Language of document : ECLI:EU:C:2013:521

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Lulju 2013 (*)

“Trasferiment ta’ impriżi — Direttiva 2001/23/KE — Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema — Ftehim kollettiv applikabbli għaċ-ċedent u għall-impjegat fil-mument tat-trasferiment”

Fil-Kawża C‑426/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Awwissu 2011, fil-proċedura

Mark Alemo-Herron et

vs

Parkwood Leisure Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, G. Arestis, J. Malenovský (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Settembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Alemo-Herron et, minn T. Linden, barrister, u L. Prince, avukat,

–        għal Parkwood Leisure Ltd, minn A. Lynch, QC,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Rozet u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Alemo-Herron et u Parkwood Leisure Ltd (iktar ’il quddiem “Parkwood”) dwar l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 2001/23 tikkostitwixxi l-kodifikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 61, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU L 201, p. 88, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 77/187”).

4        L-Artikolu 3(1) sa (3) tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi:

“1.      Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, wara d-data tat-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment u min lilu jsir it-trasferiment għandhom ikunu impenjati konġuntement u separatament għar-rigward ta’ obbliġi li kienu kkawżati qabel id-data ta’ trasferiment minn kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment.

2.      L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri approprjati biex jiżguraw li min jagħmel it-trasferiment jinnotifika lil min lilu jsir it-trasferiment bid-drittijiet u l-obbliġi kollha li jkunu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment skont dan l-Artikolu, sa fejn dawk id-drittijiet u l-obbligi huma jew għandhom ikunu magħrufa minn min jagħmel it-trasferiment fil-ħin tat-trasferiment. Nuqqas minn min jagħmel it-trasferiment li jinnotifika lil min lilu jsir it-trasferiment b’xi dritt jew obbligazzjoni ta’ din ix-xorta m’għandux jaffettwa t-trasferiment ta’ dak id-dritt jew obbligazzjoni u d-drittijiet ta’ xi impjegati kontra min lilu jsir it-trasferiment u/jew min jagħmel it-trasferiment għar-rigward ta’ dak id-dritt jew l-obbligu.

3.      Wara t-trasferiment, min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma f’kull ftehim kollettiv skond l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment taħt dak il-ftehim, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perjodu għall-osservazzjoni ta’ dawn it-termini u kundizzjonijiet bil-kundizzjoni li dan ma jkunx anqas minn sena wahda.”

5        Skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-impjegati jew li jippromwovu jew jippermettu ftehim kollettiv jew ftehim bejn imsieħba soċjali aktar favorevoli għall-impjegati.”

 Id-dritt tar-Renju Unit

6        Id-Direttiva 77/187 ġiet trasposta mir-Renju Unit permezz tar-Regolament dwar it-trasferiment ta’ impriżi (protezzjoni tal-impjiegi) tal-1981 [Transfer of Undertakings (Protection of Employment) Regulations 1981, iktar ’il quddiem it-“TUPE”].

7        L-Artikolu 5(2)(a) tat-TUPE, li jittrasponi l-kontenut tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/23, jipprovdi:

“Id-drittijiet, setgħat u obbligi kollha ta’ min jagħmel it-trasferiment derivati minn jew marbuta mal-kuntratt jiġu ttrasferiti skont dan ir-regolament lill-persuna li lilha jsir it-trasferiment.”

