Language of document : ECLI:EU:C:2013:597

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Settembru 2013 (*)

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001– Artikolu 34(3) u (4) — Rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat membru ieħor — Sitwazzjoni li fiha l-imsemmija sentenza hija irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija preċedentement fl-istess Stat Membru bejn l-istess partijiet f’tilwima li għandha l-istess suġġett u l-istess kawża”

Fil-Kawża C‑157/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ 8 ta’ Marzu 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Marzu 2012, fil-proċedura

Salzgitter Mannesmann Handel GmbH

vs

SC Laminorul SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President ta’ Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Marzu 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–      għal Salzgitter Mannesmann Handel GmbH, minn C. von Carlowitz, O. Kranz, C. Müller u T. Rossbach, avukati,

–      għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u T. Henze, kif ukoll minn J. Kemper, bħala aġenti,

–      għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

–      għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello stato,

–      għall-Gvern Rumen, minn R. Giurescu u A. Voicu, bħala aġenti,

–      għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u A.-M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Salzgitter Mannesmann Handel GmbH (iktar ‘il quddiem “Salzgitter”) u SC Laminorul SA (iktar ‘il quddiem “Laminorul”) dwar talba għal dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva fil-Ġermanja ta’ sentenza mogħtija minn qorti Rumena li permezz tagħha Salzgitter ġiet ikkundannata tħallas is-somma ta’ EUR 188 330 lil Laminorul.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 44/2001

3        Il-premessi 2, 15 sa 17 ta’ dan ir-regolament jipprovdu:

“(2)      Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.

[...]

(15)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati [...].

(16)      Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.

(17)      Bis-saħħa ta’ l-istess prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-proċedura sabiex tiġi eżegwita fi Stat Membru wieħed sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun effiċjenti u malajr. Għal dan il-għan, id-dikjarazzjoni li ġudizzju huwa eżegwibbli għandha ssir virtwalment awtomatikament wara verifiki puramenti formali tad-dokumenti pprovduti, mingħajr ma jkun hemm possibiltà li l-qorti li tqajjem b’mozzjoni tagħha uħud mir-raġunijiet għan-non eżekuzzjoni b’dan ir-Regolament.”

4        L-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, “sentenza” tfisser xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza [...]”.

5        Skont l Artikolu 33(1) ta’ dan ir regolament:

“Sentenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali.”

6        L-Artikolu 34(3) u (4) tal-imsemmi regolament jipprovdi kif ġej:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

[...]

3)      jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi kwistjoni bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

4)      jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz li jinvolvi l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet, basta illi dik is-sentenza aktar kmieni twettaq il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru indirizzat.”

7        Skont l-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 44/2001:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru u eżegwita f’dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ parti nteressata, tkun ġiet dikjarata eżegwibbli hemmhekk.”

8        L-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Is-sentenza għandha tiġi ddikjarata eżegwibbli immedjatament mat-twettieq tal-formalitajiet [...], mingħajr xi reviżjoni permezz ta’ l-Artikoli 34 u 35. Il-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l-eżekuzzjoni m’għandiex f’dan l-istadju tal-proċeduri tkun intitolata li tagħmel xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni.”

9        Skont l-Artikolu 43 ta’ dan ir-regolament:

“1.      Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’eżekuzzjoni [dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva] tista’ tkun appellata minn kull parti.

[...]

3.      L-appell għandu jkun ittrattat skond ir-regoli li jirregolaw il-proċeduri f’materji kontradittorji.

[...]”

10      L-Artikolu 45 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.      Il-qorti fejn l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ l-Artikolu 43 jew l Artikolu 44 għandu jiċħad jew jirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni biss fuq il bażi speċifikati f’L-Artikoli 34 u 35 [...]

2.      Taħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ jiġi reveduta s-sentenza barranija fuq is sustanza tagħha.”

