Language of document : ECLI:EU:C:2013:731

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fis-7 ta’ Novembru 2013 (1)

Kawża C‑639/11

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja

Kawża C‑61/12

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Litwanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 2a tad-Direttiva 70/311/KEE – Artikolu 4(3) tad-Direttiva Qafas 2007/46/KE – Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE – Moviment liberu tal-merkanzija – Restrizzjonijiet – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fejn is-sewqan isir fuq in-naħa tal-lemin tat-triq u li tipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri mgħammra għas-sewqan fuq ix-xellug li huma ġodda jew li ġew irreġistrati diġà fi Stati Membri ieħor – Aċċettabbiltà tar-rekwiżit li s-sistema tal-isteering għandha tkun fuq in-naħa tax-xellug tal-vettura”





I –    Introduzzjoni

1.        Kemm fil-Polonja kif ukoll fil-Litwanja, ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur li s-sistema tal-isteering tagħhom tinsab fuq in-naħa tal-lemin hija pprojbita u/jew suġġetta għaċ-ċaqliq ta’ din is-sistema lejn in-naħa tax-xellug tal-vettura, indipendentement mill-fatt jekk dawn il-vetturi humiex ġodda jew jekk qabel, kinux ġew irreġistrati fi Stati Membri oħrajn.

2.        Hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja tinsab adita b’żewġ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li fihom il-Kummissjoni Ewropea qed titlobha tikkonstata li, skont dawk id-dispożizzjonijiet, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tal-Litwanja rispettivament naqqsu mill-obbligu tagħhom taħt l-Artikolu 2a tad-Direttiva 70/311/KEE dwar it-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni ta’ vetturi bil-mutur (2) u l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46/KE li jistabbilixxi qafas għall-approvazzjoni ta’ dawn il-vetturi (3), kemm fir-rigward ta’ vetturi tal-passiġġieri ġodda, kif ukoll skont l-Artikolu 34 TFUE, fir-rigward ta’ vetturi tal-passiġġieri li jkunu ġew irreġistrati diġà fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

3.        Il-konvenuti jikkontestaw bil-qawwa kollha l-ilmenti fformulati kontrihom. Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-miżuri nazzjonali kkontestati jikkonformaw mad-Direttiva Qafas u mad-Direttiva 70/311, filwaqt li r-Repubblika tal-Litwanja tafferma li dawn lanqas biss ma jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dawn id-direttivi. Hija biss ir-Repubblika tal-Polonja li tippretendi li dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija pprojbit mill-Artikolu 34 TFUE. It-tnejn jikkunsidraw li, fi kwalunkwe każ, dawn il-miżuri għandhom jiġu aċċettati skont l-Artikolu 36 TFUE, bħala ġġustifikati għal rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali marbuta mas-sigurtà fit-toroq. Il-Kummissjoni ma tiċħadtx li dan l-għan jista’ jilleġittima ostakolu bħal dak, imma hija tikkunsidra li l-leġiżlazzjonijiet inkwistjoni la huma adattati u lanqas ma huma proporzjonati biex jilħquh.

4.        Għalkemm dawn iż-żewġ kawżi ma ngħaqqdux formalment, in-natura komuni tal-ilmenti magħmulin mill-Kummissjoni jiġġustifikaw li jiġu ppreżentati dawn il-konklużjonijiet biss għat-tnejn.

II – In-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi allegati, il-leġiżlazzjonijiet inkwistjoni, il-proċeduri prekontenzjużi u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

5.        Jirriżulta mill-atti tal-proċess tal-kawża C-639/11 li fil-Polonja skont il-liġi tal-20 ta’ Ġunju 1997 fuq it-traffiku fit-triq (4), ir-reġistrazzjoni tal-vetturi ssir, fir-rigward ta’ vetturi ġodda, fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ estratt taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tal-vettura jew tal-kopja ta’ deċiżjoni ta’ eżenzjoni minn awtorizzazzjoni (5), bis-saħħa tal-Artikolu 72(1) ta’ dik il-liġi, u fir-rigward ta’ vetturi rreġistrati diġà għall-ewwel darba f’pajjiż ieħor, wara test tekniku, bis-saħħa tal-Artikolu 81(5) tal-istess liġi.

6.        Dan it-test tekniku jikkonsisti f’li jiġi vverifikat jekk vettura tikkonformax, fost l-oħrajn, mar-rekwiżiti ddefiniti f’dik il-liġi kif ukoll fir-regolament tal-Ministru tal-Infrastruttura, tal-31 ta’ Diċembru 2002, dwar il-kundizzjonijiet tekniċi applikabbli għall-vetturi u l-portata tat-tagħmir indispensabbli tagħhom (6). Skont il-paragrafu 9.2 ta’ dak ir-regolament “l-isteering ta’ vettura li jkollha iktar minn tliet roti, li l-kostruzzjoni tagħha tippermettilha veloċità li taqbeż l-40 km fis-siegħa, ma għandux ikun fuq in-naħa tal-lemin tal-vettura”.

7.        Il-portata u l-metodi tat-twettiq tat-test tekniku ġew stabbiliti permezz ta’ regolament tal-istess Ministru ddatat 16 ta’ Diċembru 2003 (7). Skont il-punt 5.1 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, il-pożizzjoni tal-isteering fuq il-lemin tikkostitwixxi kriterju essenzjali li jippermetti li jiġi stabbilit li vettura bħal dik ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tekniċi nazzjonali. L-istess dispożizzjoni tidher fil-punt 6.1 tal-Anness I tar-regolament li kien ġie adottat fit-18 ta’ Settembru 2009 minn dan il-Ministru (8) sabiex jinbidel ir-regolament imsemmi iktar ’il fuq datat l-2003.

8.        Fid-dawl tat-tagħrif mogħti fil-Kawża C‑61/12, l-Artikolu 25(4) tal-liġi Litwana fuq is-sigurtà fit-toroq (9) jgħid li “huwa pprojbit li jiċċirkulaw fit-toroq pubbliċi vetturi bil-mutur intiżi biex jiċċirkulaw fuq in-naħa tax-xellug tal-karreġġjata tat-triq u/jew l-isteering ikun fuq in-naħa tal-lemin, ħlief jekk ikunu ġew irreġistrati fir-Repubblika tal-Litwanja qabel l-1 ta’ Mejju 1993, jew jekk huma intiżi fil-konċepiment tagħhom u fit-tagħmir tagħhom, għal funzjonijiet partikolari. Din il-projbizzjoni ma tapplikax temporanjament (sa 90 jum fis-sena) għal barranin li jidħlu fir-Repubblika tal-Litwanja f’vettura rreġistrata f’pajjiż ieħor u li ma jkollhiex permess ta’ soġġorn provviżorju jew definittiv fir-Repubblika tal-Litwanja, kif ukoll għal ċittadini Litwani li d-domiċilju permanenti tagħhom ikun f’pajjiż ieħor, kif ukoll għal vetturi li jappartjenu għall-kategorija ta’ vetturi storiċi skont il-leġiżlazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9.        L-Artikolu 27 ta’ din l-istess liġi jistabbilixxi li l-vetturi bil-mutur li jiċċirkulaw fil-Litwanja għandhom fil-prinċipju jiġu rreġistrati. Madankollu, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, dan l-obbligu ta’ reġistrazzjoni ma japplikax, b’mod temporanju (sa 90 jum fis-sena), għall-barranin li marru hemmhekk f’vettura rreġistrata f’pajjiż ieħor u li ma għandhomx permess ta’ soġġorn provviżorju jew definittiv fil-Litwanja jew għandhom titolu ta’ soġġorn tal-UE, kif ukoll għaċ-ċittadini Litwani li joqogħdu b’mod permanenti f’pajjiż ieħor. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jżid jgħid li l-vetturi bil-mutur intiżi biex jinstaqu fuq ix-xellug tal-karreġġjata u/jew li jkollhom steering fuq il-lemin ma jiġux irreġistrati fil-Litwanja, ħlief jekk ikunu vetturi storiċi u ta’ vetturi intiżi għal funzjonijiet partikolari.

10.      L-Ordni Nru 2B-290, tad-29 ta’ Lulju 2008, tad-Direttur tal-Ispettorat Nazzjonali tat-Trasport fit-Toroq fil-Ministeru tal-Komunikazzjoni, li tistabbilixxi b’mod partikolari r-rekwiżiti tekniċi dwar vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, teħtieġ fil-Kapitolu IV tagħha li, “s-sistema tal-isteering ta’ vettura [(10)] ma tistax titqiegħed fuq il-lemin ta’ ġewwa/tal-kabina tal-vettura, ħlief għal vetturi awtomobilistiċi li jkunu ġew irreġistrati fil-Litwanja qabel l-ewwel ta’ Mejju 1993, jew għall-vetturi awtomobilistiċi li huma s-suġġett ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni speċifika”. L-Ordni Nru 2B-515 tal-istess direttur, tat-23 ta’ Diċembru 2008, tiddefinixxi, fil-punt 28 tagħha, taħt liema kundizzjonijiet huwa awtorizzat li l-isteering ta’ vettura jiġi mċaqlaq min-naħa tal-lemin lejn in-naħa tax-xellug.

11.      Il-Kummissjoni rċeviet sensiela ta’ lmenti ġejjin minn persuni li joqogħdu fil-Polonja u fil-Litwanja li sabu ruħhom fl-impossibbiltà li jirreġistraw vetturi tal-passiġġieri ġejjin minn Stat Membru ieħor, partikolarment mir-Renju Unit jew mill-Irlanda, minħabba l-fatt li s-sistema tal-isteering tagħhom kienet fuq il-lemin. Hija kkunsidrat li r-restrizzjoni fl-obbligu li tiġi ttrasferita din is-sistema lejn ix-xellug kienet tfisser projbizzjoni fuq ir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-vetturi f’kull wieħed minn dawn l-Istati Membri. Skont din, dan kien jikkostitwixxi, għal dak li jirrigwarda vetturi ġodda, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva Qafas kif ukoll tal-Artikolu 2a tad-Direttiva 70/311 u, għal dak li jirrigwarda l-vetturi li ġew irreġistrati qabel fi Stat Membru ieħor, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 34 TFUE.

12.      Fid-9 ta’ Ottubru 2009 u fit-3 ta’ Novembru 2009 rispettivament, il-Kummissjoni intimat lir-Repubblika tal-Polonja u lir-Repubblika tal-Litwanja biex iwaqqfu n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħhom. Fit-8 ta’ Diċembru 2009, ir-Repubblika tal-Polonja, u fil-5 ta’ Jannar 2010, ir-Repubblika tal-Litwanja, ikkontestaw l-ilmenti tal-Kummissjoni. Billi ma kinitx konvinta mill-fondatezza tal-argumenti ppreżentati għad-difiża minn dawn l-Istati Membri, il-Kummissjoni indirizzatilhom opinjoni motivata rispettivament fl-1 ta’ Ottubru 2010 u fil-25 ta’ Novembru 2010. Wara li eżaminat r-risposti għall-opinjoni motivata mogħtija fit-30 ta’ Novembru 2010 mir-Repubblika tal-Polonja u fid-19 ta’ Jannar 2011 mir-Repubblika tal-Litwanja, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dawn ir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

13.      Bir-rikors ippreżentat fit-13 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja li “tikkonstata li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2a tad-Direttiva [70/311], taħt l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva Qafas kif ukoll taħt l-Artikolu 34 [TFUE] sa fejn, fir-rigward ta’ vetturi ġodda jew li qabel kienu rreġistrati fi Stati Membri oħra li jkollhom l-isteering fuq il-lemin, tissuġġetta r-reġistrazzjoni tagħhom għall-kundizzjoni li l-isteering jitqiegħed fuq in-naħa tax-xellug”.

14.      Ir-Repubblika tal-Polonja talbet iċ-ċaħda tar-rikors billi tinterpreta b’mod differenti d-dispożizzjonijiet ikkonċernati, kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż. Ir-Repubblika tal-Litwanja għamlet nota ta’ intervent insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja. Ma saritx seduta.

15.      Bir-rikors tagħha tas-6 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex “tirrikonoxxi li meta tipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri li jkollhom l-isteering armat fuq in-naħa tal-lemin, u/jew meta jintalab, li biex jiġu rreġistrati l-vetturi tal-passiġġieri bl-isteering fuq il-lemin ġodda jew irreġistrati qabel fi Stat Membru ieħor, l-isteering jiġi mċaqlaq lejn ix-xellug, ir-Repubblika tal-Litwanja naqqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-Direttiva [70/311], id-Direttiva [Qafas], u l-Artikolu 34 [TFUE]”.

