Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 taʼ Ġunju 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberlandesgericht Düsseldorf – il-Ġermanja) – Piepenbrock Dienstleistungen GmbH & Co KG vs Kreis Düren

(Kawża C-386/11) 1

“Kuntratti pubbliċi - Direttiva 2004/18/KE - Kunċett ta’ ʻkuntratt pubblikuʼ - Artikolu 1(2)(a) - Kuntratt konkluż bejn żewġ awtoritajiet lokali - Trasferiment minn entità waħda, tar-responsabbiltà għat-tindif taʼ xi bini tagħha, lill-entità l-oħra, inkambju għal kumpens finanzjarju”

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Düsseldorf

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Piepenbrock Dienstleistungen GmbH & Co KG

Konvenut: Kreis Düren

fil-preżenza ta’: Stadt Düren

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Oberlandesgericht Düsseldorf - Interpretazzjoni tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 taʼ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni taʼ proċeduri għall-għoti taʼ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132) - Ftehim li permezz tiegħu awtorità lokali tittrasferixxi, inkambju għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti, il-ġestjoni tat-tindif taʼ bini pubbliku proprjetà tagħha, lill-awtorità lokali li fit-territorju tagħha jinsab il-bini kkonċernat - Klassifikazzjoni taʼ dan il-ftehim bħala kuntratt pubbliku taʼ servizzi jew taʼ kooperazzjoni bejn komuni, li ma huwiex suġġett għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil qasam tal-kuntratti pubbliċi

Dispożittiv

Kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu, mingħajr ma tiġi stabbilita kooperazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi kontraenti bl-iskop li titwettaq funzjoni taʼ servizz pubbliku komuni, entità pubblika tinkariga lil entità pubblika oħra bil-funzjoni li tnaddaf xi bini użat bħala uffiċċji, bini amministrattiv u skejjel, filwaqt li tirriżerva s-setgħa li tivverifika t-twettiq tajjeb taʼ din il-funzjoni, inkambju għal kumpens finanzjarju li jitqies li jikkorrispondi għall-ispejjeż inkorsi għat-twettiq tal-imsemmija funzjoni, bl-awtorizzazzjoni, barra minn hekk, lit-tieni entità li tirrikorri għal terzi li possibbilment ikollhom il-kapaċità li jaġixxu fis-suq għat-twettiq taʼ din il-funzjoni, jikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 taʼ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni taʼ proċeduri għall-għoti taʼ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi].

____________

1 ĠU C 311, 22.10.2011.