Language of document : ECLI:EU:F:2011:161

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

28 ta’ Settembru 2011

Kawża F‑13/10

Carlo De Nicola

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Evalwazzjoni — Promozzjoni — Rikors għad-danni — Ammissibbiltà”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE kif ukoll skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI li permezz tiegħu C. De Nicola qiegħed jitlob, b’mod partikolari, fl-ewwel lok, l-annullament tad-deċiżjoni, tat-23 ta’ Settembru 2009, tal-Kumitat tal-Appell tal-Bank Ewropew tal-Investiment, fit-tieni lok, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2008, fit-tielet lok, l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni tat-18 ta’ Marzu 2009, fir-raba’ lok, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ promozzjoni u, fil-ħames lok, li l-Bank jiġi kkundannat jikkumpensah għad-danni morali u materjali li huwa jqis li ġarrab.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u nofs l-ispejjeż tal-BEI. Il-BEI għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikors — Talbiet imressqa kontra l-pożizzjoni meħuda mill-Kumitat tal-Appell — Ammissibbiltà — Effett

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikors — Rikors ippreżentat kontra att ta’ portata ġenerali — Gwida għall-proċedura ta’ evalwazzjoni — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikors — Termini — Rekwiżit ta’ terminu raġonevoli — Bidu tad-dekorrenza tat-terminu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikors — Rikors ippreżentat kontra n-nuqqas li jiġi nnominat rappreżentant fil-Bord ta’ Konċiljazzjoni — Bidu tad-dekorrenza tat-terminu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikors — Applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Ġurisdizzjoni sħiħa

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1); Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

6.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikors — Rikors għad-danni — Ammissibbiltà ta’ rikors ippreċedut minn talba għad-danni mressqa quddiem il-Kumitat tal-Appell

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

7.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għal annullament li ma ġiex ippreżentat fit-termini — Rikors għad-danni intiż għal riżultat identiku — Inammissibbiltà

8.      Uffiċjali —Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rapport ta’ evalwazzjoni annwali — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      It-talbiet imressqa kontra l-pożizzjoni meħuda mill-Kumitat tal-Appell imwaqqaf mill-Bank Ewropew tal-Investiment fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-membri tal-persunal ma għandhomx kontenut awtonomu u għandhom l-effett li jressqu quddiem il-qorti tal-Unjoni r-rapport ta’ evalwazzjoni li kien is-suġġett ta’ tali lment amministrattiv. B’mod iktar ġenerali, id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell ma għandhiex kontenut awtonomu fir-rigward tad-deċiżjonijiet kollha kkontestati quddiem dan il-kumitat.

(ara l-punt 44)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Marzu 2011, De Nicola vs BEI, F-59/09, punt 131, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment jippermetti biss lill-membri tal-persunal jressqu quddiem il-qrati tal-Unjoni tilwim ta’ natura individwali. Għalkemm il-membri tal-persunal jistgħu jqajmu, fil-kuntest ta’ tilwima ta’ natura individwali u taħt ċerti kundizzjonijiet, l-eċċezzjoni tal-illegalità ta’ miżuri ta’ portata ġenerali, huma ma jistgħux jitolbu direttament l-annullament ta’ tali miżuri. Barra minn hekk, dwar dan il-punt teżisti ċerta analoġija mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li, sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala att li jikkawża preġudizzju, miżura għandha b’mod partikolari tirrappreżenta t-teħid ta’ pożizzjoni definittiva mill-amministrazzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tal-uffiċjal.

F’dan id-dawl, Gwida għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-Bank, li hija maħsuba li tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni, jiġifieri l-membri tal-persunal tal-Bank, kategorija prevista b’mod ġenerali u astratt, tikkostitwixxi miżura ta’ portata ġenerali. Għalhekk, talbiet intiżi għall-annullament tagħha ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkonċernaw tilwim ta’ natura individwali fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan ifisser li din il-gwida ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors dirett ippreżentat minn membru tal-persunal tal-Bank.

