Language of document : ECLI:EU:F:2011:163

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

28 taʼ Settembru 2011

Kawża F‑26/10

AZ

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Promozzjoni — Proċedura taʼ promozzjoni 2009 — Kapaċità li wieħed jaħdem bi tliet lingwi — Eżistenza taʼ proċedura dixxiplinari — Esklużjoni mill-proċedura taʼ promozzjoniˮ

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a, li permezz tiegħu AZ jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li teskludih mill-proċedura taʼ promozzjoni 2009.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Deċiżjoni taʼ ċaħda — Sostituzzjoni tal-motivi tal-att ikkontestat

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Kundizzjonijiet — Dimostrazzjoni tal-kapaċità li wieħed jaħdem bi tliet lingwi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(2))

4.      Uffiċjali — Rikorsi — Rikors għad-danni — Motivi — Illegalità ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni mhux ikkontestata fit-termini — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Fis-sistema ta’ rimedji pprovduti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża stabbilita mill-imsemmija artikoli, l-amministrazzjoni jista’ jkollha tikkompleta jew tbiddel, waqt iċ-ċaħda ta’ ilment, il-motivi li fuqhom kienet adottat l-att ikkontestat.

(ara l-punt 38)

Referenza:

Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 9 taʼ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, punti 55 sa 60

2.      Il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ma jistax jiġi invokat kontra kwalunkwe att li jikkawża preġudizzju, jiġifieri, kwalunkwe att li jipproduċi effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw direttament u individwalment l-interessi ta’ uffiċjal billi jbiddlu, b’mod sinjifikanti, is-sitwazzjoni legali tiegħu. F’dan ir-rigward, jekk jiġi impost fuq l-amministrazzjoni l-obbligu li tisma’ lil kull membru tal-persunal qabel ma tadotta kwalunkwe att li jikkawżalu preġudizzju hija jkollha piż irraġonevoli.

Fil-fatt, il-fatt li deċiżjoni tikkostitwixxi, mill-perspettiva proċedurali, att li jikkawża preġudizzju, ma jippermettix li jiġi dedott awtomatikament, mingħajr ma titqies in-natura tal-proċedura mibdija kontra l-uffiċjal ikkonċernat, li l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-obbligu li tagħti smigħ xieraq lill-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni.

Għaldaqstant jidher li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ma jistax jiġi invokat b’suċċess ħlief sa fejn, minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata tkun adottata wara proċedura mibdija kontra l-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-gravità tal-konsegwenzi li din id-deċiżjoni jista’ jkollha fuq is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna timmaterjalizza.

(ara l-punti 49 sa 51)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 29 taʼ April 2004, Il-Parlament vs Reynolds, C‑111/02 P, punt 57

3.      Il-kundizzjoni dwar id-dimostrazzjoni tal-kapaċità li ħaddiem jaħdem bi tliet lingwi hija kundizzjoni oġġettiva li l-uffiċjal għandu neċessarjament jissodisfa biex ikun promoss. Konsegwentement, il-fatt li huwa ma kienx fil-pożizzjoni, kontra r-rieda tiegħu, li jagħmel it-test tal-lingwa, ma jistax iwassal, fih innifsu, għall-konsegwenza li l-kundizzjoni dwar id-dimostrazzjoni tal-kapaċità li ħaddiem jaħdem bi tliet lingwi ma tapplikax għalih.

(ara l-punt 68)

4.      Uffiċjal li jkun naqas milli jippreżenta, fit-termini stabbiliti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors għal annullament kontra att li allegatament jikkawżalu preġudizzju ma jistax, permezz taʼ talba għall-kumpens tad-dannu kkawżat minn dan l-att, jirrimedja din l-ommissjoni u għaldaqstant jikseb termini ġodda għall-preżentata taʼ rikors.

(ara l-punt 85)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 taʼ Frar 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑547/93, punt 174