11      L-Artikolu 46(1) tal-istess regolament jippreċiża li:

“Il-qorti li fih l-appell ikunu ġie ippreżentat permezz ta’ l-Artikolu 43 jew l-Artikolu 44 jista’, ma’ l-applikazzjoni tal-parti li kontra tagħha jkun imfittex, jissosspendi l-proċedimenti jekk ikun tressaq appell ordinarju kontra s-sentenza fl-Istat Membru ta’ oriġini jew jekk iż-żmien għal dak l-appel ma jkunx għadu skada; f’dan il-każ ta’ l-aħħar, il-qorti tista tispeċifika iż-żmien li fih għandu jiġi mressaq dan l-appell.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Laminorul, li għandha s-sede tagħha fir-Rumanija, bdiet azzjoni kontra, Salzgitter, stabbilita fil-Ġermanja, quddiem it- Tribunalul Brăila (Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Braila, Rumanija) bil-għan li tikseb il-ħlas għal kunsinna ta’ prodotti tal-azzar.

13      Salzgitter sostniet li din l-azzjoni ma kellhiex tkun indirizzat kontriha, iżda kontra l-parti kontraenti reali ta’ Laminorul, jiġifieri Salzgitter Mannesmann Stahlhandel GmbH (preċedentement imsemmija Salzgitter Stahlhandel GmbH). Għal din ir-raġuni, it-Tribunalul Brăila ċaħdet it-talba ta’ Laminorul permezz ta’ sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, li saret definittiva (iktar ’il quddiem l-“ewwel sentenza”).

14      Ftit wara, Laminorul bdiet azzjoni ġdida quddiem l-istess qorti, indirizzata kontra Salzgitter u bbażata fuq l-istess fatti. Madankollu ċ-ċitazzjoni ġiet innotifikata lir- rappreżentant preċedenti ta’ Salzgitter, li l-mandat tiegħu kien, skont id-dikjarazzjonijiet ta’ Salzgitter, limitat għar-rikors li wassal għall-ewwel sentenza. Peress li ħadd ma deher sabiex jirrappreżenta lil Salzgitter waqt is-seduta tas-6 ta’ Marzu 2008 quddiem it-Tribunalul Brăila, din il-qorti tat sentenza b’kontumaċja u kkundannat lil Salzgitter tħallas EUR 188 330 lil Laminorul (iktar ’il quddiem it-“tieni sentenza”).

15      Salzgitter ippreżentat appell kontra t-tieni sentenza fejn talbet li din tiġi annullata peress li hija ma kinitx imħarrka skont il-liġi. L-appell ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2008, minħabba li Salzgitter naqset milli tħallas il-bolla meħtieġa.

16      It-tieni sentenza ġiet iddikjarata eżegwibbli fil-Ġermanja permezz ta’ digriet tal-Landgericht Düsseldorf (Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) tal-21 ta’ Novembru 2008. Salzgitter appellat kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja).

17      Fl-istess waqt, Salzgitter ressqet, minn naħa, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra t-tieni sentenza, billi reġgħet sostniet li ma tħarrikx biex tidher fis-seduta. Din it-talba ġiet miċħuda bħala inammissibbli permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2009.

18      Min-naħa l-oħra, Salzgitter appellat għal darb’oħra biex it-tieni sentenza tiġi annullata abbażi tal-effett vinkolanti tal-ewwel sentenza. Il-Curtea de Apel Galaţi (Qorti tal-Appell ta’ Galati, ir-Rumanija) ċaħdet din it-talba b’sentenza tat-8 ta’ Mejju 2009 minħabba li kien tardiv, deċiżjoni li sussegwentement intlaqgħet mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2009.

19      Minħabba li r-rimedji ġudizzjarji ġew eżawriti fir-Rumanija, il-proċeduri għal exequatur li kienu ġew sospiżi fil-Ġermanja reġgħu tkomplew. Ir-rikors ta’ Salzgitter kontra d-digriet tal-Landgericht Düsseldorf ġie deċiż bħala infondat mill-Oberlandesgericht Düsseldorf tat-28 ta’ Ġunju 2010. Din il-kumpannija għalhekk ippreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja).