16.      Ir-Repubblika tal-Litwanja talbet biex ir-rikors jiġi miċħud billi kkontestat l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija kif interpretathom il-Kummissjoni, kif ukoll il-kundanna tagħha għall-ispejjeż. Fin-nota ta’ intervent tagħhom, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Polonja sostnew it-talbiet tar-Repubblika tal-Litwanja. Ma saritx seduta.

III – Analiżi taż-żewġ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

A –    Osservazzjonijiet preliminari

17.      Jirriżulta minn dawn il-kawżi li l-leġiżlazzjonijiet applikabbli fil-Litwanja u fil-Polonja jservu ta’ ostakolu għar-reġistrazzjoni tal-vetturi li s-sistema tal-isteering tagħhom tinsab fuq il-lemin. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Litwanja tirrifjuta li tħalli sewqan fi triq pubblika kif ukoll ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi intiżi biex jinstaqu fuq in-naħa tax-xellug tal-karreġġjata u/jew li jkollhom steering fuq il-lemin, ħlief għal eċċezzjonijiet enumerati b’mod limitat mil-liġi Litwana fuq is-sigurtà fit-toroq (11), u timponi li s-sistema tal-isteering ta’ dawn il-vetturi l-ewwel trid tiġi mċaqalqa lejn ix-xellug (12). Min-naħa tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tissuġġetta r-reġistrazzjoni ta’ kull vettura awtomobilistika, ġdida jew irreġistrata diġà l-ewwel darba f’pajjiż ieħor, għall-produzzjoni ta’ ċertifikat ta’ test tekniku u, bis-saħħa ta’ diversi regolamenti tal-Ministru tal-Infrastruttura Pollakk (13), ir-riżultat ta’ dan it-test ma jistax ikun pożittiv għall-vetturi li għandhom sistema tal-isteering fuq il-lemin, għaliex dawn huma kkunsidrati li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tekniċi nazzjonali.

18.      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li fl-epoka li bdiet l-armonizzazzjoni Komunitarja tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi bil-mutur, il-Komunità Ewropea kienet ikkostitwita biss minn Stati Membri fejn it-traffiku kien isuq fuq in-naħa tal-lemin tat-triq. Wara l-adeżjoni kemm tal-Irlanda kif ukoll tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, fejn it-traffiku jsuq fuq ix-xellug (14), żviluppat prattika uniformi bejn l-Istati Membri li kienet tikkonsisti f’li ma jirrifjutawx ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi li s-sistema tal-isteering tagħhom tinsab fuq l-istess naħa ta’ direzzjoni tat-traffiku (15). Kien biss wara t-tkabbir tal-Unjoni fl-2004 li din l-uniformità tpoġġiet fid-dubju minn ċerti Stati Membri ġodda, fosthom ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja, li essenzjalment invokaw t-theddida għas-sigurtà fit-toroq li jirrappreżenta t-traffiku ta’ vetturi awtomobilistiċi fejn il-pożizzjoni tas-sistema tal-isteering ma jkunx adattat skont kif jimxi t-traffiku (16).

19.      Hemm lok ukoll li jiġi enfasizzat li dawn ir-rikorsi għandhom bħala suġġett nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżulta mhux minħabba preġudizzju fuq il-libertà li jiġu kkummerċjalizzati vetturi li s-sistema tal-isteering tagħhom hija fuq il-lemin, imma limitazzjoni tal-possibbiltà li dawn il-vetturi jiġu rreġistrati rispettivament fil-Litwanja u fil-Polonja. Fil-fatt, la l-bejgħ u lanqas l-importazzjoni tagħhom ma huma pprojbiti f’dawn l-Istati Membri. Hija biss ir-reġistrazzjoni ta’ din il-kategorija ta’ vetturi, irrispettivament mill-fatt jekk ġewx prodotti fil-post jew importati, li hija pprojbita sakemm is-sistema tal-isteering ma tiġi ttrasferita lejn in-naħa tax-xellug.

20.      Barra minn hekk, dawn ir-rikorsi huma limitati għal “vetturi tal-passiġġieri”, kemm ġodda kemm second hand, u dan jeskludi ċerti kategoriji ta’ vetturi bil-mutur, partikolarment il-vetturi ddisinjati għal xogħol speċifiku, li għaldaqstant huma koperti mid-dispożizzjonijiet li ssemmi l-Kummissjoni (17). Jiena nenfasizza li d-deskrizzjoni ta’ “vettura tal-passiġġieri” la tidher fid-Direttiva Qafas (18) u lanqas fid-Direttiva 70/311 (19), imma tikkorrispondi għall-kunċett ta’ vetturi li jaqgħu taħt il-Kategorija M1, jiġifieri vetturi “użati għat-trasport ta’ passiġġieri u li ma fihomx aktar minn tmien sedili apparti mis-sedil tas-sewwieq” (20).

21.      Minn din il-limitazzjoni r-Repubblika tal-Litwanja tagħmel argument fuq il-mertu (21). Iżda, skont il-Kummissjoni, l-għażla formali tiegħu assolutament ma tpoġġix fid-dubju l-qasam kopert mid-dispożizzjonijiet imsemmijin, imma hija spjegabbli bil-fatt li dawn ir-rikorsi ġew wara lmenti li hija ġiet indirizzata bihom fir-rigward speċifikament ta’ vetturi tal-passiġġieri (22) u bil-kunsiderazzjoni li wieħed mill-għanijiet ta’ proċedura għal ksur huwa li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu megħjuna jsolvu problemi reali li jħabbtu wiċċhom magħhom fl-Istati Membri. Fil-fehma tiegħi, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-Kummissjoni għandha poter diskrezzjonali mhux biss biex tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (23), imma wkoll biex tirrestrinġi s-suġġett tar-rikors tagħha (24). Il-konstatazzjoni magħmula hawnhekk għandha bħala l-unika konsegwenza li l-portata tas-sentenza li ser tingħata tkun limitata għall-vetturi bil-mutur li jappartjenu għall-kategorija M1, mingħajr preġudizzju għal dak li jista’ jiġi deċiż ulterjorment fil-każ ta’ vetturi ta’ tip ieħor.

22.      Fost il-vetturi tal-passiġġieri li s-sistema tal-isteering tagħhom tinsab fuq il-lemin, il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, dawk li huma ġodda, fejn l-ostakoli għar-reġistrazzjoni li joħolqu l-leġiżlazzjonijiet Litwani u Pollakki jiksru d-Direttiva Qafas u d-Direttiva 70/311, it-tnejn fuq l-approvazzjoni tal-UE tat-tip ta’ vetturi bil-mutur ġodda, u, min-naħa l-oħra, dawk li diġà kienu rreġistrati fi Stat Membru ieħor, li fil-konfront tagħhom dawn l-ostakoli jikkostitwixxu ksur tal-moviment liberu tal-merkanzija stabbilit fl-Artikolu 34 TFUE. Din id-distinzjoni hija kkontestata mir-Repubblika tal-Litwanja li tikkunsidra li l-ewwel kategorija ta’ vetturi msemmija għandha tirrigwarda wkoll l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE, u mhux il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk id-direttivi. Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (25), sa fejn l-armonizzazzjoni prevista mid-Direttiva Qafas u mid-Direttiva 70/311 għandha natura eżawrjenti, il-leġiżlazzjonijiet ikkontestati għandhom jiġu eżaminati l-ewwel nett fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi, u mhux fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE.

B –    Fuq l-ilment dwar vetturi tal-passiġġieri ġodda

1.      Osservazzjonijiet introduttivi dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi applikabbli għall-vetturi tal-passiġġieri u l-proċedura tal-approvazzjoni tal-UE tat-tip

23.      Sabiex timplementa l-moviment liberu tal-merkanzija fis-settur tal-karozzi, il-Komunità Ekonomika Ewropea, sa mis-snin sittin, bdiet proġett ambizzjuż ta’ armonizzazzjoni ta’ regolamenti nazzjonali dwar ir-rekwiżiti tekniċi u l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur, għaliex id-differenzi li jeżistu f’dan il-qasam bejn l-Istati Membri jostakolaw l-aċċess għas-suq intern u l-moviment liberu fi ħdan dan is-suq (26). F’dak iż-żmien, il-leġiżlatur kien uża metodoloġija għal dan il-għan li, kuntrarjament għall-“approċċ ġdid” (27), kienet tikkonsisti f’li r-regoli kollha tekniċi jiġu inkorporati direttament fl-atti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, f’direttiva qafas dwar l-approvazzjoni Komunitarja tat-tip ta’ vetturi – magħrufa bħala “approvazzjoni tal-KE” – kompluta bid-direttivi speċifiċi (28), li għalihom tirriferi d-direttiva qafas.

24.      L-iżvilupp ta’ dan il-proċess wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva Qafas, fejn il-kunsiderazzjoni numru 2 tisħaq li “[g]ħall-finijiet ta’ l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern tal-Komunità, huwa xieraq li s-sistemi ta’ approvazzjoni ta’ l-Istati Membri jiġu sostitwiti bi proċedura ta’ approvazzjoni Komunitarja msejsa fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali” (29).

25.      L-għan ta’ dik id-direttiva, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tagħha, huwa li jiġi stabbilit qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti tekniċi ta’ natura ġenerali applikabbli għall-approvazzjoni, b’mod partikolari, tal-vetturi ġodda kollha li jirrigwardaw il-qasam ta’ applikazzjoni tagħha, sabiex tiġi ffaċilitata r-reġistrazzjoni tagħhom, il-bejgħ tagħhom u d-dħul fis-servizz tagħhom fil-Komunità.

26.      Ir-rekwiżiti tekniċi nazzjonali kif ukoll l-obbligu ta’ approvazzjoni nazzjonali tat-tip tal-vetturi huma mmotivati mill-preokkupazzjoni li tiġi mħarsa s-sigurtà fit-toroq. Din hija r-raġuni għaliex kemm l-approvazzjoni tal-KE kif ukoll ir-rekwiżiti tekniċi uniformi li huma ddefiniti mid-dritt tal-Unjoni għandhom jiggarantixxu wkoll livell għoli ta’ sigurtà fit-toroq, kif jindikaw il-premessi 3 u 14 tad-Direttiva Qafas (30).

27.      Għalhekk, l-għan tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli f’dan ir-rigward, huwa sabiex jitwettaq u jaħdem tajjeb il-moviment liberu tal-merkanzija fis-settur awtomobilistiku filwaqt li jinżammu l-kundizzjonijiet obbligatorji li joffru livell għoli ta’ sigurtà fit-toroq.

28.      Kif tindika komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni (31), għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur fi Stat Membru, tal-inqas għandhom jiġu segwiti tliet stadji: l-ewwel nett, l-approvazzjoni tal-karatteristiċi tekniċi tal-vettura, li fil-konfront tagħha jidħol il-proċess tal-approvazzjoni Komunitarja tat-tip tal-vettura stabbilit mid-Direttiva Qafas; it-tieni nett, test tekniku eventwali, li jippermetti li jiġi żgurat li vettura użata tkun tajba biex tinstaq fit-triq; it-tielet nett, ir-reġistrazzjoni bħala tali, li tikkonsisti f’awtorizzazzjoni amministrattiva tad-dħul fis-servizz fit-toroq, li jfisser li l-vettura tkun identifikata u jingħatalha numru ta’ reġistrazzjoni.

29.      Għall-iskop li tiġi ssemplifikata, b’mod partikolari, ir-reġistrazzjoni fl-Istati Membri, is-sistemi ta’ approvazzjoni nazzjonali nbidlu bi proċedura uniformi ta’ approvazzjoni li tgħodd għal kull tip ta’ vettura bil-mutur. Bis-saħħa ta’ din il-proċedura, li toqgħod fuq il-prinċipju tal-armonizzazzjoni totali (32), il-vetturi kollha mibjugħin fis-suq Ewropew għandhom jikkonformaw ma’ regoli komuni dwar il-karatteristiċi tekniċi tagħhom. Il-vetturi li kienu ġew approvati f’wieħed mill-Istati Membri fl-osservanza tar-regoli armonizzati jistgħu mbagħad jiġu kkummerċjalizzati legalment fi ħdan l-Unjoni kollha.

