DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tielet Awla)
12 taʼ Settembru 2011
Kawża F-98/10
Francesca Cervelli
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Allowance tal-espatrijazzjoni — Talba għal eżami mill-ġdid — Fatti ġodda u sostanzjali — Rikors manifestament inammissibbli”
Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu F. Cervelli titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tagħha intiża għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni dwar ir-rifjut li tingħatalha l-allowance tal-espatrijazzjoni.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż kollha.
Sommarju
Uffiċjali — Rikors — Rikors ippreżentat kontra rifjut li jsir eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni definittiva — Ammissibbiltà — Kundizzjoni
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
Deċiżjoni li ma ġietx ikkontestata mid-destinatarju fit-termini previsti ssir definittiva fil-konfront tiegħu. Madankollu, l-eżistenza taʼ fatti ġodda u sostanzjali tistaʼ tiġġustifika l-preżentata taʼ talba għal eżami mill-ġdid taʼ deċiżjoni preċedenti li tkun saret definittiva.
Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni dwar rifjut li jsir eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni li tkun saret definittiva jiġi ddikjarat ammissibbli jekk ikun jidher li t-talba għal eżami mill-ġdid kienet effettivament ibbażata fuq fatti ġodda u sostanzjali. Min-naħa l-oħra, jekk ikun jidher li t-talba għal eżami mill-ġdid ma kinitx ibbażata fuq tali fatti, ir-rikors kontra d-deċiżjoni dwar rifjut li jsir l-eżami mill-ġdid mitlub għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
L-effetti ġuridiċi ta’ sentenza li tannulla att jikkonċernaw biss, minbarra lill-partijiet, lill-persuni kkonċernati direttament mill-att annullat innifsu u tali sentenza tista’ tikkostitwixxi fatt ġdid biss fir-rigward ta’ tali persuni.
Barra minn hekk, deċiżjoni li ma toriġinax mill-istituzzjoni li timpjega lill-persuna kkonċernata, iżda minn istituzzjoni oħra, lanqas ma tista’ titqies li hija fatt ġdid u sostanzjali. F’dan ir-rigward, għalkemm, skont il-prinċipju tal-uniċità tas-servizz pubbliku, kif stabbilit fl-Artikolu 9(3) tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni huma rregolati mill-istess dispożizzjonijiet, tali prinċipju ma jimplikax li l-istituzzjonijiet għandhom neċessarjament jużaw b’mod identiku s-setgħa diskrezzjonali li ngħatatilhom mir-Regolamenti tal-Persunal fid-dawl tal-fatt li, a contrario, fl-amministrazzjoni tal-persunal tagħhom, dawn tal-aħħar igawdu minn “prinċipju ta’ awtonomija”.
(ara l-punti 19, 20 u 23 sa 25)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 taʼ Settembru 1985, Valentini vs Il-Kummissjoni, 231/84, punt 14; 8 taʼ Marzu 1988, Brown vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 125/87, punt 13
Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 taʼ Settembru 1997, Gimenez vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T-220/95, punt 72; 24 taʼ Marzu 1998, Becret-Danieau et vs Il-Parlament, T-232/97, punt 43; 7 taʼ Frar 2001, Inpesca vs Il-Kummissjoni, T-186/98, punti 40, 47 u 48; 16 taʼ Settembru 2009, Boudova et vs Il-Kummissjoni, T-271/08 P, punt 48