Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta’ April 2012 – ZZ vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-45/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: ZZ (Bukarest, ir-Rumanija) (rappreżentant: N. Visan, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett

Annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma ġġeddidx il-kuntratt tar-rikorrent bħala membru tal-persunal bil-kuntratt.

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni tas-27 u tat-28 ta’ Lulju 2011 tad-Delegazzjoni tal-UE fir-Repubblika tal-Moldova li ma ġġeddidx il-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent, u tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea DG.HR.D.2, tas-16 ta’ Jannar 2011, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrent imressaq skont l-Artikolu 90(2);

tordna lill-Kummissjoni Ewropea tintegra mill-ġdid lir-rikorrent f’Delegazzjoni tal-UE oħra sabiex ir-rikorrent iżomm id-drittijiet miksuba matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu, mill-2008 sal-2011, fid-Delegazzjoni tal-UE f’Moldova (perijodu ta’ prova mwettaq; punti ta’ evalwazzjoni għal avvanz fi skala tas-salarju akkumulati), u tiżgura li l-pożizzjoni l-ġdida tkun kompatibbli mal-profil tal-kompetizzjoni EPSO/CAST li r-rikorrent għadda minnha fl-2007;

tordna lill-konvenuta tirrikonoxxi pubblikament l-iżball imwettaq mid-Delegazzjoni tal-UE fir-Repubblika tal-Moldova meta hija offriet il-pożizzjoni ta’ “Charge de Mission Adjoint” lir-rikorrent – żball li wassal għall-impossibbiltà li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2)/klawżola ta’ tiġdid mill-ewwel jum tal-kuntratt, għal klassifikazzjoni professjonali inferjuri tar-rikorrent u għall-attribuzzjoni ta’ kompiti inferjuri minn dawk previsti fid-deskrizzjoni tax-xogħol tar-rikorrent, mill-2008 sal-2011;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas kumpens għad-dannu morali kkawżat mill-2008 sal-2011 minħabba l-irregolaritajiet imsemmija iktar ’il fuq. Il-kumpens għandu jiġi kkalkolat fuq bażi ta’ xahar b’xahar u għandu jikkorrispondi għad-differenza bejn is-salarju tar-rikorrent u dak tal-membru tal-persunal lokali għall-perijodu kollu bejn l-2008 u l-2011 – dan peress li d-Delegazzjoni (a) kienet volontarjament assenjat lir-rikorrent kompiti identiċi għal dawk assenjati lill-membru tal-persunal lokali minkejja deskrizzjonijiet ta’ xogħol differenti ħafna, (b) kienet għamlet minn kollox sabiex iżżomm lir-rikorrent milli jwettaq kompiti/ jokkupa l-pożizzjoni korretta skont id-deskrizzjoni tax-xogħol, (c) b’mod kostanti ċaħdet li l-pożizzjoni tar-rikorrent kienet tinvolvi li jaġixxi bħala Assistent Kap tal-FCA;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas kumpens, għall-perijodu “10 ta’ Novembru 2011 – sar-reintegrazzjoni f’Delegazzjoni tal-UE oħra – Istituzzjoni tal-UE”, għad-danni materjali u mhux materjali subiti mir-rikorrent b’riżultat tad-deċiżjoni tas-27 u tat-28 ta’ Lulju 2011 tad-Delegazzjoni tal-UE fir-Repubblika tal-Moldova li ma ġġeddidx il-kuntratt ta’ membru tal-persunal tal-kategorija 3a tar-rikorrent. Il-kumpens għandu jiġi kkalkolat abbażi tas-salarju ta’ kull xahar tar-rikorrent għall-perijodu kollu mill-10 ta’ Novembru 2011 sar-reintegrazzjoni fix-xogħol;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha relatati ma’ din il-kawża.