Language of document : ECLI:EU:C:2013:545

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Settembru 2013 (*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 1(1) — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ — Azzjoni mibdija minn awtorità pubblika — Kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-parteċipazzjoni f’evażjoni fiskali minn terz li ma huwiex suġġett għall-VAT”

Fil-Kawża C‑49/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Jannar 2012, fil-proċedura

The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

vs

Sunico ApS,

M & B Holding ApS,

Sunil Kumar Harwani,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur) u C.G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Frar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Sunico ApS, M & B Holding ApS u Sunil Kumar Harwani, minn O. Spiermann, avukat,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie u S. Ossowski kif ukoll minn S. Lee, bħala aġenti, assistiti minn A. Henshaw, barrister,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn D. Klingele, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u C. Barslev, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (awtorità fiskali u doganali tar-Renju Unit tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) u Sunico ApS, M & B Holding ApS kif ukoll S. K. Harwani (iktar ’il quddiem, flimkien, “Sunico”), u li għandha bħala suġġett proċedura dwar il-validità ta’ talba għal miżuri kawtelatorji, ipprattikata fuq talba tal-Commissioners, fuq l-assi ta’ Sunico, li jinsabu fit-territorju Daniż.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 44/2001

3        Il-premessi 6 u 7 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:

“(6)      Sabiex jintlaħaq l-obbjettiv ta’ moviment liberu ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-Rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkun regolat minn strument legali tal-Komunità li jkun jorbot u direttament applikabbli.”

(7)      L-iskop ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri il-materji prinċipali ċivili u kummerċjali apparti minn ċerti materji li jkunu ġew definiti.”

4        L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu bil-mod kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.”

 Il-ftehim KE-Danimarka

5        Il-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’ materji ċivili u kummerċjali ffirmat fi Brussell fid-19 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 173M, p. 128, iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE-Danimarka”), approvat, f’isem l-Unjoni Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/325/KE, tas-27 ta’ April 2006, (ĠU L 294M, p. 8), għandu bħala għan li japplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tad-Danimarka. Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2007, b’mod konformi mal-Artikolu 12(2) tal-Ftehim KE-Danimarka (ĠU 2008, L 4M, p. 324).

6        Il-preambolu ta’ dan il-ftehim jaqra kif ġej:

“[…]

Wara li kkunsidraw li l-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] għandu jkollha ġurisdizzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari fuq mistoqsijiet dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim imqajma minn qorti jew tribunal Daniż/a, u li għaldaqstant il-qrati jew it-tribunali Daniżi għandhom jitolbu li jingħataw deċiżjonijiet preliminari taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-qrati u t-tribunali ta’ Stati Membri oħra rigward l-interpretazzjoni tar-Regolament [Nru 44/2001] u l-miżuri tat-twettiq tiegħu,

[…]”

7        Skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi ftehim, intitolat “Il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali”:

“Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 44/2001], li huwa mehmuż ma’ dan il-Ftehim u jifforma parti minnu, flimkien mal-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu li ġew adottati skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament u - fil-każ ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni adottati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim - implimentati mir-[Renju tad-Danimarka] kif jissemma’ fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim, u l-miżuri adottati skond l-Artikolu 74(1) ta’ dan ir-Regolament, taħt il-liġi internazzjonali japplikaw għar-relazzjonijiet bejn [l-Unjoni] u r-[Renju tad-Danimarka].”

8        Taħt it-titolu “Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] rigward l-interpretazzjoni tal-Ftehim”, l-Artikolu 6(1) u (6) tal-istess ftehim jipprovdi:

“1.      Fejn titqajjem mistoqsija dwar il-validità jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim waqt kawża pendenti quddiem qorti jew tribunal Daniż/a, il-qorti jew tribunal ikkonċernat/a jitlob/titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni fuq din il-mistoqsija kull meta taħt l-istess ċirkostanzi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea jkun jeħtieġlu/jeħtiġilha [tkun obbligata/ikun obbligat] li tagħmel dan fir-rigward tar-Regolament [Nru 44/2001] u tal-miżuri ta’ implimentazzjoni imsemmija fl-Artikolu 2(1) hawnekk.