8        Skont id-dritt nazzjonali, il-partijiet għandhom il-possibbiltà li jdaħħlu klawżola fil-kuntratt tagħhom li tipprovdi li r-remunerazzjoni tal-impjegat tiġi ddeterminata perjodikament minn terz bħalma huwa n-National Joint Council for Local Government Services (iktar ’il quddiem in-“NJC”), li fih il-persuna li timpjega ma hijiex membru jew ma hijiex irrappreżentata. Taħt is-sistema li tirregola r-relazzjonijiet bejn imsieħba soċjali fir-Renju Unit, dan it-tip ta’ ftehim kollettiv huwa preżunt li ma jorbotx lill-partijiet, sakemm il-partijiet ma jistipulawx mod ieħor. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim kollettiv jista’ jkollhom effett bħala kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol individwali konkluż bejn il-persuna li timpjega u l-impjegat. Dan jista’ jsir, bħal f’dan il-każ, permezz tal-inklużjoni ta’ klawżola fil-kuntratt li tipprovdi li l-impjegat għandu d-dritt jibbenefika mill-kundizzjonijiet miftiehma bejn il-persuna li timpjega u sindakat jew innegozjati minn kwalunkwe organu ieħor, bħalma huwa l-NJC. Malli dawn il-kundizzjonijiet jiddaħħlu fil-kuntratt, huma jkollhom effett bħala kundizzjonijiet kuntrattwali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Fl-2002, wieħed mill-kunsilli muniċipali ta’ Londra, il-Lewisham London Borough Council (iktar ’il quddiem “Lewisham”) ittrasferixxa n-negozju ta’ “divertiment” tiegħu lil CCL Limited (iktar ’il quddiem “CCL”), impriża tas-settur privat, u l-impjegati li kienu jaħdmu f’dak id-dipartiment saru membri tal-persunal tagħha. F’Mejju 2004, CCL ittrasferixxiet l-imsemmi negozju lil Parkwood, impriża li wkoll tagħmel parti mis-settur privat.

10      Fiż-żmien meta n-negozju ta’ “divertiment” kien jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Lewisham, il-kuntratti ta’ xogħol bejnu u l-impjegati f’dak id-dipartiment kienu jibbenefikaw minn kundizzjonijiet tax-xogħol innegozjati fi ħdan in-NJC, li huwa organu ta’ nnegozjar kollettiv fis-settur pubbliku lokali. L-issuġġettar għall-ftehimiet innegozjati fi ħdan in-NJC ma kienx jirriżulta mil-liġi, iżda minn klawżola kuntrattwali prevista fil-kuntratt ta’ xogħol li kienet tistipula li:

“Matul ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħek [ma’ Lewisham], it-termini u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħek ser jiġu rregolati skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kollettivi nnegozjati perjodikament min-[NJC], flimkien mal-ftehimiet adottati fuq livell lokali permezz tal-kumitati ta’ nnegozjar muniċipali.”

11      Fil-mument tat-trasferiment tan-negozju ta’ “divertiment” lil CCL, kien japplika l-ftehim konkluż min-NJC għall-perijodu mill-1 ta’ April 2002 sal-31 ta’ Marzu 2004. F’Mejju 2004 sar t-trasferiment lil Parkwood tal-impriża li kienet topera dan in-negozju.

12      Parkwood ma tipparteċipax fin-NJC, u lanqas ma tista’ tagħmel dan fi kwalunkwe każ, peress li hija impriża privata li ma tagħmilx parti mill-amministrazzjoni pubblika.

13      In-NJC ikkonkluda ftehim ġdid f’Ġunju 2004, li d-dħul fis-seħħ tiegħu kien retroattiv mill-1 ta’ April 2004, b’effett sal-31 ta’ Marzu 2007. Il-ftehim seħħ, għaldaqstant, sussegwentement għat-trasferiment tal-impriża lil Parkwood. Għaldaqstant, Parkwood waslet għall-konklużjoni li l-ftehim il-ġdid ma kienx jorbotha u nnotifikat b’dan lill-impjegati, filwaqt li ċaħditilhom iż-żieda fis-salarji miftiehma fi ħdan in-NJC għall-perijodu bejn April 2004 u Marzu 2007.

14      In-nuqqas ta’ Parkwood li tosserva t-termini miftiehma fi ħdan in-NJC wassal għat-tressiq ta’ kawża mill-impjegati quddiem l-Employment Tribunal, li ġiet miċħuda fl-2008. Huma appellaw minn din is-sentenza quddiem l-Employment Appeal Tribunal, li laqa’ l-appell tagħhom fit-12 ta’ Jannar 2009. Parkwood appellat mid-deċiżjoni ta’ din l-aħħar qorti quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division).

