Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Diċembru 2011 – ZZ vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-133/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: ZZ (rappreżentant: P. Goergen, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett

Annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika r-rikorrent, li kien inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni EPSO/A/17/04, li l-avviż tagħha kien ġie ppubblikat qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, fi grad AD 6, skala 2, taħt dispożizzjonijiet inqas favorevoli.

Talbiet tar-rikorrent

Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

jannulla l-klassifikazzjoni tar-rikorrent fi grade AD 6, skala 2 fil-mument tal-ħatra tar-rikorrent bħala uffiċjal bi prova b’effett mill-1 ta’April 2011;

jiddikjara li, fid-dawl ta’ kunsiderazzjoni oġġettiva tal-esperjenza professjonali tar-rikorrent u skont il-prinċipji li fuqhom huma bbażati avviżi ta’ pożizzjoni vakanti oħrajn u fid-dawl tal-prinċipju li paga għandha tkun proporzjonata mal-prestazzjoni, ir-rikorrent huwa intitolat sabiex jiġi kklassifikat fil-grad AD11, skala 2, jew, fi kwalunkwe każ, għal grad xieraq ieħor;

fir-rigward tad-danni materjali kkawżati lir-rikorrent, jagħti lir-rikorrent somma - sad-data li fiha d-deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni tar-rikorrent fil-grad xieraq għall-esperjenza professjonali u l-anzjanità tar-rikorrent tiġi adottata korrettament – li tinkludi d-differenza sħiħa (EUR 3 051.43 għal kull xahar jew ammont li għandu jiġi ddeterminat minn esperti) bejn l-ammonti li jikkorrispondu għall-klassifikazzjoni tar-rikorrent skont id-deċiżjoni ta’ reklutaġġ u l-klassifikazzjoni li għaliha r-rikorrent ikun intitolat, flimkien mal-interessi moratorji sad-data tad-deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni fi grad korrett tar-rikorrent, abbażi ta’ rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew;

iqiegħed lir-rikorrent f’pożizzjoni fejn id-drittijiet għal pensjoni u drittijiet oħrajn li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ impieg mal-konvenuta jiġu kkalkolati jew ikkalkolati mill-ġdid bl-istess mod kif kien ikun il-każ kieku r-rikorrent kien ġie korrettament ikklassifikat fi grad– skont dawn it-talbiet – u jagħti lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 10 000 għad-danni morali, flimkien mal-interessi moratorji abbażi tar-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew, mid-data tar-reklutaġġ tar-rikorrent mal-konvenuta, jew alternattivament mid-data ta’ dan ir-rikors, sakemm isir il-ħlas kollu;

jikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.