[…]

6.      Jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat [KE] dwar deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġu emendati b’tali mod li jkun hemm konsegwenzi fir-rigward ta’ deċiżjonijiet fuq ir-Regolament [Nru 44/2001], ir-[Renju tad-Danimarka] [j]ista’ [j]innotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni [tiegħu] li ma [j]applikax l-emendi skond dan il-Ftehim. In-notifika għandha tingħata fid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ l-emendi jew fi żmien 60 jum minn dik id-data.

F’każ bħal dan, dan il-Ftehim jitqies li jkun ġie mitmum. It-tmiem iseħħ tliet xhur wara d-data tan-notifika.”

 Id-dritt Daniż

9        L-Artikolu 634(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (retsplejeloven) jipprovdi:

“F’terminu ta’ ġimgħa mit-tressiq ta’ talba għal miżuri kawtelatorji, il-kreditur għandu jiftaħ kawża dwar il-kreditu li fir-rigward tiegħu jkunu ntalbu l-miżuri kawtelatorji, sakemm id-debitur ma jindikax, fil-kuntest ta’ jew sussegwentement għal din it-talba, li ma huwiex ser jikkontesta dan il-kreditu. F’din il-kawża l-kreditur għandu jitlob ukoll, permezz ta’ talba separata, li tiġi kkonstatata l-validità tat-talba għal miżuri kawtelatorji.”

10      L-Artikolu 634(5) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Meta fir-rigward tal-kreditu inkwistjoni jkun hemm kawża pendenti quddiem qorti barranija, li s-sentenza tagħha jista’ jkollha effetti vinkolanti fid-Danimarka, il-proċeduri f’kull kawża miftuħa skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu sospiżi sakemm tingħata sentenza definittiva fil-proċedura quddiem qorti barranija. Madankollu, il-qorti tista’ tiddeċiedi mill-ewwel jekk it-talba għal miżuri kawtelatorji għandhiex tiġi ddikjarata valida.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      Wara allegata frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) tat-tip “carousel” li kienet ippermettiet evażjoni ta’ din it-taxxa tal-output dovuta, għad-detriment tat-Teżor Ingliż, il-Commissioners bdew proċeduri ġudizzjarji kemm fir-Renju Unit kif ukoll fid-Danimarka.

12      Minn naħa, fir-rigward tal-proċedura mressqa fir-Renju Unit, il-Commissioners, fis-17 ta’ Mejju 2010, ippreżentaw azzjoni legali quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), (Chancery Division) (Ir-Renju Unit) kontra diversi persuni ġuridiċi u fiżiċi stabbiliti fid-Danimarka, fosthom Sunico.

13      Il-kwistjoni li ħolqot diskussjoni quddiem din il-qorti kienet dik jekk il-Commissioners setgħux jitolbu lil persuni mhux residenti, bħal Sunico, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni (“claim for damages”), danni li jikkorrispondu għall-ammont tal-VAT mhux imħallsa minn persuna suġġetta għal din it-taxxa fir-Renju Unit, minħabba li dawn il-persuni mhux residenti ħadu sehem f’“assoċjazzjoni kriminali b’għan ta’ frodi” (“tortious conspiracy to defraud”), fis-sens tad-dritt Ingliż. B’mod iktar preċiż, il-Commissioners kienu jsostnu li l-imsemmija persuni mhux residenti kienu ħatja, fit-territorju tar-Renju Unit, ta’ frodi tal-VAT tat-tip “carousel”. Il-Commissioners sostnew ukoll li l-istess persuni mhux residenti, peress li ma kinux suġġetti għall-VAT fir-Renju Unit, kienu saru l-benefiċjarji reali tal-ammonti miksuba minn dan il-mekkaniżmu ta’ evażjoni fiskali.

14      Il-persuna suġġetta għall-VAT fir-Renju Unit involuta f’dan il-carousel tal-VAT ma hijiex parti la fil-kawża pendenti quddiem il-High Court of Justice u lanqas fil-kawża prinċipali.