30.      Għall-iktar preċiżjoni, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva Qafas jistabbilixxi l-obbligi tal-Istati Membri b’mod li dawn tal-aħħar “għandhom jirreġistraw jew jippermettu biss il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ dawk il-vetturi […] li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva” u li huma “m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew fiċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi […] għal raġunijiet marbuta ma’ aspetti tal-kostruzzjoni u l-funzjonament tagħhom koperti minn din id-Direttiva, jekk jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din ta’ l-aħħar”. Skont l-Artikolu 1(3) ta’ dik id-direttiva l-“[ħ]tiġijiet tekniċi speċifiċi dwar il-kostruzzjoni u l-funzjonament tal-vetturi għandhom jiġu stabbiliti fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva f’atti regolatorji li l-lista eżawrjenti tagħhom hi stabbilita fl-Anness IV” (33).

31.      Id-Direttiva 70/311 hija t-tieni waħda mill-atti ta’ leġiżlazzjoni sekondarja li ssemmi l-Kummissjoni f’dawn ir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fir-rigward ta’ sistemi tal-isteering tal-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, din hija waħda mill-atti regolatorji speċifiċi li huma msemmijin fl-Anness IV tad-Direttiva Qafas.

32.      L-Artikolu 2a tad-Direttiva 70/311 kien ġie introdott fil-kuntest tal-adeżjoni, partikolarment, tal-Irlanda u tar-Renju Unit mal-Komunitajiet Ewropej (34). L-artikolu jgħid li l-“ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta jew jipprojbixxi il-bejgħ jew ir-reġistrazzjoni, id-dħul fis-servizz jew l-użu ta’ vetturi minħabba fit-tagħmir ta’ l-isteering, jekk dan it-tagħmir ikun jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness [(35)]”.

33.      Wieħed mis-sisien tal-proċedura Komunitarja ta’ approvazzjoni tal-KE huwa li kull Stat Membru jirrikonoxxi t-test magħmul mill-Istati Membri l-oħrajn. Din il-proċedura tippermetti li kull Stat Membru jikkonstata li tip ta’ vettura jkun għadda mit-testijiet previsti fid-direttivi speċifiċi previsti fl-Anness IV tad-Direttiva Qafas u ngħatalu ċertifikat ta’ approvazzjoni. Meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li tkun saritilhom talba minn kostruttur jikkonstataw li t-tip ta’ vettura kkonċernata tissodisfa l-kumpless ta’ rekwiżiti tal-liġi Ewropea applikabbli, l-approvazzjoni tal-KE li jagħtu fir-rigward tiegħu tgħodd mal-Istati Membri l-oħrajn. Min-naħa tagħhom, il-produtturi li jkollhom approvazzjoni tal-KE għal tip ta’ vettura huma obbligati li jippreżentaw ċertifikat ta’ konformità għall-vetturi kollha li jipproduċu, sabiex jiċċertifikaw li dawn tal-aħħar jikkonformaw ma’ dan it-tip. Jekk vettura tiġi akkumpanjata b’dan iċ-ċertifikat, għandu jiġi kkunsidrat mill-Istati Membri kollha bħala li tikkonforma mal-leġiżlazzjonijiet tagħhom (36). Għalhekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva Qafas jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jippermettu l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ vetturi fil-każ biss li jkollhom magħhom ċertifikat ta’ konformità validu maħruġ skont l-Artikolu 18 ta’ dik id-direttiva.

2.      Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva Qafas u tad-Direttiva 70/311

34.      Ir-Repubblika tal-Litwanja tgħid li l-leġiżlazzjonijiet kkontestati ma jirrigwardawx il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva Qafas u tad-Direttiva 70/311 (37). Il-projbizzjoni, stabbilita mid-dritt nazzjonali, li jiġu rreġistrati vetturi mgħammra b’sistema tal-isteering fuq il-lemin hija marbuta mhux ma’ kunsiderazzjonijiet tekniċi, għar-rigward tal-funzjonament tajjeb jew l-affidabbiltà ta’ dawn is-sistemi, imma ma’ kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà fit-toroq, sabiex ikun hemm il-possibbiltà ta’ sewqan b’mod sigur ta’ dawn il-vetturi fit-toroq fejn it-traffiku jsuq fuq il-lemin. Issa, huwa biss l-ewwel wieħed minn dawn l-elementi li huwa rregolat, u b’dan il-mod eżawrjenti, mid-Direttiva Qafas u mid-Direttiva 70/311, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-sentenza Voigt, iċċitata iktar ’il fuq (38).

35.      Dejjem skont ir-Repubblika tal-Litwanja, hija fil-biċċa l-kbira fil-kompetenza u r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiżguraw is-sigurtà fit-toroq, billi jiddeterminaw l-kundizzjonijiet tal-użu tal-vetturi li jsegwu r-regoli tekniċi ta’ dawn id-direttivi. Għaldaqstant, il-miżuri nazzjonali kkontestati għandhom jiġu evalwati mhux mill-angolu ta’ dawn id-direttivi imma biss mill-angolu tal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE, kemm għall-vetturi ġodda kif ukoll għal dawk diġà rreġistrati fi Stat Membru ieħor.

36.      Madankollu, jiena naqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni, jiġifieri d-Direttiva Qafas u d-Direttiva 70/311, kif ukoll id-direttivi speċifiċi msemmijin fl-Anness IV tal-ewwel waħda, jiddefinixxu r-regoli tekniċi kollha dwar il-vetturi bil-mutur ġodda, inklużi dawk fuq is-sistema tal-isteering, u ma jħallu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri f’dan il-qasam. Dawn ir-rekwiżiti tekniċi jiżguraw li l-livell tas-sigurtà fit-toroq ikun konformi mal-evalwazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Għalkemm huwa veru li d-determinazzjoni tal-pożizzjoni tas-sistema tal-isteering, fiha nnifisha, ma hijiex is-suġġett ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji ta’ dawn id-direttivi, dik il-pożizzjoni lanqas ma tikkostitwixxi waħda mill-karatterisitiċi tal-kostruzzjoni ta’ vettura li tissodisfa wkoll r-regoli tekniċi kollha li hemm fil-kumpless ta’ dawk id-direttivi. Is-sentenza Voigt, iċċitata iktar ’il fuq, ma tpoġġix fid-dubju din l-analiżi (39).

37.      Il-leġiżlazzjoni Litwana, billi teżiġi li tinbidel il-pożizzjoni ta’ din is-sistema, tintroduċi rekwiżit ta’ natura teknika li twassal għal modifika li taffettwa l-kostruzzjoni ta’ vettura, rekwiżit irregolat bid-Direttiva Qafas u bid-Direttiva 70/311. Għalhekk tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi, l-istess bħal-leġiżlazzjoni Pollakka inkwistjoni.

3.      Fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva Qafas

38.      Infakkar li d-Direttiva Qafas tistabbilixxi “armonizzazzjoni totali” fl-oqsma rregolati minnha, filwaqt li tistabbilixxi klawżoli ta’ salvagwardja sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà fit-toroq, jekk jiġri li tip ta’ vettura, għalkemm tosserva r-rekwiżiti applikabbli fir-rigward tal-approvazzjoni tal-UE, tirrappreżenta perikolu skont Stat Membru (40). Madankollu, l-Istat Membru għandu jsegwi proċedura ta’ attenzjoni speċjali li tinvolvi kemm l-Istati Membri l-oħrajn kif ukoll il-Kummissjoni, li mingħajrha titpoġġa fil-perikolu l-effettività tas-sistema standardizzata ta’ awtorizzazzjoni (41).

39.      Dawn ir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma bbażati b’mod partikolari fuq l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva Qafas. Kif ssostni l-Kummissjoni, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 9(1)(a) ta’ dik id-direttiva (42), l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru huma obbligati li jirreġistraw vettura tal-passiġġieri ġdida jekk din tikkonforma mar-rekwiżiti tekniċi stabbiliti f’din id-direttiva u mad-direttivi speċifiċi li din tenumera fl-Anness IV tagħha.

40.      Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jinftiehem aħjar fid-dawl tal-kuntest u tal-motivi għall-adozzjoni tagħha. Fil-fatt jirriżulta mix-xogħol preparatorju (43) li “klawsola ta’ ċirkulazzjoni ħielsa kienet introdotta fit-Tielet Paragrafu tal-Artikolu 4” (44) biex “ikun assigurat li d-disposizzjonijiet dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur preskritti f’din id-Direttiva u fl-atti regolatorji separati mhumiex imdgħajfa bl-impożizzjoni ta’ kostruzzjoni nazzjonali u kundizzjonijiet funzjonali meħtieġa fuq vetturi wara li jkunu mibjugħin, reġistrati u/jew impoġġija għas-servizz”.

41.      Fir-rigward tal-Artikolu 18 (45) u l-Artikolu 26 tad-Direttiva Qafas kif ukoll tal-punt 0 tal-Anness IX (46) tagħha, ir-Repubblika tal-Litwanja tippretendi li l-produtturi ta’ karozzi għandhom jippreċiżaw, fil-paġna 1 taċ-Ċertifikat ta’ Konformità tal-KE (47), x’inhi d-direzzjoni tat-traffiku li l-vettura ser tkun adattata esklużivament għaliha, u għalhekk isegwi għal-leġiżlatur tal-Unjoni li vetturi jistgħu ma jkunux adattati għal użu fuq naħa partikolari tal-karreġġjata, lemin jew xellug skont il-każ. Min-naħa tagħha, r-Repubblika tal-Estonja tgħid li l-produtturi għandhom jikkonstataw li l-vettura tista’ tiġi rreġistrata b’mod permanenti, mingħajr approvazzjoni oħra tal-KE, fl-Istati Membri fejn is-sewqan isir rispettivament fuq il-lemin jew fuq ix-xellug.

42.      Jiena tal-opinjoni li, ċ-ċertifikat ta’ konformità tal-KE jiċċertifika l-validità tal-produzzjoni tal-vettura kkonċernata b’ċertifikat tali, skont it-tip ta’ vetturi li jikkonċerna din il-vettura. Jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-karatteristiċi tekniċi tal-vettura deskritta f’dan iċ-ċertifikat li, essenzjalment, ma huwiex meħtieġ li dokumenti tekniċi oħrajn jiġu prodotti sabiex ikun hemm ir-reġistrazzjoni permanenti fi Stat Membru, tkun xi tkun in-naħa li fuqha jsir is-sewqan f’dak it-territorju.

43.      Fir-rigward tal-paragrafu 1.8 u subparagrafu 1.8.1 tal-Annessi I u III tad-Direttiva 2007/46 (48), ir-Repubblika tal-Polonja tgħid li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien stabbilixxa taqsima speċjali fl-imsemmi subparagrafu 1.8.1 sabiex jiġi indikat jekk il-vettura hijiex adattata għat-traffiku li jsuq fuq il-lemin jew fuq ix-xellug. Barra minn hekk, il-paragrafu 1.8 ta’ dawn l-annessi jindika li sabiex tkun tista’ tiġi awtorizzata tinstaq fuq naħa definita, il-vettura trid tkun adattata għan-naħa ta’ fejn jimxi t-traffiku inkwistjoni. Għalhekk l-imsemmi paragrafu jikkonċerna l-indikazzjoni tal-pożizzjoni tal-isteering fuq iċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni. Bl-istess mod, ir-Repubblika tal-Estonja tikkunsidra li jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-produtturi għandhom isemmu, fil-lista tal-informazzjoni meħtieġa għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura, jekk il-vettura kkonċernata hijiex intiża biex tintuża fil-kuntest ta’ sewqan fuq ix-xellug jew fuq il-lemin.

44.      Madankollu, jiena naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-imsemmija dispożizzjonijiet ifissru biss li l-vettura inkwistjoni tissodisfa r-regoli li jippermettu li l-vettura tinstaq bis-sigurtà kollha fuq in-naħa tal-karreġġjata li hija ddikjarata, lemin jew xellug, bħal dawk li jirrigwardaw l-installazzjoni tas-sistemi tad-dawl u tal-viżjoni indiretta kif ukoll l-elementi tas-sistema tal-isteering li huma ddefiniti fid-Direttiva 70/311. Jidhirli li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiddistingwi, u mhux iħallat, il-kwistjoni tal-pożizzjoni tas-sistema tal-isteering minn dik tal-adattament tal-vettura għal xi naħa minn fejn isir is-sewqan.

45.      F’dan ir-rigward infakkar li n-nota spjegattiva fil-paragrafu d) dwar l-Anness IX tad-Direttiva Qafas imsemmija iktar ’il fuq, tgħid li din “id-dikjarazzjoni [li l-vettura hija adattata biex tinstaq fuq in-naħa tal-lemin jew tax-xellug] ma tillimitax id-dritt tal-Istati Membri li jeħtieġu adattamenti tekniċi […] meta d-direzzjoni tat-traffiku tkun fuq in-naħa l-oħra tat-triq” mingħajr, madankollu, ma tiddefinixxi x’riedet tfisser bl-espressjoni li jien enfasizzajt.