15      Fid-29 ta’ Jannar 2010, l-imsemmija qorti laqgħet l-appell ippreżentat minn Parkwood u stabbiliet mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Employment Tribunal li kienet ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) ikkunsidrat li l-konsegwenza tas-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Werhof (C‑499/04, Ġabra p. I‑2397), kienet li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187 ma kienx jorbot liċ-ċessjonarju bi kwalunkwe ftehim kollettiv konkluż wara t-trasferiment tal-impriża.

16      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell mid-deċiżjoni tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom, li ddeċidiet li tagħmel ċerti domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni u l-effett tad-Direttiva 2001/23. Il-qorti tar-rinviju fil-fatt tikkunsidra li l-kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirriżolvi fis-sentenza Werhof, iċċitata iktar ’il fuq, ma kinitx identika għal dik għandha tiġi riżolta fil-kawża prinċipali.

17      F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Werhof, iċċitata iktar ’il fuq, tadotta kunċett “statiku” tal-protezzjoni li għandha tingħata lill-impjegati wara trasferiment ta’ impriża jew negozju. Din il-leġiżlazzjoni tipprovdi li r-regoli li jirriżultaw minn ftehimiet kollettivi jagħmlu parti mill-kuntratt ta’ xogħol biss bil-kontenut li huma kellhom fil-mument meta l-impriża jew in-negozju jkunu ġew ittrasferiti, u li huma ma jiġux aġġornati wara t-trasferiment.

18      Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni mqajma fil-kawża prinċipali tikkonsisti fid-determinazzjoni jekk Stat Membru jistax ikun ipprojbit milli jagħti lill-impjegati protezzjoni “dinamika”, skont id-dritt kuntrattwali nazzjonali, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża jew negozju, jiġifieri protezzjoni li bis-saħħa tagħha jkunu jistgħu jiġu infurzati kontra ċ-ċessjonarju l-ftehimiet kollettivi li jkunu fis-seħħ mhux biss fil-mument tat-trasferiment inkwistjoni, iżda wkoll wara l-imsemmi trasferiment.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Meta, bħal fil-kawża preżenti, impjegat għandu dritt kuntrattwali, infurzabbli kontra ċ-ċedent, sabiex jibbenefika minn kundizzjonijiet li huma nnegozzjati u miftehma perijodikament minn korp terz ta’ negozjar kollettiv u dan id-dritt huwa rrikonoxxut taħt id-dritt nazzjonali bħala ta’ natura pjuttost dinamika iktar milli statika, bejn l-impjegat u l-persuna li tħaddem li hija ċ-ċedent, l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill [2001/23], moqri fid-dawl tas-sentenza Werhof tal-Qorti tal-Ġustizzja [iċċitata iktar ’il fuq]:

a)      jirrikjedi li tali dritt ikun protett u infurzabbli kontra ċ-ċessjonarju f’każ ta’ trasferiment li għalih tapplika [din i]d-direttiva; jew

jew

b)      jawtorizza lill-qrati nazzjonali sabiex jiddeċiedu li tali drittijiet huma protetti u infurzabbli kontra ċ-ċessjonarju f’każ ta’ trasferiment li għalih tapplika [l-imsemmija] direttiva;

jew

ċ)      jipprojbixxi lill-qrati nazzjonali milli jiddeċiedu li tali drittijiet huma protetti u infurzabbli kontra ċ-ċessjonarju f’każ ta’ trasferiment li għalih tapplika [din l-istess] direttiva?