15      Peress li l-istess persuni mhux residenti ma kellhomx responsabbiltà abbażi tal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT fir-Renju Unit, il-Commissioners ibbażaw l-azzjoni tagħhom quddiem il-High Court of Justice fuq id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru dwar ir-responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali (“tort”), applikabbli għall-assoċjazzjoni kriminali bl-użu ta’ mezzi illegali (“unlawful means conspiracy”).

16      Fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-azzjoni quddiem il-High Court of Justice kienet għadha pendenti.

17      Qabel l-introduzzjoni ta’ din l-azzjoni, fuq talba tal-Commissioners, l-awtoritajiet fiskali Daniżi kienu kkomunikawlhom informazzjoni dwar persuni mhux residenti assenjati quddiem il-High Court of Justice, fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003, tas-7 ta’ Ottubru 2003, dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 218/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 392).

18      Min-naħa l-oħra, il-Commissioners bdew ukoll proċeduri fid-Danimarka.

19      Fit-18 ta’ Mejju 2010, fuq rikors tal-Commissioners, il-fogedret i København (Qorti eżekutorja ta’ Kopenħagen, Id-Danimarka) awtorizzat talbiet għal miżuri kawtelatorji fir-rigward tal-assi ta’ Sunico u li jinsabu fit-territorju Daniż, bl-għan li jiġi żgurat l-irkupru tal-kreditu tagħha relatat mal-kumpens għad-danni tal-Commissioners.

20      Sunico appellat minn dawn id-digrieti ta’ sekwestru kawtelatorju, liema appell ġie miċħud mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fit-2 ta’ Lulju 2010.

21      Permezz ta’ talba separata, ippreżentata fil-25 ta’ Mejju 2010 quddiem il-Københavns byret (tribunal cantonali ta’ Kopenħagen, id-Danimarka), il-Commissioners, b’mod konformi mal-Artikolu 634(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, talbu li din il-qorti tikkonstata l-validità tat-talbiet għal miżuri kawtelatorji awtorizzati mill-fogedret i København, kif ukoll il-pagament ta’ ammont ta’ GBP 40 391 100.01 liri sterlini, li jikkorrispondi għall-ammont tal-VAT evaż.

22      Sunico talbet, minn naħa, li t-talba għall-ħlas tal-Commissioners tiġi miċħuda bħala inammissibbli jew, għall-inqas, bħala mhux fondata u, min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-parti tar-rikors dwar it-talbiet għal sekwestru kawtelatorju, għar-rilaxx ta’ dawn il-miżuri kawtelatorji.

23      Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Settembru 2010, il-Københavns byret irrinvijat il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

24      Din tal-aħħar iddeċidiet li tittratta b’mod distint il-kwistjoni dwar jekk għandhiex, b’mod konformi mal-Artikolu 634(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, tissospendi l-proċeduri quddiemha fil-kuntest tal-proċeduri li jitressqu quddiemha, sal-għeluq tal-proċedura pendenti quddiem il-High Court of Justice.

25      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk rikors bħal dak ippreżentat fis-17 ta’ Mejju 2010 quddiem il-qrati tar-Renju Unit jitqiesx li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, b’tali mod li sentenza mogħtija minn dawn il-qrati tista’ tiġi rikonoxxuta u eżegwita fid-Danimarka, b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u tal-Ftehim KE-Danimarka.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament jestendi għal rikors li fil-kuntest tiegħu l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jitolbu danni lil impriżi u lil persuni fiżiċi residenti fi Stat Membru ieħor abbażi ta’ allegazzjoni ta’ assoċjazzjoni kriminali b’għan ta’ frodi — skont id-dritt tal-ewwel Stat Membru — li tikkonsisti fil-parteċipazzjoni f’evażjoni tal-VAT dovuta lill-ewwel Stat Membru?”