20      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 34(4) tar-[Regolament Nru 44/2001] ikopri wkoll każijiet ta’ sentenzi [i]rrikonċiljabbli mogħtija fl-istess Stat Membru (Stat ta’ kundanna)?

 Fuq id-domanda preliminari

21      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 34(4) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll sentenzi irrikonċiljabbli mogħtija minn qrati fl-istess Stat Membru.

22      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-Artikolu 34(4) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fid-dawl mhux biss tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni iżda wkoll fid-dawl tas-sistema stabbilita minn dan ir-regolament u tal-għanijiet li huwa jipprova jilħaq (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency, C‑619/10, punt 27).

23      Għal dik li jikkonċerna s-sistema stabbilita mill-imsemmi regolament, għandu jiġi osservat li r-raġunijiet ta’ nuqqas għal eżekuzzjoni jissodisfaw funzjoni definita sew fl-istruttura żviluppata minn dan ir-regolament li timplementa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sistema komprensiva li tirregola l-ġurisdizzjoni internazzjonali, kif ukoll ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi.

24      Qabel kollox, l-interpretazzjoni tas-sens u tal-kontenut tar-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi minn Stat Membru ieħor previsti mir-Regolament Nru 44/2001 għandha ġġib inkunsiderazzjoni r-rabta li teżisti bejn, minn naħa, l-imsemmija raġunijiet, u min-naħa l-oħra, ir-regoli li jikkonċernaw azzjonijiet relatati previsti minn dan ir-regolament, li huma intiżi, skont il-premessa 15 tal-imsemmi regolament, sabiex inaqqsu għall-massimu l-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji, kif ukoll sabiex jiġi evitat li sentenzi irrikonċiljabbli ma jingħatawx f’żewġ Stati Membri.

25      Sussegwentement, mill-premessa 17 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li l-proċedura intiża li trendi eżegwibbli, fl-Istat Membru indirizzat, sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tinkludi biss kontroll sempliċi tad-dokumenti meħtieġa għall-attribuzzjoni tas-saħħa eżekuttiva fl-Istat Membru indirizzat.

26      Wara l-preżentazzjoni tar-rikors imsemmi fl-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 44/2001, kif ukoll kif jirriżulta fl-Artikolu 41 tal-istess regolament, l‑awtoritajiet tal-Istat Membru indirizzat għandhom, fl-ewwel stadju tal-proċedura, jillimitaw ruħhom li jistħarrġu jekk ġewx sodisfatti dawn il-formalitajiet għall-finijiet tal-għoti tad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ din id-deċiżjoni (ara s-sentenza Trade Agency, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

27      Skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 44/2001, id-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru indirizzat tista’ tkun is-suġġett, fit-tieni stadju tal-proċedura, ta’ rikors. Il-motivi ta’ kontestatazzjoni li jistgħu jiġu invokati jissemmew espressament fl-Artikoli 34 u 35 ta’ dan ir-regolament, li għalihom jirreferi l-Artikolu 45 ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Trade Agency, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

28      Din il-lista għandha natura eżawrjenti u l-elementi tagħha jeħtieġu interpretazzjoni stretta peress li jikkostitwixxu ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali tar-Regolament Nru 44/2001, intiżi li jiffaċilitaw il-moviment liberu tas-sentenzi billi jipprovdi proċedura għal exequatur sempliċi u rapida (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, Ġabra p. I‑3571, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments, C‑139/10, Ġabra p. I‑9511, punt 33).

29      Rigward b’mod iktar preċiż ir-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoi li tibbaża fuq in-natura irrikonċiljabbli ta’ żewġ sentenzi, il-kliem tal-Artikolu 34(4) tar-Regolament Nru 44/2001, moqri fid-dawl tal-kunċett ta’ “sentenza” fis-sens ta’ dan ir-regolament, juri, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-imsemmi Artikolu 34(4) għandu jinftiehem fis-sens li “[s]entenza [mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru] m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk […] [t]kun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz”.

30      Għalhekk, is-sitwazzjoni prevista minn dan l-Artikolu 34(4) tidher bħala dik fejn is-sentenzi irrikonċiljabbli minn żewġ Stati distinti.