46.      Skont ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tal-Estonja, din ir-referenza tippermetti lil Stat Membru fejn isir is-sewqan fuq il-lemin li jirrikjedi li vettura kkonċepita għas-sewqan fuq ix-xellug tkun suġġetta għal adattament għas-sewqan fuq il-lemin qabel ma tiġi rreġistrata, partikolarment permezz taċ-ċaqliq tas-sistema tal-isteering lejn ix-xellug.

47.      Ċertament, dik in-nota spjegattiva tistabbilixxi li jekk vettura hija mgħammra għas-sewqan fuq in-naħa tax-xellug tat-triq, jista’ jiġi impost tibdil sabiex tkun tista’ tiġi rreġistrata fi Stat Membru fejn it-traffiku jsuq fuq in-naħa tal-lemin. Madankollu, fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħrajn kemm tad-Direttiva Qafas kif ukoll dawk tad-Direttiva 70/311, u sabiex jiġi evitat li dawn id-dispożizzjonijiet jitilfu l-effettività tagħhom, jiena nikkunsidra li ċ-ċaqliq tas-sistema tal-isteering ma jikkostitwixxix wieħed mill-“adattamenti tekniċi” li huma awtorizzati min-nota msemmija.

48.      Bħall-Kummissjoni, jiena nikkunsidra li dawn l-adattamenti jistgħu jwasslu biss għal interventi li għandhom impatt minimu, bħall-aġġustament tal-fanali jew l-installazzjoni ta’ mera addizzjonali biex tara wara, u mhux fuq aspetti tekniċi li jimmodifikaw b’mod sinjifikattiv il-kostruzzjoni stess tal-vettura. Issa, huwa dan it-tip ta’ tibdil tal-aħħar li huwa involut fil-leġiżlazzjonijiet ikkontestati, għaliex iċ-ċaqliq li jeħtieġu jirrikjedi mhux biss it-trasferiment tas-sistema tal-isteering, imma anki t-trasformazzjoni tad-dashboard kollu, kif ukoll iċ-ċaqliq tal-pedali tal-vettura u tas-sistemi li dawn jidderieġu.

49.      Jiena nsostni li dan l-approċċ jikkonforma mal-prattika ta’ diversi Stati Membri, fejn tiġi awtorizzata r-reġistrazzjoni ta’ vetturi awtomobilistiċi li s-sistema tal-isteering tagħhom tinsab fuq l-istess naħa bħad-direzzjoni tat-traffiku meta ċertifikat ta’ konformità tal-KE validu jkun ippreżentat (49) u/jew taħt l-unika eċċezzjoni ta’ adattamenti tekniċi ta’ portata minuri, bħal dawk dwar id-dwal iddippjati (low beam), mirja biex tara wara esterni, jew tibdil ieħor tal-istess natura (50).

50.      Għalhekk, nikkunsidra li l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva Qafas ma tistabbilixxi l-possibbiltà li jkun hemm rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura ta’ passiġġieri ġdida minħabba n-naħa fejn tinstab is-sistema tal-isteering. Interpretazzjoni bħal din, kemm litterali kif ukoll kontestwali, tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li huma msemmija fir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija mseddqa fid-dwal tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 70/311, li tidher fost id-direttivi speċifiċi enumerati fl-Anness IV ta’ dik id-direttiva qafas.

4.      Fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 70/311

51.      Skont ir-Repubblika tal-Litwanja, id-Direttiva 70/31 kienet tistabbilixxi biss rekwiżiti ta’ kostruzzjoni, ta’ installazzjoni u ta’ kontroll tas-sistema tal-isteering, mingħajr ma ddefiniet fuq liema naħa tal-vettura s-sistema tal-isteering kellha tiġi installata għal raġunijiet ta’ sigurtà fit-toroq.

52.      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-paragrafu 1.8 tal-Appendiċi tal-Anness I tad-Direttiva 70/311 (51), ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li din id-dispożizzjoni tintroduċi distinzjoni bejn il-vetturi skont humiex intiżi għas-sewqan fuq il-lemin jew fuq ix-xellug u li l-leġiżlatur tal-Unjoni abbozzaha hekk meta telaq mill-ipoteżi li l-post tas-sewwieq kien direttament marbut man-naħa tat-traffiku.

53.      Il-Kummissjoni toġġezzjona, ġustament, għall-fatt li kien hemm lok li jiġi indikat, bis-saħħa tal-imsemmija dispożizzjoni, li l-pożizzjoni tal-isteering ifisser sempliċiment li l-kostruzzjoni tal-vettura, u partikolarment is-sistema tal-isteering tagħha, kienet tissodisfa r-regoli tekniċi tad-Direttiva 70/311 dwar in-naħa tas-sewqan, mingħajr ma l-leġiżlatur tal-Unjoni emmen li kien utli li jistabbilixxi rabta formali li meta tiġi segwita għas-sewqan fuq il-lemin, is-sistema tal-isteering kellha tkun fuq ix-xellug, u bil-kontra.

54.      Barra minn hekk, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni meta ssostni li l-Artikolu 2a tad-Direttiva 70/311 jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jirrifjutaw jew jipprojbixxu r-reġistrazzjoni tal-vetturi għal raġunijiet biss tal-pożizzjoni tas-sistema tal-isteering tagħhom, fl-ipoteżi fejn dawn jissodisfaw ir-regoli li jidhru fl-annessi ta’ din id-direttiva. Billi dawn ma jippreċiżawx jekk is-sistema tal-isteering għandhiex tkun fuq ix-xellug, fuq il-lemin jew fin-nofs, l-awtoritajiet nazzjonali huma b’hekk obbligati li jirreġistraw vettura awtomobilistika, tkun xi tkun il-pożizzjoni tagħha, jekk is-sistema tal-isteering tikkonforma ma’ dawn ir-regoli. Jiena tal-opinjoni li, din id-dispożizzjoni tkun mingħajr skop, fis-sinjifikat tad-Direttiva 70/311, kieku jiġi kkunsidrat li ma hijiex intiża li teskludi restrizzjonijiet ibbażati fuq il-pożizzjoni biss tas-sistema tal-isteering tal-vetturi li jirrigwardaw l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

55.      Filwaqt li eċċepixxa elementi storiċi, ir-Repubblika tal-Litwanja ssostni li d-Direttiva 70/311 ġiet adottata fi żmien meta l-Komunità Ewropea ma kellha fiha l-ebda Stat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm sewqan fuq ix-xellug u b’hekk il-leġiżlatur Komunitarju ma setax isolvi problema li ma kinitx teżisti f’dak iż-żmien.

56.      B’dan il-mod tinftiehem ħażin li d-dispożizzjoni rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 2a, kienet ġiet miżjuda f’dik id-direttiva bl-att dwar l-adeżjoni, fost l-oħrajn, tal-Irlanda u tar-Renju Unit, kif diġà semmejt. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni ssemmi rapport, iddatat it-28 ta’ Ġunju 1971, maħruġ mill-grupp “ad hoc” tal-Kunsill inkarigat milli jeżamina r-rapporti tal-Kummissjoni fuq l-adattamenti tekniċi tar-regolamenti Komunitarji fil-qafas tan-negozjati mal-Istati li talbu l-adeżjoni tagħhom mal-Komunitajiet (52), rapport li ċertament huwa interessanti (53) imma li jidhirli li ma huwiex rilevanti għaliex dan il-grupp ma adotta l-ebda pożizzjoni fuq is-suġġett. Huwa ferm iktar sinjifikattiv, fil-fehma tiegħi, li wieħed joqgħod mal-kliem ta’ dak l-att ta’ adeżjoni, fejn emenda d-direttivi fuq ir-rekwiżiti tekniċi dwar il-vetturi bil-mutur. Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar minn qari ta’ dan l-att li d-dispożizzjonijiet speċjali kienu ġew adottati fuq il-pożizzjoni ta’ mirja biex tara wara (54) sabiex jiddaħħal adattament ta’ dan skont id-direzzjoni tat-traffiku fuq il-lemin jew fuq ix-xellug fis-seħħ f’kull Stat Membru, filwaqt li l-leġiżlatur ma stabbilixxiex dispożizzjonijiet ekwivalenti fuq il-pożizzjoni tas-sistema tal-isteering, għalkemm id-Direttiva 70/311 kienet is-suġġett ukoll ta’ dispożizzjonijiet li emendawha (55).

57.      Il-kliem u l-oriġini tad-Direttiva 70/311 huma għalhekk rivelatorji. Barra minn dan, approċċ teleoloġiku tad-dispożizzjonijiet taż-żewġ direttivi li jirrigwardaw dawn ir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jippermetti li tiġi kkorroborata l-pożizzjoni li qed nipproponi li għandha tadotta l-Qorti tal-Ġustizzja.

5.      Fuq l-għanijiet tad-Direttiva Qafas u tad-Direttiva 70/311

58.      Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva Qafas u tal-Artikolu 2a tad-Direttiva 70/311, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija ġġustifikata għalkollox fir-rigward tal-fatt li l-għan prinċipali segwit minn dawn id-direttivi huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ sigurtà fit-toroq. Jgħid li dan huwa kkonfermat mill-premessa 3 (56) tad-Direttiva Qafas u mis-subparagrafu 4.1.1 tal-Anness I tad-Direttiva 70/311 (57).

59.      Il-Kummissjoni ma tikkontestax ir-regoli tekniċi ddefiniti fid-direttivi dwar l-approvazzjoni intiżi biex jiggarantixxu livell għoli ta’ sigurtà fit-toroq. Madankollu, hija ssostni, ġustament fil-fehma tiegħi, li l-armonizzazzjoni totali tal-proċeduri ta’ approvazzjoni tal-vetturi stabbilita mid-Direttiva Qafas u mid-Direttiva 70/311 kienet ġiet deċiża biex jiġi żgurat it-twaqqif u l-funzjonament tas-suq intern u li, skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, ir-regoli tekniċi b’hekk iffissati, armonizzati għal kollox, huma biżżejjed biex jiggarantixxu s-sigurtà fit-toroq. Fil-fatt, dan jirriżulta mir-raġunijiet imsemmijin iktar ’il fuq (58), li wasslu għall-adozzjoni tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva Qafas.

60.      Il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll li l-fatt li vettura tkun mgħammra bi steering fuq il-lemin, meta t-traffiku jsuq fuq il-lemin, jillimita l-viżibbiltà tas-sewwieq fil-każ ta’ meta wieħed jgħaddi minn toroq b’karreġġjata waħda bidirezzjonali. Madankollu, jirriżulta mill-Artikolu 2a tad-Direttiva 70/311 u l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva Qafas li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kkunsidrax li dawn id-diffikultajiet kienu hekk gravi li kienu jiġġustifikaw leġiżlazzjoni bħal dawk inkwistjoni, kuntrarjament għal dak li kien ġie introdott espressament dwar il-pożizzjoni tal-mirja biex tara wara, fil-qafas tal-adeżjoni tal-Irlanda u tar-Renju Unit.

61.      Ir-Repubblika tal-Litwanja tiskanta bil-fatt kif il-Kummissjoni taċċetta tibdil għal dak li jirrigwarda, partikolarment, is-sistemi tad-dwal iżda toġġezzjona għal dak li jirrigwarda s-sistema tal-isteering.

62.      Madankollu, jiena tal-opinjoni li dan huwa ġġustifikat bil-fatt li l-adattamenti tekniċi minimi huma tollerabbli, u anki awtorizzati bis-saħħa tan-nota spjegattiva paragrafu d) tal-Anness IX tad-Direttiva Qafas imsemmija iktar ’il fuq, kuntrarjament għat-tibdil tal-elementi strutturali li jaffettwaw il-kostruzzjoni jew il-funzjonament ta’ vettura meta din tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa biex tibbenefika minn approvazzjoni tal-KE.

63.      Nikkonkludi billi nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex, minn naħa, tikkunsidra li d-Direttiva Qafas u d-Direttiva 70/311 japplikaw għal-leġiżlazzjonijiet ikkontestati dwar vetturi tal-passiġġieri ġodda u, min-naħa l-oħra, hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’dan ir-rigward kemm min-naħa tar-Repubblika tal-Litwanja, kif ukoll tar-Repubblika tal-Polonja.

64.      Fil-każ li dawk id-direttivi jiġu ddikjarati inapplikabbli mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont it-talbiet tar-Repubblika tal-Litwanja, fi kwalunkwe każ hemm lok li jiġi deċiż li għall-vetturi kollha kkonċernati mir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-lum (59), l-Istati Membri għandhom josservaw, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi leġiżlattivi tagħhom, l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanżija (60).