 Fuq id-domanda preliminari

27      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

28      Fil-fatt, kif il-Kummissjoni kkonfermat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li ħassar l-Artikolu 68 KE, ir-Renju tad-Danimarka ma għamilx użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 6(6) tal-Ftehim KE-Danimarka, li jinnotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu li ma japplikax din l-emenda tat-Trattat KE, fis-sittin ġurnata wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Minn dan jirriżulta li, wara t-tħassir tal-Artikolu 68 KE, l-estensjoni tad-dritt li jsiru domandi preliminari dwar kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili lill-qrati li d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jsiru appelli minnhom tapplika wkoll għall-qorti tar-rinviju.

29      Permezz tad-domanda tagħha, hija tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001, għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi azzjoni li biha awtorità pubblika fi Stat Membru titlob, mingħand persuni fiżiċi u ġuridiċi residenti fi Stat Membru ieħor, kumpens għad-dannu kkawżat minn assoċjazzjoni kriminali b’għan ta’ frodi lill-VAT dovuta lill-ewwel Stat Membru.

30      Sunico, li tixtieq issegwi l-proċeduri li tressqu quddiem il-qorti tar-rinviju, issostni li deċiżjoni mogħtija mill-qrati tar-Renju Unit fil-kuntest tal-kawża għad-danni mressqa kontriha ma jistax ikollha effetti vinkolanti fid-Danimarka. Tali deċiżjoni ma għandhiex tkun eżegwibbli fid-Danimarka b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, peress li t-talba għal kumpens għad-danni tal-Commissioners hija bbażata fuq il-fatt li terza persuna taxxabbli għall-VAT fir-Renju Unit ma ħallsitx din it-taxxa, b’tali mod li din it-talba għandha tiġi rregolata mid-dritt Ingliż fil-qasam tal-VAT. Għaldaqstant, skont Sunico, tali azzjoni ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, peress li l-azzjonijiet fil-qasam fiskali huma esklużi b’mod espliċitu minnu.

31      Il-Commissioners, li talbu għas-sospensjoni tal-proċeduri pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, isostnu li deċiżjoni mogħtija mill-qrati tar-Renju Unit fil-kawża għad-danni mressqa kontra Sunico għandha tkun eżegwibbli fid-Danimarka, b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 u tal-Ftehim KE-Danimarka.

32      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 issa jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna din tal-aħħar tapplika wkoll għall-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet tiegħu u dawk tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Sapir et, C‑645/11, punt 31). Barra minn hekk, mill-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li l-kontinwità fl-interpretazzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-imsemmi regolament għandha tiġi żgurata.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 huwa, bħal dak tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, limitat għall-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”. Minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kamp ta’ applikazzjoni huwa essenzjalment iddeterminat minħabba elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet fil-kawża jew is-suġġett tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2011, Realchemie Nederland, C‑406/09, Ġabra p. I‑9773, punt 39, u Sapir et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

34      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, għalkemm ċerti kawżi bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, tkun ħaġa oħra meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Sapir et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Sabiex jiġi stabbilit jekk dan huwiex il-każ fil-kuntest ta’ kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġu eżaminati l-bażi tal-kawża u l-modalitajiet għat-tressiq tagħha mill-Commissioners, fir-Renju Unit, quddiem il-High Court of Justice (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2002, Baten, C‑271/00, Ġabra p. I‑10489, punt 31, u tal-15 ta’ Mejju 2003, Préservatrice foncière TIARD, C‑266/01, Ġabra p. I-4867, punt 23).

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-talba li tressqet quddiem din il-qorti għandha bħala bażi fattwali l-allegata mġiba frawdolenti ta’ Sunico u tal-persuni l-oħra mhux residenti assenjati quddiem l-imsemmija qorti, li huma akkużati li pparteċipaw, fit-territorju tar-Renju Unit, f’sensiela ta’ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ oġġetti intiżi għall-organizzazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evażjoni fiskali tat-tip “carousel għall-VAT”, billi ppermettew l-evażjoni ta’ din it-taxxa tal-output dovuta minn persuna taxxabbli ta’ dak l-Istat Membru u għaldaqstant talli kienu l-benefiċjarji reali tal-ammonti miksuba permezz ta’ din l-evażjoni fiskali.