(ara l-punti 54 u 55)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Lulju 1981, Bowden et vs Il-Kummissjoni, 153/79, punt 13

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T‑192/99, punti 61 u 62, u l-ġurisprudenza ċċitata; 16 ta’ Diċembru 2004, De Nicola vs BEI, T‑120/01 u T‑300/01, punt132; 29 ta’ Novembru 2006, Agne-Dapper vs Il-Kummissjoni, T‑35/05, T‑61/05, T‑107/05, T‑108/05 u T‑139/05, punt 56

3.      Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista fl-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-proċedura ta’ appell speċifika fil-qasam tal-evalwazzjoni annwali prevista minn komunikazzjoni amministrattiva tal-Bank għandhom l-istess għan bħall-proċedura prekontenzjuża obbligatorja stabbilita fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn il-proċeduri huma maħsuba wkoll sabiex jippermettu li jintlaħaq ftehim bonarju għat-tilwim billi jagħtu lill-Bank il-possibbiltà li jirrevedi l-att ikkontestat u billi jagħtu lill-membru tal-persunal ikkonċernat il-possibbiltà li jaċċetta l-motivazzjoni li fuqha jkun ibbażat dan l-att u li jirrinunzja, jekk ikun il-każ, milli jippreżenta rikors. Barra minn hekk, ir-regolamenti tal-Bank ma jipprevedux il-modalitajiet għall-koordinazzjoni bejn dawn iż-żewġ proċeduri. Fil-qasam tar-rapporti ta’ evalwazzjoni, id-deċiżjoni li wieħed jirrikorri alternattivament għal waħda jew għall-oħra, jew għat-tnejn flimkien, fl-istess ħin jew suċċessivament, hija għalhekk fid-diskrezzjoni tal-membru tal-persunal ikkonċernat, bil-kundizzjoni li josserva t-terminu indikattiv stabbilit mill-komunikazzjonijiet amministrattivi rilevanti għat-talba li l-każ jitressaq quddiem il-Kumitat tal-Appell.

F’dan il-kuntest, terminu ta’ tliet xhur li jiddekorri mill-ġurnata tal-komunikazzjoni tal-att li jikkawża preġudizzju lill-membru tal-persunal ikkonċernat jew, jekk ikun il-każ, mill-eżitu negattiv tal-proċedura ta’ appell jew mill-mument li fih il-proċedura ta’ konċiljazzjoni ma tirnexxix għandu, bħala prinċipju, jitqies li huwa terminu raġonevoli, bil-kundizzjoni madankollu, minn naħa, li l-eventwali proċedura ta’ appell tkun żvolġiet f’terminu raġonevoli u, min-naħa l-oħra, li l-persuna kkonċernata tkun ifformulat l-eventwali talba tagħha għal konċiljazzjoni f’terminu raġonevoli wara li tkun irċeviet il-komunikazzjoni tal-att li jikkawżalha preġudizzju. B’mod iktar preċiż, l-introduzzjoni ta’ dawn iż-żewġ proċeduri fakultattivi mill-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-komunikazzjonijiet lill-persunal imsemmija iktar ’il fuq rispettivament, li jorbtu lill-Bank, twassal neċessarjament għall-konklużjoni li, jekk membru tal-persunal jitlob suċċessivament li tinfetaħ il-proċedura ta’ appell u mbagħad li tinfetaħ il-proċedura ta’ konċiljazzjoni, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jibda jiddekorri biss mill-mument li fih din il-proċedura tal-aħħar ma tirnexxix, bil-kundizzjoni li l-membru tal-persunal ikun ressaq it-talba tiegħu għal konċiljazzjoni f’terminu raġonevoli wara l-konklużjoni tal-proċedura ta’ appell.

(ara l-punti 61 u 62)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: De Nicola vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 136 u 137, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Ebda regola interna tal-Bank Ewropew tal-Investiment ma tistabbilixxi t-terminu li fih il-persunal tal-Bank għandu jressaq it-tilwima quddiem il-qorti fil-każ li dan tal-aħħar ma jiftaħx il-proċedura ta’ konċiljazzjoni billi jastjeni milli jinnomina wieħed mill-membri tal-Bord ta’ Konċiljazzjoni previst fl-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Madankollu, peress li l-Bank ma jistax legalment jirrifjuta li jiftaħ il-proċedura ta’ konċiljazzoni u peress li jkun ta’ preġudizzju għar-rekwiżit ta’ ċertezza legali jekk, f’sitwazzjoni fejn ir-regoli ma jgħidu xejn, it-terminu li fih l-atti tal-Bank għandhom jiġu kkontestati jkun ivarja skont in-natura tal-proċeduri inkwistjoni, għandu jiġu kkunsidrat, bl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal bħala ispirazzjoni, li, fil-każ li membru tal-persunal tal-Bank jitlob li tilwima, li ma tkunx tikkonċerna sanzjonijiet dixxiplinari, titressaq quddiem il-Bord ta’ Konċiljazzjoni, u fil-każ li l-Bank jastjeni milli jinnomina r-rappreżentant tiegħu fuq dan il-bord, din l-astensjoni tnissel deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal konċiljazzjoni f’terminu ta’ erba’ xhur minn meta l-Bank ikun irċieva din it-talba. F’tali każ il-membru tal-persunal tal-Bank ikollu terminu raġonevoli ta’ tliet xhur, li jiddekorri mit-tnissil ta’ din id-deċiżjoni impliċita, sabiex iressaq it-tilwima quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 74, 75, 77 u 78)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: De Nicola vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 137, u l-ġurisprudenza ċċitata; 28 ta’ Ġunju 2011, De Nicola vs BEI, F‑49/10, punt 71

