Language of document : ECLI:EU:F:2011:165

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

28 taʼ Settembru 2011

Kawża F‑12/11

André Hecq

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku — Mard ikkaġunat mix-xogħol — Invalidità — Talba għal bidu mill-ġdid tal-attività professjonali — Talba għad-danni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat, skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu A. Hecq jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni tal-15 ta’ April 2010 li tiċħad it-talba tar-rikorrent tal-15 ta’ Diċembru 2009 intiża, l-ewwel nett, sabiex ir-rikorrent jerġa’ jibda l-attivitajiet professjonali tiegħu u, it-tieni nett, għal ħlas ta’ somma ekwivalenti għad-differenza bejn minn naħa r-remunerazzjoni li huwa kien jirċievi li kieku huwa baqa’ attiv mill-1 ta’ Awwissu 2003 u min-naħa l-oħra il-pensjoni tal-invalidità li huwa rċieva minn din id-data, miżjuda bl-interessi moratorji, u t-tielet nett, għal ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 50 000.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Termini — Dekadenza — Bidu mill-ġdid — Kundizzjoni — Fatt ġdid u sostantiv

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1))

2.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Invalidità — Skemi distinti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 73 u 78; Leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji għal mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 25)

3.      Uffiċjali — Rikorsi — Rikors għad-danni — Motivi — Illegalità taʼ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li ma ġietx ikkontestata fit-termini — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Uffiċjal ma jistax, billi jadixxi lill-Awtorità tal-Ħatra b’talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, jerġa jagħti bidu, favurih, għal dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjoni li saret definittiva wara l-iskadenza tat-termini għal preżentata ta’ rikors.

Għalkemm huwa minnu li l-eżistenza taʼ fatti ġodda sostanzjali tistaʼ tiġġustifika l-preżentazzjoni taʼ talba intiża għall-eżami mill-ġdid taʼ tali deċiżjoni.

Madankollu, deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tirrifjuta li tagħraf lill-persuna kkonċernata rata ta’ invalidità abbażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, għalkemm bla ebda dubju tikkostitwixxi fatt ġdid, ma tistax tiġi kkaratterizzata bħala fatt sostanzjali fil-kuntest tal-proċedura mmexxija abbażi tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 41 sa 43)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 taʼ Settembru 1985, Valentini vs Il‑Kummissjoni, 231/84, punt 14

Il-Qorti tal-PrimʼIstanza: 22 taʼ Settembru 1994, Carrer et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑495/93, punt 20; 14 taʼ Lulju 1998, Lebedef vs Il-Kummissjoni, T‑42/97, punt 25

2.      L-Artikolu 25 tal-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji għal mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali jispeċifika li r-rikonoxximent ta’ invalidità permanenti totali jew parzjali, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni, bl-ebda mod ma tippreġudika l-applikazzjoni tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal u reċiprokament. L-Artikoli 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom għanijiet differenti u huma msejsa fuq kunċetti separati.

(ara l-punti 44 u 54)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 taʼ Settembru 2011, A vs Il‑Kummissjoni, F‑12/09, punti 146 sa 150, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Uffiċjal li naqas milli jikkontesta att li jikkawżalu preġudizzju billi jippreżenta, fil-ħin, rikors għal annullament, ma jistax jirrimedja din l-ommissjoni u, f’ċertu sens, jikseb termini għal preżentata ta’ rikors ġodda, permezz ta’ talba għad-danni.

Bl-istess mod, uffiċjal li ma kkontestax fil-ħin deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tikkawżalu preġudizzju ma jistax jinvoka l-allegata illegalità ta’ din id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ rikors għad-danni. Uffiċjal li jixtieq jibda azzjoni għad-danni abbażi tal-illegalitajiet li allegatament jivvizjaw att li jikkawża preġudizzju għandu jibda l-proċedura prekontenzjuża prevista mir-Regolamenti tal-Persunal fi żmien tliet xhur min-notifikazzjoni ta’ dan l-att, kemm f’dak li jirrigwarda d-danni materjali kif ukoll dawk morali.

(ara l-punti 50 u 51)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 taʼ Ottubru 1987, Schina vs Il-Kummissjoni, 401/85, punt 9

Il-Qorti tal-PrimʼIstanza: 24 taʼ Jannar 1991, Latham vs Il‑Kummissjoni, T‑27/90, punt 38; 27 taʼ Ġunju 1991, Valverde Mordt vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑156/89, punt 144; 13 taʼ Lulju 1993, Moat vs Il‑Kummissjoni, T‑20/92, punt 46; 28 taʼ Ġunju 2005, Ross vs Il-Kummissjoni, T‑147/04, punt 48

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 21 taʼ Frar 2008, Skoulidi vs Il-Kummissjoni, F‑4/07, punt 70