Language of document : ECLI:EU:F:2011:148

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

20 taʼ Settembru 2011

Kawża F-117/10

Barry Van Soest

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Reklutaġġ — Kompetizzjoni — Kundizzjonijiet ta’ ammissjoni — Diploma mitluba — Kunċett ta’ diploma mogħtjia mal-ikkompletar ta’ edukazzjoni sekondarja u li tagħti aċċess għal edukazzjoni ogħla — Deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla — Natura tal-kontroll eżerċitat mill-Awtorità tal-Ħatra”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu B. Van Soest jitlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jiġix irreklutat minkejja li għadda mill-kompetizzjoni EPSO/AST/41/07.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrent.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Indipendenza — Limiti — Adozzjoni ta’ deċiżjonijiet illegali — Obbligi tal-Awtorità tal-Ħatra

2.      Proċedura — Spejjeż — Responsabbiltà — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ekwità

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 88)

1.      L-Awtorità tal-Ħatra hija obbligata, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, tieħu deċiżjonijiet li ma fihomx illegalitajiet. Għaldaqstant, hija ma tistax tkun marbuta b’deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla li l-illegalità tagħhom tista’ tivvizzja, bħala konsegwenza, id-deċiżjonijiet tagħha. Konsegwentement, meta Bord tal-Għażla jaċċetta b’mod żbaljat il-parteċipazzjoni ta’ kandidat f’kompetizzjoni u jinkludih sussegwentement fil-lista ta’ riżerva, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tirrifjuta l-ħatra ta’ dan il-kandidat permezz ta’ deċiżjoni motivata, li tippermetti lill-qorti tal-Unjoni tevalwa l-fondatezza tagħha.

Għaldaqstant, meta Bord tal-Għażla jinkludi b’mod żbaljat kandidat, li ma għandux id-diploma mitluba mill-avviż ta’ kompetizzjoni, fil-lista ta’ riżerva, l-imsemmija awtorità għandha l-obbligu li ttemm il-proċedura ta’ reklutaġġ tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 24 u 25)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 taʼ Ottubru 1986, Schwiering vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 142/85, punti 19 u 20

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 taʼ Marzu 2005, Ricci vs Il‑Kummissjoni, T‑329/03, punt 35, 15 taʼ Settembru 2005, T‑306/04, Luxem vs Il‑Kummissjoni, punt 23

2.      Skont l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, parti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, tista’ tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, parzjalment jew kollha, jekk jidher li dan huwa ġġustifikat minħabba l-atteġġament tagħha, anki qabel ma titressaq l-istanza, b’mod partikolari jekk tkun issuġġettat lill-parti l-oħra għal spejjeż li jkunu meqjusa fiergħa jew vessatorji.

Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu ma hijiex limitata biss għal din l-ipoteżi. Għaldaqstant, meta rikorrent ikun ġie inkluż inizjalment mill-Bord tal-Għażla fil-lista ta’ riżerva ta’ din il-kompetizzjoni qabel ma jiġi informat finalment mill-Awtorità tal-Ħatra, kważi sena wara, li huwa ma jistax jiġi rreklutat għaliex ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni dwar il-kwalifiki u d-diplomi mitluba mill-avviż ta’ kompetizzjoni, il-fatt li l-Bord tal-Għażla kien qies li r-rikorrent issodisfa dawn il-kundizzjonijiet jispjega kif il-persuna kkonċernata setgħet tiddubita f’bona fide mil-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u, sussegwentement, ippreżentat rikors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-istituzzjoni, li hija rebbieħa, tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

(ara l-punti 29 u 30)