2)      Meta Stat membru wettaq l-obbligu tiegħu li jittrasponi, fid-dritt nazzjonali teigħu, r-rekwiżiti minimi msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23, iżda jqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri ta’ traspożizzjoni għandhomx jinftiehmu bħala jmorru lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti favur l-impjegati protetti, billi jingħataw drittijiet kuntrattwali ta’ natura dinamika kontra ċ-ċessjonarju, jista’ jitqies li l-qrati tal-Istati Membri huma liberi li japplikaw id-dritt nazzjonali għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-regoli li jiżguraw it-traspożizzjoni mingħajr, ovvjament, ma tali interpretazzjoni tmur kontra d-dritt Komunitarju, jew għandu jiġi adottat approċċ ieħor rigward l-interpretazzjoni, u fil-każ ta’ risposta pożittiva, liema approċċ?

3)      F’dan il-każ, peress li ma huwiex allegat, mill-persuna li tħaddem, li jekk jiġi rikonoxxut lill-impjegati dritt ta’ natura dinamika abbażi tad-dritt nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet miftehma mill-ftehim kollettivi jirriżulta fi ksur tad-drittijiet ta’din il-persuna li taddem fir-rigward tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950], il-qorti nazzjonali hija libera li tapplika l-interpretazzjoni tat-TUPE invokata mill-impjegati?”

 Fuq id-domandi preliminari

20      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jipprovdi, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehimiet kollettivi nnegozjati u adottati wara d-data tat-trasferiment huma infurzabbli kontra ċ-ċessjonarju.

21      Qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li s-sentenza Werhof, iċċitata iktar ’il fuq, li tirrigwarda l-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/187, tinkludi diversi punti rilevanti għall-kawża prinċipali. Huwa minnu li din tal-aħħar tikkonċerna d-Direttiva 2001/23, iżda l-imsemmija punti huma kompletament applikabbli għaliha, billi din id-direttiva tikkodifika d-Direttiva 77/187 u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 3 ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ direttivi huma fformulati b’mod identiku.

22      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-punt 37 tas-sentenza Werhof, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, fejn kuntratt ta’ xogħol jirreferi għal ftehim kollettiv li jorbot liċ-ċedent, iċ-ċessjonarju, li ma huwiex parti f’tali ftehim, ma jkunx marbut minn ftehimiet kollettivi konklużi wara dak li kien fis-seħħ meta sar it-trasferiment tal-impriża.

23      Barra minn hekk, mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/23 jirriżulta li din id-direttiva ma għandhiex taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għall-impjegati jew li jippromwovu jew jippermettu ftehimiet kollettivi jew ftehimiet bejn imsieħba soċjali iktar favorevoli għall-impjegati.

24      F’dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, huwa paċifiku, kif jirriżulta mill-formulazzjoni nfisha tat-tieni domanda magħmula, li l-klawżoli li jirreferu għall-ftehimiet kollettivi nnegozjati u adottati wara d-data tat-trasferiment tal-impriża kkonċernata, li jagħtu drittijiet kuntrattwali ta’ natura dinamika, huma iktar favorevoli għall-impjegati.

25      Madankollu, id-Direttiva 77/187 ma tfittix biss li tissalvagwarda l-interessi tal-impjegati meta tiġi ttrasferita impriża, iżda tfittex ukoll li tiżgura bilanċ ġust bejn l-interessi tal-impjegati, minn naħa, u dawk taċ-ċessjonarju, min-naħa l-oħra. B’mod iktar partikolari, hija tispeċifika li ċ-ċessjonarju għandu jkun f’pożizzjoni li jagħmel l-aġġustament u t-tibdiliet meħtieġa għat-tkomplija tal-attività tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Werhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-trasferiment tal-impriża inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħ bejn, minn naħa, persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku u, min-naħa l-oħra, persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat.

27      Sa fejn il-kwistjoni tirrigwarda trasferiment ta’ impriża mis-settur pubbliku lis-settur privat, għandu jiġi kkunsidrat li t-tkomplija tal-attività taċ-ċessjonarju ser teħtieġ aġġustamenti u tibdiliet sinjifikattivi, fid-dawl tad-differenzi inevitabbli li jeżistu, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, bejn dawn iż-żewġ setturi.

