Language of document : ECLI:EU:F:2011:180

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

10 ta’ Novembru 2011

Kawża F‑18/09

Mohamed Merhzaoui

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Klassifikazzjoni fi grad — Membri tal-persunal lokali maħtura uffiċjali — Artikolu 10 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Artikolu 3 tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Proċedura ta’ promozzjoni 2008 — Eżami komparattiv tal-merti bejn uffiċjali li jaqgħu taħt l-iżvilupp ta’ karriera AST — Proċedura bbażata fuq ir-rapporti ta’ evalwazzjoni 2005/2006 — Kriterju tal-livell ta’ responsabbiltajiet eżerċitati”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikoli 236 KE u 152 EA, li permezz tiegħu M. Merhzaoui essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jassejnah għall-iżvilupp ta’ karriera fil-grupp ta’ funzjonijiet ta’ assistenti ASTI 1 sa AST 7 u li ma jagħtihx promozzjoni għall-grad AST 2 abbażi tal-proċedura ta’ promozzjoni 2008.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Kunsill.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra — Membri tal-persunal lokali — Applikabbiltà tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 10(3); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Anness, Artikolu 1(1); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

2.      Proċedura — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Kundizzjonijiet — Element ġdid — Kunċett

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 43(1))

3.      Uffiċjali — Rikors — Motivi — Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Konstatazzjoni ex officio

4.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni — Livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

5.      Uffiċjali — Atti tal-amministrazzjoni — Preżunzjoni ta’ validità — Kontestazzjoni — Oneru tal-prova

6.      Uffiċjali — Rikors — Interess ġuridiku — Neċessità ta’ dannu personali

7.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

8.      Uffiċjali — Promozzjoni — Ilment minn kandidat li ma ġiex promoss — Deċiżjoni ta’ ċaħda — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25 u 45)

1.      L-Artikolu 10(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu japplika għall-membri tal-persunal lokali, għaliex skont l-Artikolu 1(1) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma applikabbli b’analoġija għall-membri l-oħra fis-servizz fit-30 ta’ April 2004, inkluż għalhekk il-membri tal-persunal lokali.

(ara l-punt 35)

2.      L-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jipprojbixxi t-tressiq ta’ motivi ġodda wara l-ewwel skambju ta’ noti, sakemm dawn ma jkunux ibbażati fuq provi li rriżultaw matul il-proċedura. F’dan ir-rigward, sentenza tal-qorti tal-Unjoni li kienet għadha ma ngħatatx meta r-rikorrent ppreżenta r-rikors tiegħu, iżda li sempliċement tirrileva sitwazzjoni legali preeżistenti, ma tistax titqies bħala prova ġdida.

(ara l-punt 36)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza; 20 ta’ Mejju 2003, Diehl-Leistner vs Il-Kummissjoni, T‑80/01, punt 38

3.      Nuqqas ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi eżaminat ex officio mill-qorti tal-Unjoni. Għalhekk, ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma jistax jitqies bħala inammissibbli minħabba li jkun ġie żviluppat b’mod insuffiċjenti fir-rikors.

(ara l-punt 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C‑166/95 P, punt 24

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 3 ta’ Ottubru 2006, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑171/05, punt 31

4.      L-espressjoni “fejn ikun il-każ”, li tinsab fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, tfisser li, sa fejn, bħala regola ġenerali, il-membri tal-persunal tal-istess grad huma meqjusa li jokkupaw funzjonijiet ta’ responsabbiltajiet ekwivalenti, meta dan ma jkunx il-każ, dan il-fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ promozzjoni u li, konsegwentement, l-amministrazzjoni għandha, meta hija tipproċedi għall-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, tieħu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ responsabbiltajiet eżerċitati minn uffiċjal li jista’ jiġi promoss meta dawn jeċċedu l-livell ta’ responsabbiltajiet normalment mogħtija lil uffiċċjal fil-grad tiegħu.

(ara l-punt 59)

5.      Minn naħa, att amministrattiv igawdi minn preżunzjoni ta’ legalità u, min-naħa l-oħra, l-oneru tal-prova jinkombi, bħala regola ġenerali, fuq dak li jallega, b’mod li huwa r-rikorrent li għandu jipprovdi tal-inqas indizji suffiċjentement preċiżi, oġġettivi u konkordanti ta’ natura li jsostnu l-verità jew il-plawżibbiltà tal-fatti insostenn tal-pretensjoni tiegħu. Konsegwentement, uffiċjal li la għandu prova u lanqas, tal-inqas, sensiela ta’ indizji għandu jaċċetta l-preżunzjoni ta’ legalità marbuta mad-deċiżjonijiet adottati fil-qasam tal-promozzjoni u ma jistax jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biex jieħu huwa stess għarfien tar-rapporti kollha ta’ evalwazzjoni tal-kandidati l-oħra għal promozzjoni u biex jipproċedi b’eżami tal-livelli ta’ responsabbiltajiet eżerċitati mill-kandidati għal promozzjoni sabiex jiddetermina jekk l-Awtorità tal-Ħatra wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li ma tagħtihx promozzjoni.