C –    Fuq l-ilment dwar vetturi tal-passiġġieri rreġistrati diġà fi Stat Membru ieħor

1.      Fuq il-pożizzjonijiet tal-partijiet

65.      Il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika tal-Litwanja, bħar-Repubblika tal-Polonja, meta llimitaw ir-reġistrazzjoni fit-territorju tagħhom ta’ vetturi tal-passiġġieri li s-sistema tal-isteering tagħhom qiegħda fuq il-lemin, naqsu mill-obbligi li hemm fuq l-Istati Membri kollha skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. Hija tikkunsidra li dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu ostakolu sproporzjonat għad-dritt tal-importazzjoni ta’ dawn il-vetturi ġejjin minn Stati Membri oħrajn tal-Unjoni fejn kienu ġew irreġistrati qabel.

66.      Bħala difiża, ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala restrizzjoni projbita mill-Artikolu 34 TFUE. Għall-kuntrarju, ir-Repubblika tal-Litwanja tikkonċedi li d-dispożizzjonijiet applikabbli u l-prattika segwita fil-Litwanja jikkostitwixxu limitazzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija skont l-Artikolu 34 TFUE. It-tnejn jaqblu meta jgħidu li, fi kwalunkwe każ, restrizzjoni ta’ din in-natura hija ġġustifikata mill-għanijiet ta’ salvagwardja tas-sigurtà fit-toroq kif ukoll il-protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-bnedmin. Il-Kummissjoni ma tikkontestax in-natura ta’ interess ġenerali li hemm f’dawn l-għanijiet, imma tiċħad li l-miżuri li ħadu dawn iż-żewġ Stati Membri huma meħtieġ għalkollox u adattati biex jissodisfaw dawn il-preokkupazzjonijiet.

2.      Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija skont l-Artikolu 34 TFUE

67.      Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni mid-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli dwar is-suġġett tar-reġistrazzjoni minn Stat Membru ta’ vetturi importati fit-territorju tiegħu wara li tkun ġiet reġistrata qabel fi Stat Membru ieħor, il-miżuri nazzjonali kkontestati għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. F’dan ir-rigward, infakkar li jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva Qafas li din tarmonizza biss id-“dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha” (61).

68.      L-ewwel nett nippreċiża li nikkunsidra li l-projbizzjoni tal-miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni li jsemmi l-Artikolu 34 TFUE tapplika għal dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk imsemmijin fir-rikors tal-lum.

69.      Fil-fatt, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li jistgħu jostakolaw direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala miżuri b’effett ekwivalenti għal dawk ir-restrizzjonijiet (62).

70.      Issa f’dan il-każ il-Kummissjoni tgħid ġustament li l-leġiżlazzjonijiet tal-Litwanja u tal-Polonja għandhom l-effett li jittrattaw b’mod inqas favorevoli merkanzija ġejja minn Stati Membri oħrajn, jiġifieri vetturi li s-sistema tal-isteering tagħhom tinsab fuq il-lemin li jkunu ġew irreġistrati qabel barra mit-territorju nazzjonali, b’mod li d-detenturi ta’ dawn il-vetturi jistgħu ma jitħajrux jimportawhom sabiex jirreġistrawhom fil-Litwanja jew fil-Polonja invista tal-obbligu li din is-sistema trid tiġi mċaqalqa lejn ix-xellug, u din hija trasformazzjoni kbira (63).

71.      Ir-Repubblika tal-Litwanja ma tikkontestax dan l-aspett tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontriha, l-istess bħar-Repubblika tal-Estonja skont in-nota ta’ intervent li hija ppreżentat f’dik il-kawża.

72.      Iżda r-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-leġiżlazzjoni tagħha ma tostakolax il-moviment liberu tal-merkanzija, għar-raġuni, minn naħa, li r-reġistrazzjoni hija biss formalità amministrattiva, u mhux kundizzjoni għall-akkwist tal-vettura u, min-naħa l-oħra, li l-obbligu kkontestat japplika għall-vetturi kollha li s-sistema tal-isteering tagħhom tinsab fuq in-naħa tal-lemin, mingħajr ma tiġi kkunsidrata l-oriġini tagħhom u billi ġie ppreċiżat li wħud minn dawn il-vetturi huma mmanifatturati wkoll fil-Polonja (64) u jistgħu jinxtraw hemmhekk.

73.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li anki jekk, bħal f’dawn il-kawżi, il-miżuri inkwistjoni japplikaw mingħajr distinzjoni u b’hekk ma jolqtux biss merkanzija ġejja minn Stati Membri oħrajn, dan il-fatt ma jipprekludix li jiġi kkunsidrat li l-projbizzjoni kkontestata għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva skont l-Artikolu 34 TFUE, meta merkanzija mmanifatturata legalment u kkummerċjalizzata fi Stat Membru ieħor ma tkunx aċċettata mingħajr kundizzjonijiet ta’ limitazzjoni fis-suq tal-Istat Membru konvenut (65).

74.      Jiena jidhirli li l-leġiżlazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dawn ir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma ta’ natura li jkunu sfavorevoli b’mod iktar speċifiku fil-konfront ta’ vetturi importati mingħand l-Istati Membri oħrajn wara li jkunu ġew irreġistrati hemmhekk, mentri dawn għandhom jibbenefikaw mill-moviment liberu tal-merkanzija. Fil-fatt, ix-xerrejja eventwali li joqogħdu fil-Litwanja jew fil-Polonja, peress li jafu li jkollhom jagħmlu spejjeż għoljin biex jittrasformaw vettura mgħammra bi steering fuq il-lemin, prattikament jitilfu l-interess li jista’ jkollhom li jixtru dawk il-vetturi fi Stat Membru ieħor fejn il-bejgħ tagħhom huwa frekwenti (66).

75.      F’dan ir-rigward infakkar li d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija japplikaw għall-prodotti li joriġinaw mill-Istati Membri, kif ukoll għall-prodotti ġejjin minn pajjiżi terzi li huma fi prattika libera fl-Istati Membri (67). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita (68), prodott isir nazzjonali meta jkun ġie importat u mqiegħed fis-suq, bir-riżultat li l-vetturi second hand importati u dawk li jinxtraw lokalment jikkostitwixxu prodotti simili jew li jikkompetu.

76.      It-trattament li r-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja jirriżervaw għar-reġistrazzjoni ta’ vetturi li għandhom steering fuq il-lemin ġejjin minn Stati Membri oħrajn huwa għalhekk ta’ żvantaġġ fil-konfront ta’ vetturi second hand li jkunu fit-territorju tagħhom, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma mgħammra bi steering fuq ix-xellug.

77.      Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li leġiżlazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-fehma tiegħi jservu ta’ ostakolu għal moviment liberu tal-merkanzija skont l-Artikolu 34 TFUE.

3.      Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni skont l-Artikolu 36 TFUE

78.      Ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja jiddefendu ruħhom kontra dawn ir-rikorsi ppreżentati kontrihom billi jsostnu li anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hemm ostakolu, madankollu ma għandhomx jiġu kkundannati billi l-miżuri kkontestati jippreżervaw kemm is-sigurtà fit-toroq, kif ukoll is-saħħa u l-ħajja tal-bnedmin. Għall-kuntrarju, skont il-Kummissjoni, l-ostakoli msemmijin ma għandhomx jibbenefikaw minn ġustifikazzjoni ta’ din in-natura.

a)      Fuq l-ammissibbiltà tal-ġustifikazzjoni invokata

79.      L-Artikolu 36 TFUE jistabbilixxi espressament li l-għan tal-“protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni” huwa waħda mir-raġunijiet li tista’ tiġġustifika l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija li jikkostitwixxu restrizzjonijiet kwantitattivi jew miżuri b’effett ekwivalenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan l-għan jokkupa wkoll l-ogħla grad fost l-interessi li huma ssalvagwardati minn din id-dispożizzjoni ta’ natura ta’ deroga (69). Hija ġurisprudenza stabbilita wkoll li fin-nuqqas ta’ regoli ta’ armonizzazzjoni li jistgħu jiggarantixxu s-saħħa u l-ħajja tal-persuni, huma l-Istati Membri li jiddeċiedu l-livell li jixtiequ jiżguraw l-protezzjoni ta’ dawn u tal-mod kif dan il-livell jista’ jintlaħaq, billi jiġi ppreċiżat li l-marġni ta’ diskrezzjoni mħolli għandu madankollu jiġi eżerċitat fil-limiti imposti mit-Trattat (70).

80.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis l-inklużjoni tas-sigurtà fit-toroq fost ir-rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali, li għalkemm ma humiex imsemmijin fl-Artikolu 36 TFUE, jistgħu jiġġustifikaw ukoll restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-merkanzija intrakomunitarju, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni komuni eżawrjenti applikabbli fil-qasam ikkonċernat (71). Jekk huwa veru, kif isostnu r-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja, li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu l-livell li jixtiequ jiżguraw għas-sigurtà fit-toroq fit-territorju tagħhom, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni kompleta li teżisti fil-livell tal-Unjoni, huma għandhom madankollu jieħdu inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi inerenti fil-moviment liberu tal-merkanzija, kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ripetutament (72).

81.      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tikkontestax in-natura serja tar-riskji li jaffermaw li r-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja jixtiequ jikkumbattu, għaliex tammetti li l-għanijiet li jinvokaw jistgħu jkunu leġittimi fihom innifishom. Madankollu, hija ssostni, ġustament, li dak ma huwiex biżżejjed biex tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

82.      Fil-fatt kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali ċertament tista’ tidderoga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija għall-protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem jew tas-sigurtà fit-toroq, imma biss jekk il-miżuri meħudin, minn naħa, huma xierqa biex jippreżervaw l-interessi leġittimi li huma invokati u, min-naħa l-oħra, ma jinħoloqx preġudizzju għal dak il-prinċipju li jkun iktar qawwi minn dak li huwa indispensabbli għal dak il-għan (73). Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk dawk il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti fil-miżuri li huma s-suġġett ta’ dawn ir-rikorsi.

b)      Fuq il-proporzjonalità tal-mezzi użati

83.      Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istati Membri konvenuti huma obbligati li juru, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, l-ewwel nett, li l-leġiżlazzjoni kkontestata hija xierqa biex tilħaq l-għanijiet intiżi, u, it-tieni nett, li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dawn l-għanijiet jintlaħqu (74).

84.      Il-kwistjoni li tinqala’ fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija jekk il-miżuri li ħadu r-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja, f’li jissuġġettaw ir-reġistrazzjoni tal-vetturi għal ċaqliq lejn ix-xellug tas-sistema tal-isteering tagħhom li tkun tinsab fuq il-lemin, humiex effettivament ta’ natura li tiggarantixxi s-sigurtà fit-toroq u tissalvagwardja s-saħħa u l-ħajja tal-persuni.

85.      Nosserva li, wara li donnu għall-ewwel il-Kummissjoni poġġietha fid-dubju, il-Kummissjoni ma għadhiex iktar tikkontesta r-realtà tal-perikoli li kontrihom l-Istati Membri konvenuti jindikaw li jixtiequ jikkombattu meta jimponu ċerti rekwiżiti partikolari fir-rigward ta’ dawn il-vetturi. Jiena tal-opinjoni li, ma hemmx dubju li s-sewqan tagħhom fit-territorju fejn it-traffiku jimxi fuq il-lemin huwa iktar diffiċli, jekk mhux iktar perikoluż ukoll, għaliex is-sewwieq għandu qasam viżiv inqas wiesa’ minn dak li kieku għandu kieku qiegħed fuq in-naħa tax-xellug tal-vettura u għalhekk eqreb lejn l-assi medjana tat-triq. Dan joħloq problemi speċjalment fil-manuvri tas-sorpass, b’mod partikolari f’toroq b’karreġġjata waħda bidirezzjonali, kif isostnu r-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja (75) u kif donnha tammetti l-Kummissjoni, anki jekk tenfasizza li l-pożizzjoni tas-sistema tal-isteering ma huwiex l-uniku fattur ta’ riskju ta’ inċidenti (76).