28      Issa klawżola dinamika li tirreferi għal ftehimiet kollettivi nnegozjati u adottati wara d-data tat-trasferiment tal-impriża kkonċernata, li huma intiżi sabiex jirregolaw l-iżviluppi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur pubbliku, tista’ tillimita b’mod kunsiderevoli l-marġni ta’ manuvra meħtieġ sabiex jittieħdu l-imsemmija miżuri ta’ aġġustament u ta’ tibdil minn ċessjonarju privat.

29      F’sitwazzjoni bħal din, tali klawżola tista’ tippreġudika l-bilanċ ġust bejn l-interessi taċ-ċessjonarju bħala persuna li timpjega, minn naħa, u dawk tal-impjegati, min-naħa l-oħra.

30      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/23 għandhom jiġu interpretati b’rispett għad-drittijiet fundamentali kif stabbiliti bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI, C‑179/11, punt 42).

31      F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-qorti tar-rinviju tispeċifika li d-dritt li wieħed ma jassoċjax ruħu ma huwiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23 għandha, f’kull każ, tkun konformi mal-Artikolu 16 tal-Karta, li jistabbilixxi l-libertà tal-intrapriża.

32      Dan id-dritt jinkludi, b’mod partikolari, il-libertà kuntrattwali, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet imħejjija bil-għan li jiggwidaw l-interpretazzjoni tal-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17) u li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, punt 42).

33      Fid-dawl tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23, jirriżulta li, bis-saħħa tal-libertà tal-intrapriża, iċ-ċessjonarju għandu jkollu l-possibbiltà li jasserixxi l-interessi tiegħu b’mod effikaċi fi proċess kuntrattwali li jipparteċipa fih u li jinnegozja l-elementi li jiddeterminaw l-iżviluppi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati tiegħu fid-dawl tal-attività ekonomika futura tiegħu.

34      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċessjonarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandu ebda possibbiltà li jipparteċipa fl-organu ta’ nnegozjar kollettiv inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan iċ-ċessjonarju la għandu l-possibbiltà li jasserixxi l-interessi tiegħu b’mod effikaċi fi proċess kuntrattwali u lanqas li jinnegozja l-elementi li jiddeterminaw l-iżviluppi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati tiegħu fid-dawl tal-attività ekonomika futura tiegħu.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-libertà kuntrattwali tal-imsemmi ċessjonarju hija serjament imnaqqsa sal-punt li tali limitazzjoni tista’ tippreġudika s-sustanza nfisha tad-dritt tiegħu għal-libertà tal-intrapriża.

36      Issa l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23, moqri flimkien mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri li, filwaqt li huma iktar favorevoli għall-impjegati, jistgħu jippreġudikaw is-sustanza nfisha tad-dritt taċ-ċessjonarju għal-libertà tal-intrapriża (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor, C‑544/10, punti 54 u 58).

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tliet domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jipprovdi, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża, li l-klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehimiet kollettivi nnegozjati u adottati wara d-data tat-trasferiment huma infurzabbli kontra ċ-ċessjonarju, meta dan tal-aħħar ma jkollux il-possibbiltà li jipparteċipa fil-proċess ta’ nnegozjar ta’ tali ftehimiet kollettivi konklużi wara t-trasferiment.

 Fuq l-ispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jipprovdi, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża, li l-klawżoli dinamiċi li jirreferu għall-ftehimiet kollettivi nnegozjati u adottati wara d-data tat-trasferiment huma infurzabbli kontra ċ-ċessjonarju, meta dan tal-aħħar ma jkollux il-possibbiltà li jipparteċipa fil-proċess ta’ nnegozjar ta’ tali ftehimiet kollettivi konklużi wara t-trasferiment.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.