(ara l-punt 61)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 4 ta’ Frar 2010, Wiame vs Il-Kummissjoni, F‑15/08, punt 21

6.      Fil-każ li uffiċjal ma huwiex awtorizzat li jaġixxi fl-interess tal-liġi jew tal-istituzzjonijiet u jista’ biss isostni, insostenn tar-rikors għal annullament, danni li huma personali għalih, huwa biżżejjed li l-illegalità allegata jkun kellha konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu sabiex id-dannu li huwa sofra jitqies bħala dannu personali.

(ara l-punt 63)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 ta’ Jannar 2007, Chassagne vs Il-Kummissjoni, F‑43/05, punt 100

7.      Għalkemm ir-rapport ta’ evalwazzjoni jikkostitwixxi element indispensabbli ta’ evalwazzjoni kull darba li l-karriera ta’ uffiċjal titqies sabiex tiġi adottata deċiżjoni dwar il-promozzjoni tiegħu, l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi li jsir rapport ta’ evalwazzjoni biss kull sentejn. Peress li ma jipprovdux li l-proċedura ta’ promozzjoni għandha jkollha l-istess perjodiċità bħall-proċedura ta’ evalwazzjoni, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jeskludux li l-promozzjoni tista’ tiġi deċiża mingħajr mal-Awtorità tal-Ħatra jkollha rapport ta’ evalwazzjoni reċenti.

Issa, fid-dawl tal-fatt li la r-Regolamenti tal-Persunal u lanqas ir-regoli interni ta’ istituzzjoni ma jimponu sinkronizzazzjoni bejn il-proċeduri ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni u li l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex torganizza l-proċedura ta’ promozzjoni, anki jekk huwa mixtieq li l-amministrazzjoni timpenja ruħha biex tiddisponi minn rapporti ta’ evalwazzjoni li jkunu l-iktar reċenti biex tiddeċiedi l-promozzjonijiet, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, b’mod eċċezzjonali, tal-imsemmija rapporti ma tikkostitwixxix illegalità, partikolarment meta l-uffiċjali kollha li jistgħu jiġu promossi jkunu ġew ittrattati b’mod identiku.

Dan jgħodd b’mod partikolari meta din l-assenza ta’ rapport ta’ evalwazzjoni hija riżultat tal-ġestjoni normali tal-proċedura ta’ evalwazzjoni. Għalhekk, peress li l-ħatra ta’ uffiċjal tista’ sseħħ, skont il-ħtiġijiet tad-dipartiment, irrispettivament mid-data tal-bidu tal-perijodu ta’ evalwazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ evalwazzjoni, huwa inevitabbli li l-uffiċjali maħtura reċentement jiġu evalwati fuq perijodu iqsar minn dak użat għall-evalwazzjoni tal-kollegi tagħhom.

(ara l-punti 64 sa 67)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Diċembru 1992, Moritz vs Il-Kummissjoni, C‑68/91, punt 16

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Novembru 2001, Sebastiani vs Il-Kummissjoni, T‑194/99, punti 45, 46 u 49

8.      Għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata li ssemmi fid-deċiżjonijiet ta’ nuqqas ta’ promozzjoni l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha, hija, min-naħa l-oħra, għandha tipprovdi din il-motivazzjoni fl-istadju ta’ ċaħda tal-ilment ta’ kandidat mhux promoss.

Fil-fatt, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi konkreti, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarju jista’ jkollu li jirċievi spjegazzjonijiet. Għalhekk, fir-rigward tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni adottata fil-kuntest ta’ proċedura li taffettwa numru kbir ta’ individwi, bħal proċedura ta’ promozzjoni, ma jistax jiġi impost fuq l-Awtorità tal-Ħatra li timmotiva d-deċiżjoni tagħha meta tiċħad l-ilment lil hinn mill-oġġezzjonijiet invokati fl-imsemmi lment, billi tispjega b’mod partikolari r-raġunijiet għaliex kull wieħed mill-uffiċjali li ġew promossi kellhom merti superjuri għal dawk tal-awtur tal-ilment.

(ara l-punti 71 u 75)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Jannar 1995, Pierrat vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑60/94, punti 31 u 32; 11 ta’ Ġunju 1996, Anacoreta Correia vs Il-Kummissjoni, T‑118/95, punt 82; 27 ta’ April 1999, Thinus vs Il-Kummissjoni, T‑283/97, punt 73; 25 ta’ Ottubru 2005, Salazar Brier vs Il-Kummissjoni, T‑83/03, punt 78; 23 ta’ Novembru2006, Lavagnoli vs Il-Kummissjoni, T‑422/04, punt 69

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Ottubru 2008, Barbin vs Il-Parlament, F‑81/07, punt 27