5.      Ir-regola li tirriżulta mill-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens li l-qorti ma għandhiex ġurisdizzjoni jekk ir-rikors li jkun ġie ppreżentat quddiemha ma jkunx indirizzat kontra att li l-amministrazzjoni tkun allegatament adottat sabiex tiċħad it-talbiet tar-rikorrent, għandha tiġi applikata b’analoġija għar-rikorsi ppreżentati minn membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

(ara l-punt 91)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Novembru 2009, Voslamber vs Il-Kummissjoni, F‑86/08, punti 224 sa 239, u l-ġurisprudenza ċċitata

6.      Fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, l-amministrazzjoni ma għandhiex tinterpreta l-ilmenti b’mod restrittiv iżda għandha, għall-kuntrarju, teżaminahom b’mod wiesa’.

F’dan id-dawl, fl-assenza ta’ indikazzjoni fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment dwar il-kundizzjonijiet għat-tressiq ta’ tilwima relatata ma’ kumpens għad-danni quddiem il-qorti, għandu jiġi kkunsidrat li, meta jressaq talba għad-danni quddiem il-Kumitat tal-Appell tal-Bank, ir-rikorrent, b’mod iktar ġenerali, ikun neċessarjament ressaq quddiem il-Bank talba preliminari għad-danni.

(ara l-punti 92 u 95)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ April 2002, Campogrande vs Il-Kummissjoni, C‑62/01 P, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata

7.      Uffiċjal li ma jkunx ikkontesta fil-ħin deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tikkawżalu preġudizzju ma jistax jevita din id-dekadenza billi jippreżenta rikors għad-danni bbażat fuq l-allegata illegalità ta’ din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, rikorrent ma jistax, permezz ta’ talba għad-danni, jipprova jikseb riżultat identiku għal dak li kien jikseb b’eżitu pożittiv ta’ rikors għal annullament li huwa naqas milli jippreżenta fil-ħin. Barra minn hekk, għalkemm uffiċjal jista’, mingħajr ma jitlob l-annullament ta’ att li jikkawżalu preġudizzju, iressaq, fuq il-bażi tal-allegata illegalità ta’ dan l-att, azzjoni li tkun intiża biss sabiex jikseb kumpens għad-dannu li kkawżalu dan l-att, tali talbiet għad-danni jkunu ammissibbli biss jekk jitressqu fit-termini għall-preżentata ta’ rikors kontenzjuż applikabbli għall-att inkwistjoni.

(ara l-punt 97)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Diċembru 1966, Schreckenberg vs Il-Kummissjoni, 59/65; 14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il-Kummissjoni, 346/87

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 21 ta’ Frar 2008, Skoulidi vs Il-Kummissjoni, F‑4/07, punti 50 u 70

8.      Ma huwiex ir-rwol tal-qorti tal-Unjoni li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-persuni responsabbli għall-evalwazzjoni b’dik tagħha. Fil-fatt, il-Bank Ewropew tal-Investiment, l-istess bħall-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-Unjoni, għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jevalwa l-ħidma tal-membri tal-persunal tiegħu. L-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-qorti tal-Unjoni fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li jkunu jinsabu f’rapport ta’ evalwazzjoni annwali ta’ membru tal-persunal tal-Bank ikopri biss l-eventwali irregolaritajiet formali, l-iżbalji ta’ fatt manifesti li jivvizzjaw dawn l-evalwazzjonijiet kif ukoll l-eventwali użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punt 108)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Voslamber vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 126