86.      Nippreċiża li ma naqbilx mal-fehma tal-Kummissjoni li jidher paradossali jekk mhux inkoerenti min-naħa tar-Repubblika tal-Litwanja u tar-Repubblika tal-Polonja, li huma iktar tolleranti fir-rigward ta’ vetturi ta’ dan it-tip li jiċċirkulaw b’mod temporanju fit-territorju tagħhom (77). Din it-tolleranza tirriżulta espressament mil-liġi Litwana fuq is-sigurtà fit-toroq (78). Fir-rigward tar-Repubblika tal-Polonja, jirriżulta mir-risposta tagħha li l-leġiżlazzjoni kkontestata ma tikkonċernax lit-turisti (79).

87.      F’dan ir-rigward nenfasizza li d-derogi inkwistjoni jirriżultaw minn ftehim tad-dritt internazzjonali. Fil-fatt, skont l-Artikolu 39(1) moqri mal-Anness 5(1) tal-Konvenzjoni fuq it-Traffiku fit-Triq, iffirmata fi Vienna fit-8 ta’ Novembru 1968 (80), kull vettura awtomobilistika fiċ-ċirkulazzjoni internazzjonali għandha tissodisfa d-dispożizzjonijiet ta’ dik il-konvenzjoni, kif ukoll ir-regoli tekniċi fis-seħħ fil-pajjiż tar-reġistrazzjoni tagħha minn meta tidħol fis-servizz għall-ewwel darba. Madankollu, il-punt 8 tal-Anness 1 tal-imsemmija Konvenzjoni (81) jistabblixxi li “l-partijiet kontraenti jistgħu ma jaċċettawx fiċ-ċirkulazzjoni internazzjonali fit-territorju tagħhom kwalunkwe karozza mgħammra b’dwal iddippjati b’raġġ asimetriku meta l-aġġustament tar-raġġi ma jkunx adattat għad-direzzjoni tat-traffiku fit-territorju tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, li torbot lir-Repubblika Litwana u lir-Repubblika Pollakka (82), dawn huma obbligati li jaċċettaw fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju nazzjonali tagħhom vetturi awtomobilistiċi li s-sistema tal-isteering tagħhom qiegħda fuq il-lemin li kienu ġew irreġistrati f’pajjiż ieħor, anki jekk jistgħu jirrikjedu adattament temporanju tas-sistema tad-dwal tagħhom, permezz, pereżempju, tal-użu ta’ stikkers korretturi ta’ kulur iswed.

88.      Fi kwalunkwe każ, nammetti li l-fatt li r-reġistrazzjoni tkun suġġetta għal ċaqliq tas-sistema tal-isteering ta’ vetturi intiżi biex jinstaqu fuq ix-xelluġ hija miżura li, min-natura radikali tagħha, tista’ tiżgura protezzjoni effettiva tal-utenti tat-triq fit-territorju tal-Istati Membri fejn, bħal fil-Litwanja u fil-Polonja, it-traffiku jimxi fuq il-lemin, għaliex dik il-miżura toħnoq ir-riskji taċ-ċaqliq ta’ dawn il-vetturi f’dawk il-kundizzjonijiet.

89.      Mandakollu, l-ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija maħluq minn rekwiżit ta’ din in-natura fil-fehma tiegħi huwa sproporzjonat għaliex setgħu jittieħdu miżuri inqas eżorbitanti tad-dritt komuni biex wieħed jasal għall-istess għanijiet.

90.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza, ġustament, li l-miżuri inkwistjoni japplikaw b’mod awtomatiku u b’manjiera ġenerali, partikolarment mingħajr il-kunsiderazzjoni tal-fatt li l-vettura kkonċernata diġà ġiet approvata u rreġistrata fi Stat Membru fejn it-traffiku jimxi fuq ix-xellug jew inkella fi Stat Membru fejn dan jimxi fuq il-lemin (83). Fil-fatt il-leġiżlazzjonijiet ikkontestati jimponu obbligi restrittivi mingħajr ma jitqies il-fatt li l-miżuri eventwalment meħudin minn Stat Membru fejn il-vettura tkun diġà ġiet irreġistrata, ukoll sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq, jistgħu jkunu ta’ effettività ekwivalenti għal dawk preskritti mill-Istat Membru ta’ importazzjoni, partikolarment fil-każ fejn id-direzzjoni tat-traffiku fl-ewwel Stat Membru hija l-istess bħal tal-Litwanja u tal-Polonja.

91.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li jeżistu miżuri inqas invażivi minn dawk adottati mir-Repubblika tal-Litwanja u mir-Repubblika tal-Polonja, imma li huma ta’ natura, minkejja dan, li jgħinu lis-sewwieqa ta’ vetturi mgħammra bi steering fuq il-lemin li jsuqu fit-traffiku mingħajr riskji meta d-direzzjoni tiegħu hija fuq il-lemin.

92.      Filwaqt li tipproponi diversi metodi ta’ sostituzzjoni, hija ssemmi l-ewwel nett, il-possibbiltà li s-sorpass f’toroq b’karreġġjata waħda u f’żewġ direzzjonijiet tat-traffiku jiġi pprojbit b’mod assolut bil-liġi fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ vetturi, imma l-ewwel diġà għedt li din il-proposta jidhirli li ma hijiex prattikabbli anzi hija perikoluża (84). Il-Kummissjoni tissuġġerixxi wkoll li jiġi impost li dawn il-vetturi jiġu mgħammra b’sistemi li jikkorreġu l-kamp viżiv tas-sewwieq sabiex jiġu ffaċilitati l-manuvri ta’ sorpass (85). Minkejja l-fatt li r-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja jikkontestaw ir-rilevanza ta’ dan it-tieni approċċ, għandu jiġi enfasizzat li huma preċiżament miżuri ta’ din in-natura li ġew użati mill-maġġoranza tal-Istati Membri.

93.      Fil-fatt, skont elementi ta’ dritt komparattiv li għandi għad-dispożizzjoni tiegħi, ir-regoli fis-seħħ fiż-żewġ Stati Membri li huma s-suġġett ta’ dawn ir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma relattivament iżolati. Ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri li s-sistema tal-isteering tagħhom tinsab fuq l-istess naħa bħad-direzzjoni tat-traffiku, kemm ta’ vetturi ġodda jew ta’ vetturi li diġà ġew irreġistrati fi Stat Membru ieħor, hija pprojbita wkoll biss fil-Latvija (86) u fis-Slovakkja (87) kif ukoll, fuq livell inqas, fl-Estonja (88).

94.      Għall-kuntrarju, fl-Istati Membri l-oħrajn kollha, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma fiha l-ebda projbizzjoni jew limitazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-vetturi (89), kif ukoll hija tawtorizzahom b’mod espress kultant b’referenza għar-rekwiżiti ġejjin mid-dritt tal-Unjoni (90).

95.      Sa fejn naf jien, fl-Istati Membri kollha, il-metodi stabbiliti għar-reġistrazzjonijiet ta’ dan it-tip huma limitati, bħala regola ġenerali, għal kundizzjonijiet jew adattamenti ta’ natura essenzjalment teknika, li jirrigwardaw speċjalment jekk mhux esklużivament is-sistemi tad-dwal, sabiex l-utenti l-oħrajn tat-triq ma jitgħammxux u sabiex jaraw aħjar min ikun miexi fuq il-ġenb tat-triq, jew għall-mirja biex tara wara, sabiex jiġi żgurat li s-sewwieq ikollu kamp viżiv wiesa’ ikbar (91).

96.      L-approċċ iktar moderat li segwew il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri juri sew li, fil-qasam ikkonċernat miż-żewġ rikorsi, il-protezzjoni tas-sigurtà fit-triq tista’ tiġi ggarantita biżżejjed minn proċeduri inqas restrittivi minn dawk li jissuġġettaw ir-reġistrazzjoni ta’ vettura mgħammra b’sistema tal-isteering fuq il-lemin għaċ-ċaqliq tagħha lejn ix-xellug. Mill-aspett taċ-ċittadini Ewropej li jixtiequ jimportaw tali vettura fil-Litwanja jew fil-Polonja, anki jekk ir-Repubblika tal-Litwanja tippretendi – mingħajr ma ġab prova formali – li l-Kummissjoni eżagerat l-ispiża finanzjarja li tirriżulta minn din l-operazzjoni ta’ ċaqliq, jidher ċar li huwa inqas restrittiv u inqas oneruż illi sempliċiment wieħed jagħmel l-aġġustament tad-dwal iddippjati jew jinvesti f’mera biex tara wara addizzjonali.

97.      Ċertament, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, biex tiġi evalwata l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tas-sigurtà fit-toroq, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi l-livell u l-mod li fiħsiebu jassigura l-protezzjoni tagħha. Billi dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru wieħed għal ieħor, jirriżulta mill-marġni ta’ diskrezzjoni hekk irrikonoxxut lill-Istati Membri li s-sempliċi fatt li Stat Membru ieħor jimponi regoli inqas stretti minn dawk applikabbli fi Stat Membru konvenut ma jfissirx neċessarjament li dawn tal-aħħar huma sproporzjonati u allura inkompatibbli mar-regoli fuq il-moviment liberu tal-merkanzija (92).

98.      Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (93), jidhirli li l-elementi tad-dritt komparattiv esposti iktar ’il fuq jistgħu jikkostitwixxu indikazzjoni serja tan-natura eċċessiva tal-leġiżlazzjonijiet ikkonċernati mir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għaliex dawn l-elementi juru li mezzi oħrajn inqas restrittivi huma implementati mingħajr diffikultajiet partikolari, u dan minn maġġoranza kbira ta’ Stati Membri tal-Unjoni.

99.      Jiena nikkunsidra li miżuri ta’ sostituzzjoni ta’ inqas preġudizzju għall-moviment liberu tal-merkanzija setgħu jittieħdu wkoll miż-żewġ stati konvenuti, peress li huma ma wrewx, meta kellhom fuqhom (94), l-oneru li jġibu l-prova, li r-riskji li jistgħu jiġu marbutin mal-vetturi kkonċernati fit-territorju tagħhom huma differenti ħafna minn dawk li jistgħu jiġru fit-territorju tal-Istati Membri oħrajn.

100. L-istatistika li ppreżentaw iż-żewġ stati konvenuti ma sservix ta’ prova f’dan ir-rigward, għaliex sa fejn jistgħu jkunu r-riżultat ta’ fatturi oħrajn ta’ nuqqas ta’ sigurtà fit-toroq (95), dawn ma jippermettux li jistabbilixxu li r-rati tal-inċidenti kkawżati fit-territorju nazzjonali tagħhom minn vetturi li s-sistema tal-isteering tinsab fuq il-lemin hija ferm ogħla fir-rigward ta’ inċidenti tal-istess tip li jiġru fit-territorju tal-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom hija inqas eżiġenti (96).

101. Għall-istess raġuni ta’ lakuna fil-produzzjoni tal-prova, għandu jitwarrab l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li dan ikollu jaffaċċja influss tant massiv ta’ dawn il-vetturi li dan joħloq perikolu kunsiderevolment ikbar fit-territorju nazzjonali tiegħu u jirrendi neċessarju l-adozzjoni ta’ eżiġenzi iktar stretti, u li għandhom konsegwenzi ferm iktar onerużi u għalhekk disważivi, milli fil-maġġoranza tal-Istati Membri.

102. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti partikolaritajiet tal-Istat Membru kkonċernat (97) skont l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni inkwistjoni. Madankollu ma ntweriex li l-adozzjoni tal-leġiżlazzjonijiet ikkontestati kienet ispirata mill-partikolarità taż-żewġ Stati konvenuti minħabba l-fatt li numru kbir taċ-ċittadini tagħhom li emigraw lejn l-Irlanda u r-Renju Unit għandhom interess kbir li jimportaw vetturi tal-passiġġieri ġejjin minn dawn l-aħħar imsemmija Stati meta jiġu biex jirritornaw b’mod permanenti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

103. Għalhekk jidher li l-mezzi użati kemm mir-Repubblika tal-Litwanja kif ukoll mir-Repubblika tal-Polonja, jikkonsistu f’li jissuġġettaw ir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-vetturi għaċ-ċaqliq tas-sistema tal-isteering, huma sproporzjonati fir-rigward tal-għanijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà fit-toroq u tas-salvagwardja tas-saħħa u l-ħajja tal-bnedmin li huma invokati.

104. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u b’mod partikolari tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni mal-ħtieġa tal-proporzjonalità li jrid id-dritt tal-Unjoni, jiena nikkunsidra li dawn iż-żewġ Stati Membri naqqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom skont l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE u li dawn il-miżuri ma għandhomx jinżammu.

D –    Fuq l-ispejjeż

105. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja jiġu kkundannati jħallsu l-ispejjeż, hemm lok li t-talbiet tagħha jintlaqgħu jekk, kif ipproponejt, dawn ir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jintlaqgħu u dawk l-Istati Membri jitilfu l-eċċezzjonijiet tagħhom.

106. Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

IV – Konklużjoni

107. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi kif ġej:

1)      Ir-Repubblika tal-Polonja, fil-Kawża C-639/11, kif ukoll ir-Repubblika tal-Litwanja, fil-Kawża C-61/12, naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 2a tad-Direttiva tal-Kunsill 70/311/KEE, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/7/KE, tas-26 ta’ Jannar 1999, u tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Qafas), kif ukoll skont l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE meta żammew fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali li minħabba fihom ir-reġistrazzjoni, fit-territorju nazzjonali tagħhom, ta’ vetturi tal-passiġġieri li s-sistema tal-isteering tagħhom tinsab fuq in-naħa tal-lemin, kemm jekk huma ġodda jew inkella ġew irreġistrati qabel fi Stat Membru ieħor, hija suġġetta għaċ-ċaqliq lejn in-naħa tax-xellug tas-sistema tal-isteering ta’ dawn il-vetturi.

2)      Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata tħallas l-ispejjeż fil-Kawża C-639/11 u r-Repubblika tal-Litwanja hija kkundannata tħallas l-ispejjeż fil-Kawża C-61/12.

3)      Ir-Repubblika tal-Litwanja għandha tħallas l-ispejjeż li hija għamlet għall-intervent tagħha fil-Kawża C-639/11, filwaqt li r-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Polonja għandhom iħallsu l-ispejjeż li għamlu għall-intervent tagħhom fil-Kawża C-61/12.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 1970, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir għall-kontroll tad-direzzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 90) kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/7/KE, tas-26 ta’ Jannar 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 259).


3 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU L 263, p 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”). Hija ħassret u ħadet post, b’effett mid-29 ta’ April 2009, id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE, tas-6 ta’ Frar 1970, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 44).


4 – Dz. U. tal-2005, Nru 108, paragrafu 908, kif emendata.


5 – L-eżenzjoni tista’ tirriżulta mill-Artikolu 68 ta’ din il-liġi, li jistabbilixxi li l-manifattur jew l-importatur ta’ vettura awtomobilistika ġdida huwa obbligat li jikseb, għal kull tip ta’ vettura ġdida, ċertifikat ta’ approvazzjoni mogħti mill-Ministru inkarigat mit-Trasport, ħlief meta l-manifattur jew l-importatur ikun kiseb ċertifikat ta’ approvazzjoni mogħti, skont il-proċedura ta’ approvazzjoni Komunitarja, mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.


6 – Dz. U. tal-2003, Nru 32, paragrafu 262, kif emendata.


7 – Dz. U. tal-2003, Nru 227, paragrafu 2250, kif emendata.


8 – Dz. U. tal-2009, Nru 155, paragrafu 1232. Dan ir-regolament, li daħal fis-seħħ fit-22 ta’ Settembru 2009, tħassar fit-8 ta’ Ottubru 2012 mir-regolament tal-Ministru tat-Trasport tas-26 ta’ Ġunju 2012 (Dz. U. tal-2012, Nru 0, paragrafu 996).


9 – Valstybės žinios Nru°92 2883, tal-31 ta’ Otubru 2000. Il-Kummissjoni tippreċiża li verżjoni ġdida ta’ din il-liġi daħlet fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2008.


10 – Din is-sistema hija ddefinita fil-punt 4.18 tal-Ordni Nru 2B-152 tad-Direttur tal-Ispettorat Nazzjonali tat-Trasport fit-Toroq fil-Ministeru tal-Komunikazzjoni, tad-9 ta’ Mejju 2006, li tistabbilixxi r-regoli ta’ approvazzjoni skont it-tagħmir tal-isteering tal-vetturi bil-mutur, bħala “sistema tal-isteering li tibdel id-direzzjoni ta’ fejn tkun sejra vettura, u tinkludi l-kontroll tal-isteering, it-tħaddim tal-isteering, ir-roti li jagħtu d-direzzjoni, u l-provvista tal-enerġija, jekk ikun il-każ”.


11 – Ara l-punti 8 u 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12 – Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13 – Ara l-punti 6 u 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


14 – Bħalissa, il-kategorija ta’ Stati Membri fejn it-traffiku jsuq fuq din in-naħa jinkludi wkoll ir-Repubblika ta’ Ċipru u r-Repubblika ta’ Malta.


15 – Jidhirli li r-Repubblika tal-Finlandja kienet l-aħħar Stat Membru kkonċernat li mxiet ma’ din il-prattika għaliex kien biss mill-1 ta’ Jannar 2003 li abbolixxiet r-regola li teħtieġ, b’ċerti eċċezzjonijiet, li s-sistema tal-isteering tkun fuq ix-xellug.


16 – Il-problemi marbutin mar-reġistrazzjoni ta’ vetturi ġejjin minn Stati Membri oħrajn jidhru fost l-għoxrin suġġett ta’ preokkupazzjoni prinċipali dwar is-suq uniku fis-stat attwali tiegħu [ara l-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jissimplifika t-trasferiment tal-vetturi bil-mutur irreġistrati fi Stat Membru ieħor fi ħdan is-Suq Uniku COM(2012) 164 finali, p. 2 u l-istatistika li hemm f’http://europa.eu/rapid/press‑release_MEMO‑12‑242_en.htm].


17 – L-Artikolu 1 tad-Direttiva 70/311 jidentifika l-vetturi koperti bid-dispożizzjonijiet tagħha billi jirriferi għad-definizzjoni li ngħatat mid-Direttiva 70/156. Skont id-Direttiva Qafas, il-premessi 4 et seq tagħha jesponu r-raġunijiet għaliex il-portata materjali tagħha twessgħet imqabbla mad-dispożizzjonijiet ta’ qabel, mentri l-Artikoli 1, 2 u 3(11) et seq, jiddeterminaw liema huma l-vetturi ġodda li tapplika għalihom. Fir-rigward tal-Artikolu 34 TFUE, id-dispożizzjonijiet tiegħu jinkludu t-tipi kollha ta’ vetturi.


18 – Kif ukoll, fis-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Voigt (C‑83/05, Ġabra p. I‑6799, punt 15), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-Direttiva 70/156 ma kien fiha l-ebda dispożizzjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fil-kategorija “vetturi tal-passiġġieri”.


19 – Kuntrarjament, pereżempju, għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002, tal-31 ta’ Lulju 2002, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vettur bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 158), li jiddefinixxi “karrozza tal-passiġġieri” bħala “vettura bil-mutur maħsuba għat-trasport tal-passiġġieri u li tikkomprendi mhux aktar minn tmien postijiet barra il-post tax-xufier”.


20 – Kif iddefinit, b’mod partikolari fl-Anness I(b)(1) tad-Direttiva 70/156.


21 – Hija ssostni li l-Kummissjoni tirrikonoxxi impliċitament li ċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi li għandhom sistema tal-isteering fuq il-lemin tirrappreżenta perikolu fir-rigward ta’ vetturi tax-xogħol tqal u dan jippermetti li r-reġistrazzjoni tiġi limitata tal-anqas fir-rigward ta’ dawn il-vetturi tal-aħħar, għal raġunijiet ta’ sigurtà, mingħajr ma dan imur kontra d-dritt tal-Unjoni.


22 – Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23 – Ara, b’mod partikolari s-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑383/00, Ġabra p. I‑4219, punt 19) u tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑327/08, punt 26).


24 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, fil-qafas tat-twettiq tal-missjoni li jagħtiha l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni hija libera li tiddetermina s-suġġett tal-kawża (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑221/04, Ġabra p. I‑4515, punti 33 et seq, kif ukoll tad-19 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑531/06, Ġabra p. I‑4103, punt 23).


25 – Fil-fatt, kull miżura nazzjonali meħuda f’qasam li kien suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell Komunitarju għandha l-ewwel nett tiġi eżaminata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni, qabel ma titpoġġa fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju (ara. b’mod partikolari s-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑170/07, punt 35; tas-16 ta’ Diċembru 2008, Gysbrechts u Santurel Inter, C‑205/07, Ġabra p. I‑9947, punt 33; u tas-6 ta’ Settembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑150/11, punt 47).


26 –      Ara l-preambolu tad-Direttiva 70/156.


27 – Ara, b’mod partikolari, ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 1985 dwar approċċ ġdid fir-rigward tal-armonizzazzjoni teknika u tal-istandardizzazzjoni (ĠU C 136, p. 1).


28 – Dawn għandhom bħala għan li jiddefinixxu r-regolamenti tekniċi armonizzati li huma applikabbli għal kull element differenti jew għal karatteristiċi differenti tal-vettura, skont ir-raba’ premessa tad-Direttiva 70/156.


29 – L-enfasi tal-kliem miżjuda minni.


30 – Skont din il-premessa 3, dawn ir-rekwiżiti tekniċi “għandhom primarjament ifittxu li jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza stradali” u skont il-premessa 14, l-“objettiv ewlieni tal-leġislazzjoni rigward l-approvazzjoni dwar il-vetturi hu li jiġi żgurat li vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati ġodda li jitqiegħdu fis-suq jipprovdu livell għoli ta’ sikurezza u protezzjoni ambjentali”.


31 – Punt 3.2 tal-Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar proċeduri għar-reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur li joriġinaw fi Stat Membru ieħor (ĠU 2007 C 68, p. 15).


32 – Ara l-premessa 2 tad-Direttiva Qafas.


33 – L-enfasi tal-kliem miżjuda minni.


34 – Att dwar l-Adeżjoni mal-Komunitajiet Ewropej tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda, tar-Renju tan-Norveġja u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU 1972, L 73, p. 14).


35 – Jiġi ppreċiżat li din id-direttiva issa fiha mhux iktar anness wieħed imma erba’ annessi. Ara l-emendi introdotti l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/7/KE, tas-26 ta’ Jannar 1999, li tadatta għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 70/311 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 07, Vol. 04, p. 259).


36 – Ara l-ħames u s-sitt premessi tad-Direttiva 70/156.


37 – Testi kif emendati fid-data tal-iskadenza ta’ xahrejn indikata fl-opinjoni motivata li l-Kummissjoni indirizzat, minn naħa, lir-Repubblika tal-Polonja u, min-naħa l-oħra, lir-Repubblika tal-Litwanja, jiġifieri rispettivament fl-1 ta’ Diċembru 2010 u fil-25 ta’ Jannar 2011, dati li jiddefinixxu għal kull wieħed minn dawn l-Istati Membri l-mument meta l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat għandu jiġi evalwat.


38 – Ir-Repubblika tal-Litwanja tinvoka l-punt 18 ta’ dik is-sentenza, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “d-Direttiva 70/156 tapplika wkoll għall-karatteristiċi tekniċi ta’ tip ta’ vettura u ma fiha ebda dispożizzjoni oħra dwar ir-regoli tat-traffiku fit-toroq li għandhom jiġu osservati mis-sewwieqa ta’ vetturi bil-mutur”, li jgħodd bl-istess mod għad-Direttiva Qafas li ħadet postha fid-29 ta’ April 2009.


39 – Fil-fatt, jirriżulta minn dik is-sentenza (speċjalment mill-punti 14, 17 u 20) li, fil-kawża kkonċernata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss jekk il-leġiżlatur Komunitarju kienx ried jorbot mal-approvazzjoni Komunitarja tat-tip ta’ vetturi, stabbilita bid-Direttiva 70/156, konsegwenzi għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali tat-traffiku dwar il-veloċità ta’ kategoriji differenti ta’ vetturi bil-mutur.


40 – Ara l-Artikoli 8(3) u 29 tad-Direttiva Qafas.


41 – Ara, dwar l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 70/156, ekwivalenti għall-Artikolu 4(3) tad-Direttiva Qafas, is-sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997, VAG Sverige (C‑329/95, Ġabra p. I‑2675, punti 18 u 19), kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ April 2007, AGM‑COS.MET (C‑470/03, Ġabra p. I‑2749, punt 70).


42 – Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, taħt it-titolu “Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-vetturi”, li “[l]-Istati Membri għandhom jagħtu approvazzjoni tal-KE fir-rigward ta’: […] tip ta’ vettura li jikkonforma mad-dettalji tal-folder ta’ informazzjoni u li jissodisfa l-ħtiġijiet tekniċi speċifikati mill-atti regolatorji rilevanti elenkati fl-Anness IV”.


43 – Ara p. 10, punt 5, tal-Proposta għal direttiva emendata tad-29 ta’ Ottubru 2004 [KUMM (2004) 738 finali].


44 – L-enfasi tal-kliem miżjuda minni.


