001 fih dispożizzjoni espressa li tirregola b’mod eżawrjenti l-kwistjoni tal-persuni ddomiċiljati barra t-territorju tal-Unjoni, billi tipprovdi, għal dawn tal-aħħar, skont il-premessa 9 ta’ dan ir-regolament, li l-ġurisdizzjoni hija f’kull Stat Membru rregolata bil-liġi nazzjonali ta’ dan l-Istat suġġetta għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 22 u 23 tal-imsemmi regolament. Huwa paċifiku li ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jikkonċernaw, rispettivament, il-ġurisdizzjoni esklużiva f’ċerti materji elenkati b’mod eżawrjenti u l-proroga ta’ ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta’ konvenzjoni konkluża bejn il-partijiet, ma hija applikabbli fil-kawża prinċipali.

55      Minn dan jirriżulta li, sabiex ko-konvenut jitfittex quddiem qorti ta’ Stat Membru fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, huwa neċessarju li dan tal-aħħar ikollu d-domiċilju tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex intiż sabiex japplika għal konvenuti li ma humiex iddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru meta dawn tal-aħħar jitħarku bħala parti minn kawża mressqa kontra diversi konvenuti li fosthom jinsabu wkoll persuni ddomiċiljati fl-Unjoni.

57      Fid-dawl tar-risposta negattiva mogħtija għall-ewwel parti tat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni parti ta’ din id-domanda, peress li mit-talba għal domanda preliminari jirriżulta li din ġiet magħmula esklużivament fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda li tikkonċerna l-applikabbiltà tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, sabiex japplika għall-konvenuti li ma humiex iddomiċiljati fit-territorju tal-Unjoni.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 1(1) u 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” jinkludi Kawża għall-ikrupru ta’ ammonti mħallsa indebitament fil-każ fejn organu pubbliku, li ġie ordnat, minn awtorità stabbilita minn liġi intiża sabiex tipprovdi kumpens għal persekuzzjonijiet eżerċitati minn reġim totalitarju, li jħallas lil persuna leża, bħala kumpens, parti mid-dħul mill-bejgħ ta’ immobbli, ħallas lil din il-persuna, wara żball mhux intenzjonat, l-ammont kollu tal-prezz tal-bejgħ, u sussegwentement jitlob legalment l-irkupru ta’ pagament mhux dovut.

2)      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li teżisti rabta mill-qrib, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bejn it-talbiet imressqa kontra diversi konvenuti ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn fil-każ fejn dawn tal-aħħar, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jopponu drittijiet għal kumpens addizzjonali li għandhom neċessarjament jiġu deċiżi b’mod uniformi.

3)      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex intiż sabiex japplika għal konvenuti li ma humiex iddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru meta dawn tal-aħħar jitħarku bħala parti minn kawża mressqa kontra diversi konvenuti li fosthom jinsabu wkoll persuni ddomiċiljati fl-Unjoni Ewropea.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.