37      F’dak li jirrigwarda l-bażi legali tat-talba tal-Commissioners, l-azzjoni tal-Commissioners kontra Sunico ibbażata mhux fuq il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit dwar il-VAT, iżda fuq il-parteċipazzjoni allegata ta’ Sunico f’assoċjazzjoni kriminali b’għan ta’ frodi li taqa’ taħt id-dritt dwar ir-responsabbiltà ċivili delittwali jew kważi delittwali ta’ dan l-Istat Membru.

38      Bl-istess mod, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Sunico u l-persuni mhux residenti l-oħra assenjati quddiem il-High Court of Justice ma humiex persuni taxxabbli għall-VAT fir-Renju Unit, b’mod li ma humiex responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru.

39      Kif esponew il-Kummissjoni u l-Gvern tar-Renju Unit, fil-kuntest ta’ din ir-rabta legali, il-Commissioners ma jeżerċitawx awtorità li tmur lil hinn mir-regoli li japplikaw għar-relazzjonijiet bejn individwi fid-dritt privat. B’mod partikolari, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, b’mod differenti minn kif jistgħu normalment jagħmlu fil-kuntest tas-setgħat pubbliċi tagħhom, il-Commissioners ma jistgħux jistabbilixxu huma stess it-titolu eżekuttiv li jippermettilhom li jeżegwixxu l-irkupru tal-kreditu tagħhom, iżda, f’kuntest bħal dak ta’ din il-kawża, għandhom għal dan il-għan jirrikorru għar-rimedji legali ordinarji.

40      Minn dan jirriżulta li r-rabta legali li teżisti bejn il-Commissioners u Sunico ma hijiex rabta legali bbażata fuq id-dritt pubbliku, f’dan il-każ, id-dritt fiskali, li jimplika l-użu ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika.

41      Kjarament, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ammont tad-danni mitluba mill-Commissioners jikkorrispondi għall-ammont tal-VAT tal-output dovut minn persuna taxxabbli mill-imsemmija taxxa fir-Renju Unit. Madankollu, il-fatt li l-portata tar-responsabbiltà delittwali ta’ Sunico fir-rigward tal-Commissioners u l-ammont tal-kreditu fiskali li dawn għandhom kontra suġġett jikkoinċidu, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala prova li r-rikors tal-Commissioners quddiem il-High Court of Justice jaqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi minn dawn lejn Sunico, peress li huwa stabbilit li r-rabta legali li teżisti bejn il-Commissioners u Sunico hija irregolata mhux mil-leġiżlazzjoni dwar il-VAT tar-Renju Unit, iżda minn dik dwar ir-responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali ta’ dan l-Istat Membru.

42      Finalment, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-talba għall-informazzjoni li l-Commissioners indirizzaw lill-awtoritajiet Daniżi abbażi tar-Regolament Nru 1798/2003 qabel ma ppreżentaw il-kawża quddiem il-High Court of Justice għandhiex effett fuq in-natura tar-rabtiet legali bejn il-Commissioners u Sunico, għandu jiġi rrilevat li mid-dokumenti fil-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li, fil-kuntest tal-proċeduri pendenti quddiem il-High Court of Justice, il-Commissioners għamlu użu minn provi miksuba permezz tas-setgħat pubbliċi tagħhom.

43      Madankollu, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan kienx il-każ u, jekk ikun il-każ, jekk il-Commissioners kinux jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħal individwu tad-dritt privat fil-kuntest tal-azzjoni tagħhom kontra Sunico u tal-persuni mhux residenti oħra assenjati quddiem il-High Court of Justice.

44      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi azzjoni li biha awtorità pubblika fi Stat Membru titlob, lil persuni fiżiċi u ġuridiċi residenti fi Stat Membru ieħor, kumpens għad-danni kkawżati minn assoċjazzjoni kriminali b’għan ta’ frodi lill-VAT dovuta lill-ewwel Stat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi azzjoni li biha awtorità pubblika fi Stat Membru titlob, lil persuni fiżiċi u ġuridiċi residenti fi Stat Membru ieħor, kumpens għad-danni kkawżati minn assoċjazzjoni kriminali b’għan ta’ frodi għat-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta lill-ewwel Stat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.