31      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi li fuqu hija bbażata s-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stat Membru ieħor, kif stabbilit bir-Regolament Nru 44/2001.

32      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 16 u 17 ta’ dan ir-regolament, din is-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni prevista fih hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li teħtieġ li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fi Stat Membru jkunu mhux biss rikonoxxuti b’mod sħiħ fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll li l-proċedura intiża sabiex trendi lil dawn id-deċiżjonijiet eżegwibbli f’dan l-aħħar Stat Membru tkun effettiva u rapida (ara s-sentenza Trade Agency, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

33      Il-funzjonament tajjeb ta’ din is-sistema bbażata fuq il-fiduċja reċiproka jimplika li l-qrati tal-Istati Membru ta’ oriġini jibqgħu kompetenti sabiex jevalwaw, fil-kuntest tar-rimedji ġudizzjari stabbiliti mill-ordinament ġuridiku tal-imsemmi Stat Membru, ir-regolarità tas-sentenza li għandha tiġi eżegwita, bl-esklużjoni, fil-prinċipju, tal-qrati tal-Istat Membru indirizzat, u li r-riżultat definittiv tal-verifika tar-regolarità tal-imsemmija sentenza ma jiġix ikkontestat.

34      Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 46(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li jistgħu jiġu sospiżi l-proċeduri fil-każ li s-sentenza barranija tkun jew tista’ tkun, fl-Istat Membru ta’ oriġini, is-suġġett ta’ appell ordinarju.

35      Fil-fatt, hija l-kompitu tal-parti fil-kawża li għandha teżerċita r-rimedji ġudizzjarji previsti mid-dritt tal-Istat Membru li fih jiżvolġu l-proċeduri, u dan huwa għalhekk dak li Salzgitter ipprovat tagħmel fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, il-parti fil-kawża ma tistax tuża r-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru ieħor sabiex tikkontesta l-eżitu tal-imsemmija appelli.

36      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(4) ta’ dan ir-regolament li tipprovdi li din id-dispożizzjoni tinkludi wkoll il-kunflitti bejn żewġ sentenzi mill-istess Stat Membru hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka msemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt tali interpretazzjoni tippermetti lill-qrati tal-Istat Membru indirizzat li jissostitwixxi l-applikazzjoni tiegħu għal dik ta’ qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini.

37      Fil-fatt, la darba d-deċiżjoni tkun saret definittiva fi tmiem tal-proċeduri fl-Istat Membru ta’ oriġini, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħha minħabba l-irrikonċiljabbiltà tagħha ma’ sentenza oħra li toriġina mill-istess Stat Membru tkun komparabbli ma’ reviżjoni tal-mertu tas-sentenza li l-eżekuzzjoni tagħha hija mitluba, għalkemm dan huwa espressament eskluż mill-Artikolu 45(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

38      Tali possibbiltà ta’ reviżjoni tal-mertu tikkostitwixxi, de facto¸ rimedju ġudizzjarju addizzjonali għal sentenza li tkun saret definittiva fl-Istat Membru ta’ oriġini. F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, kif l-Avukat Ġenerali ġustament irrileva fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti bir-Regolament Nru 44/2001 ma humiex intiżi sabiex joħolqu rimedji ġudizzjarji addizzjonali kontra sentenzi nazzjonali li jkunu saru definittivi.

39      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li peress li l-lista ta’ raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni hija eżawrjenti, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija raġunijiet għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta u ma jistgħux jiġu suġġetti, konsegwentement, u kuntrarjament għal dak li ssostni Salzgitter u l-Gvern Ġermaniż, għal interpretazzjoni b’analoġija, li tipprovdi li huma wkoll inklużi s-sentenzi mill-istess Stat Membru.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 34(4) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix sentenzi irrikonċiljabbli mogħtija minn qrati ta’ Stat Membru ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 34(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix sentenzi irrikonċiljabbli mogħtija minn qrati tal-istess Stat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.