Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Marzu 2012 – ZZ vs BEI

(Kawża F-37/12)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: ZZ (rappreżentant: L. Isola, avukat)

Konvenuta: Bank Ewropew tal-Investiment

Suġġett

Minn naħa, l-annullament tal-ittra li permezz tagħha l-President tal-BEI ċaħad, wara rapport mill-kumitat “Dignity at work”, l-ilment dwar fastidju psikoloġiku, ippreżentat mir-rikorrent. Min-naħa l-oħra, l-annullament tal-parir ta’ dan il-kumitat sa fejn huwa ma kkonstatax li r-rikorrent safa vittma ta’ fastidju psikoloġiku.

Talbiet tar-rikorrent

Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

jannulla l-ittra tal-20 ta’ Diċembru 2011 sa fejn il-President tal-BEI, minbarra li ma adotta l-ebda miżura fir-rigward tal-fastidju psikoloġiku li r-rikorrent ilu jbati għoxrin sena, qies li seta jheddu bil-għan li jġiegħlu jbati passivament kull att ta’ intimidazzjoni min-naħa tiegħu kif ukoll kull fastidju li minnu ta’ kuljum jisfa vittma, fl-ewwel lok bir-rinunzja minn terz tar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Kumitat ta’ stħarriġ;

jannulla r-rapport u l-konklużjonijiet adottati fis-26 ta’ Ottubru 2011 mill-imsemmi Kumitat ta’ stħarriġ sa fejn huwa:

pprovda definizzjoni mhux xierqa tal-fastidju psikoloġiku u ma indirizzax l-ilment tar-rikorrent, li fir-rigward tiegħu r-regolamenti adottati mill-BEI huma għal kollox insuffiċjenti;

ċaħad ir-rikors, mingħajr ebda riferiment għar-regolamenti applikati;

ma pprovda ebda prova tal-investigazzjonijiet li allegatament saru u naqas milli jsemmi kemm il-fatti li dwarhom ir-rikorrent ilmenta, kif ukoll il-ġustifikazzjonijiet ipprovduti mill-BEI;

jannulla l-atti kollha konnessi, konsegwenti u preċedenti, fosthom ċertament dawk użati mill-Kumitat għall-fastidju psikoloġiku, mitluba inutilment fil-21 ta’ Diċembru 2011 u rrifjutati fis-6 ta’ Jannar 2012;

jikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.