Language of document : ECLI:EU:F:2011:119

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

14 ta’ Lulju 2011

Kawża F-98/07

Nicole Petrilli

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt — Kuntratt għal żmien determinat — Regoli dwar it-tul massimu ta’ reklutaġġ tal-persunal mhux permanenti fid-dipartimenti tal-Kummissjoni — Deċiżjoni li tirrifjuta t-tiġdid tal-kuntratt — Illegalità — Portata tal-kumpens għad-dannu — Evalwazzjoni ex æquo et bono”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu N. Petrilli titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Lulju 2007, li tiċħad it-talba tagħha għall-estensjoni tal-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt, kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni għad-danni.

Deċiżjoni:      Il-kumpens pekunjarju dovut mill-Kummissjoni lir-rikorrenti skont is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrilli vs Il‑Kummissjoni (F‑98/07), huwa ffissat għal EUR 12 097.43, flimkien mal-interessi b’rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ finanzjament mill-ġdid u applikabbli matul il-perijodu rilevanti, miżjuda b’żewġ punti. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha relatati mal-fażi tal-proċedura preċedenti għall-qari tas-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll l-ispejjeż tagħha stess u nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti relatati mal-fażi sussegwenti tal-proċedura. Ir-rikorrenti għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha relatati mal-fażi sussegwenti għas-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, iċċitata iktar ’il fuq.

Sommarju

Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni — Annullament tal-att illegali kkontestat — Kumpens adegwat għad-dannu morali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

L-annullament ta’ att ivvizzjat minn illegalità jista’ fih innifsu jikkostitwixxi kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kwalunkwe dannu morali li dan l-att setgħa kkawża, sakemm ir-rikorrenti ma tipprovax li ġarrbet dannu morali li huwa separabbli mill-illegalità li hija l-bażi tal-annullament u li ma jistax kompletament jiġi kkumpensat permezz ta’ dan l-annullament.

(ara l-punt 28)


Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizza: 9 ta’ Lulju 1987, Hochbaum u Rawes vs Il‑Kummissjoni, 44/85, 77/85, 294/85 u 295/85, punt 22; 7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, punti 27 u 28

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il‑Kunsill, T‑116/03, punt 127; 6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, punt 131

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 9 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Strack, T‑526/08 P, punt 58

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Mejju 2008, Suvikas vs Il‑Kunsill, F‑6/07, punt 151