45 – Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18(1) ta’ dik id-direttiva, dwar iċ-“Ċertifikat ta’ konformità”, il-“manifattur, fil-kapaċità tiegħu bħala d-detentur ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vettura, għandu jipprovdi ċertifikat ta’ konformità flimkien ma’ kull vettura, kemm jekk kompluta, mhux kompluta jew ikkompletata, li tiġi manifatturata f’konformità mat-tip ta’ vettura approvat”.


46 – Dak l-Anness IX, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 385/2009, tas-7 ta’ Mejju 2009, li ħa post l-Anness IX tad-Direttiva 2007/46 (ĠU L 118, p. 13), jirrigwarda ċ-“Ċertifikat ta’ konformità tal-KE”. Il-punt 0 ta’ dan l-anness jiddefinixxi l-għan doppju ta’ dan iċ-ċertifikat billi jippreċiża li, minn naħa, dan jikkostitwixxi “dikjarazzjoni mogħtija mill-manifattur tal-vettura lix-xerrej sabiex iserraħlu moħħu li l-vettura li huwa jkun akkwista tikkonforma mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea fil-ħin meta din ġiet iffabbrikata” u min-naħa l-oħra, “għandu wkoll l-għan li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jirreġistraw vetturi mingħajr mal-applikant ikollu għaliex jipprovdi dokumentazzjoni teknika addizzjonali”.


47 – Skont dan l-Anness IX, l-ewwel paġna taċ-ċertifikat ta’ konformtà KE jkun fiha referenza li “l-vettura […] tista’ tiġi rreġistrata b’mod permanenti fi Stati Membri li għandhom traffiku fuq in-naħa tal-lemin/xellug (b) […] (d)”. F’dan ir-rigward in-nota spjegattiva subparagrafu b) f’dan l-anness tippreċiża li għandu jiġi indikat “jekk il-vettura hijiex adatta għal użu fi traffiku fuq in-naħa tal-lemin jew fi traffiku fuq in-naħa tax-xellug jew għal użu fi traffiku kemm fuq in-naħa tal-lemin kif ukoll fuq in-naħa tax-xellug”.


48 – L-Anness I tad-Direttiva Qafas fih “Lista kompluta ta’ informazzjoni għall-finijiet ta’ approvazzjoni tat-tip KE ta’ vetturi”. Il-punt 1 ta’ dan l-Anness, bl-isem “Karatteristiċi ta’ konstruzzjoni ġenerali tal-vettura”, jirrikjedi, fil-paragrafu 1.8, li jissemma “Id tas-sewqan: xellug/lemin” u, fis-subparagrafu 1.8.1, li jiġi indikat li l-“vettura hija mgħammra biex tinsaq fi traffiku fuq in-naħa tal-lemin/tax-xellug”. Dispożizzjonijiet identiċi jidhru fl-Anness III, dwar id-“Dokument ta’ informazzjoni għall-fini ta’ approvazzjoni tat-tip [tal-KE] ta’ vetturi”, parti I, punt 1, paragrafu 1.8 u subparagrafu 1.8.1.


49 – Sa fejn naf jien, il-produzzjoni ta’ ċertifikat bħal dan huwa determinanti, partikolarment, fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fi Franza, fil-Lussemburgu, f’Malta, fl-Awstrija u fl-Isvezja.


50 – Skont l-informazzjoni li għandi, dan huwa l-każ, partikolarment, fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, f’Ċipru, fil-Lussemburgu, fl-Ungerija, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fir-Rumanija, fil-Finlandja, fl-Isvezja u fir-Renju Unit.


51 – Dik l-appendiċi fiha mudell ta’ “Dokument ta’ informazzjoni konformi […] mal-Anness I tad-Direttiva 70/156 dwar l-approvazzjoni tal-KE tat-tip ta’ vettura dwar l-isteering tagħha”. Il-punt 1 ta’ dan id-dokument, dwar il-“Karatteristiċi ta’ kostruzzjoni ġenerali”, għandu l-paragrafu 1.8, ifformulat b’dan il-mod: “Id tas-sewqan: xellug/lemin” .


52 – Nota I/117/71, tat-28 ta’Ġunju 1971, tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej.


53 – Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punt 3 ta’ dan ir-rapport, dak il-grupp ikkunsidra li l-pożizzjoni tas-sistema tal-isteering fuq in-naħa tal-lemin jew tax-xellug tal-vettura kienet problema ta’ natura ekonomika u mhux ta’ regola teknika.


54 – Emendi mdaħħlin fid-Direttiva tal-Kunsill 71/127/KEE, tal-1 ta’ Marzu 1971, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ mirja li minnhom tista’ tara fuq wara ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 109).


55 – Ara fl-att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni u għall-adattamenti tat-Trattati (Ġ 1972, L 73, speċjalment p. 114 et seq), id-direttivi msemmijin fil-paragrafi 2 sa 10 tal-punt X, bl-isem “Ostakoli tekniċi”, tal-Anness I ta’ dak l-att, speċjalment il-paragrafi 7 u 10.


56 – Premessa 3 li referenza għas-sinjifikat tagħha qiegħda fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57 – Il-punt 4 ta’ dan l-Anness jistabbilixxi d-“Dispożizzjonijiet tal-Kostruzzjoni”, u b’mod partikolari fis-subparagrafu 4.1.1, li t-“tagħmir għall-immanuvrar għandu jassigura manuvrar faċli u sigur tal-vettura sal-veloċità massima maħsuba”.


58 – Punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


59 – Jiġifieri, f’każ bħal dak, il-vetturi tal-passiġġiera mgħammra b’sistema tal-isteering fuq in-naħa tal-lemin, irrispettivament mill-fatt jekk humiex ġodda jew ġewx irreġistrati qabel fi Stat Membru ieħor.


60 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Lahousse u Lavichy (C-142/09, Ġabra p. I-11685, punt 43).


61 – L-enfasi tal-kliem miżjuda minni.


62 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (8/74, Ġabra p. 837, punt 5), kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq (punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


63 – Il-Kummissjoni ssostni li għal din l-operazzjoni jkun meħtieġ li s-sistema tal-isteering tinbidel kważi kollha, flimkien mal-brejkijiet kif ukoll id-dashboard kollu.


64 – F’fabbrika tal-kumpannija General Motors.


65 – Sentenzi tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe‑Zentral (120/78, Ġabra p. 649, punt 14); tas-6 ta’ Ottubru 2011, Bonnarde (C-443/10, Ġabra p. I-9327, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2012, Elenca (C-385/10, punti 22 u 23, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


66 – Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-10 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑265/06, Ġabra p. I-2245, punt 33); tal-24 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑286/07, punti 32 u 34), kif ukoll Bonnarde, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30).


67 – Skont l-Artikolu 28(2) TFUE.


68 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1990, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-47/88, Ġabra p. I-4509, punt 17).


69 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2007, Rosengren et (C‑170/04, Ġabra p. I‑4071, punt 39).


70 – Sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-141/07, Ġabra p. I‑6935, punt 51), tal-1 ta’ Marzu 2012, Ascafor u Asidac (C-484/10, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Elenca, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).


71 – Sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, van Schaik (C‑55/93, Ġabra p. I-4837, punt 19), kif ukoll tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑110/05, Ġabra p. I-519, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).


72 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq (punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


73 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gysbrechts u Santurel Inter (punt 51), kif ukoll Ascafor u Asidac (punt 58).


74 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, (punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata), Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-110/05 (punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, (punti 54 u 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


75 – Ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja jirriferu għal studji speċjalizzati li jgħidu li l-fatt li steering ma jkunx fuq in-naħa tal-assi medjana jikkostitwixxi fattur importanti ta’ żieda fir-riskju ta’ inċidenti minħabba telf kunsiderevoli tal-viżibbiltà meħtieġa għal sorpass, kemm quddiem is-sewwieq, fir-rigward tad-direzzjoni tal-vetturi ġejjin minn quddiemu fis-sens invers, kif ukoll minn wara, fir-rigward tal-perċezzjoni tal-“blind spot” minn fejn ikunu ġejjin il-vetturi minn wara.


76 – Il-Kummissjoni tfakkar, ġustament, li n-nuqqas ta’ sigurtà fit-toroq tirriżulta minn kumpless ta’ diversi fatturi bħall-istat tal-infrastrutturi tat-toroq, id-drawwiet fis-sewqan jew l-istat tekniku ġenerali tal-vettura.


77 – Hija ssostni li persuni, bħal turisti, li jsuqu b’mod okkażjonali vettura tal-passiġġieri li s-sistema tal-isteering tagħha hija fuq il-lemin, u għalhekk ma humiex imdorrijin għan-natura speċifika tat-traffiku li jimxi fuq il-lemin, jikkostitwixxu theddida ikbar għas-sigurtà fit-toroq milli l-persuni li jsuqu b’mod permanenti vettura bħal dik fuq in-naħa tal-lemin tat-triq.


78 – Ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


79 – Skont ir-rikors tal-Kummissjoni, jistgħu jingħataw ukoll derogi għall-ħtiġijiet nazzjonali mill-Ministru Pollakk tal-Infrastruttura, imma dawn ma jirrigwardawx il-vetturi tal-passiġġieri, li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għaliex huma limitati biss għall-vetturi speċjali fejn il-pożizzjoni tal-isteering fuq in-naħa tal-lemin huwa indispensabbli għall-eżekuzzjoni adegwata tal-funzjonijiet li huma intiżi għalihom (pereżempju, il-kenniesa tat-toroq) kif ukoll vetturi tal-persunal tal-korp dimplomatiku.


80 – Ara l-Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 1042, p. 17, kif ukoll http://treaties.un.org/doc/Publication/MTDSG/Volume%20I/Chapter%20XI/XI‑B‑19.fr.pdf għall-verżjoni kkonsolidata li tgħaqqad l-emendi li daħlu fis-seħħ rispettivament fit-3 ta’ Settembru 1993 u fit-28 ta’ Marzu 2006.


81 – Anness dwar id-“derogi mill-obbligu li jiġu ammessi fiċ-ċirkulazzjoni internazzjonali karozzi u l-karrijiet”.


82 – Ir-Repubblika tal-Litwanja aderiet għal dik il-konvenzjoni fl-20 ta’ Novembru 1991, filwaqt li r-Repubblika tal-Polonja ffirmatha fit-8 ta’ Novembru 1968 u rratifikatha fit-23 ta’ Awwissu 1984.


83 – Ara b’analoġija, fuq ir-rekwiżiti imposti minn Stat Membru fir-rigward ta’ vetturi rreġistrati qabel fi Stati Membri oħrajn, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑54/05, Ġabra p. I-2473, punt 42), kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq (punti 44 et seq).


84 – Ir-Repubblika tal-Polonja jindika li din il-projbizzjoni tista’ tkun perikoluża meta dawn il-vetturi jkunu jridu jagħmlu sorpass f’ċerti sitwazzjonijiet ta’ urġenza jew jekk vettura miexja bil-mod, bħal magna agrikola, toħloq waqfien kbir tat-traffiku u kju kbir ta’ vetturi.


85 – Bħall-mirja b’angolu kbir biex tara wara, kameras, monitors jew sistemi oħrajn li jgħinu fil-viżjoni indiretta.


86 – Ara l-Artikolu 10(8)(1) tal-Liġi dwar it-Traffiku fit-Triq (Ceļu satiksmes likums), tal-1 ta’ Ottubru 1997, kif ukoll ir-Regolament Governattiv Nru 1080 dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi (Transportlīdzekļu reģistrācijas noteikumi), tat-30 ta’ Novembru 2010.


87 – Ara l-Artikolu 16c(2) u l-Artikolu 17 tal-Liġi 725/2004 dwar il-kundizzjonijiet ta’ użu ta’ vetturi fit-traffiku (Zákon č. 725/2004 Z. z., o podmienkach prevádzky vozidiel v premávke na pozemných komunikáciách a o zmene a doplnení niektorých zákonov).


88 – Ara l-Artikolu 63(3) u (6), l-Artikolu 73(11), l-Artikolu 80(3) u l-Artikolu 83(5) tal-Liġi fuq it-Traffiku (liiklusseadus), tas-17 ta’ Ġunju 2010, kif ukoll iċ-ċifri 301 tal-Annessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 42 fuq ir-rekwiżiti tekniċi għall-vettura u l-karru tagħha u r-rekwiżiti għat-tagħmir (mootorsõiduki ja selle haagise tehnonõuded ning nõuded varustusele), tat-13 ta’ Ġunju 2011.


89 – Il-kwistjoni ma hijiex irregolata b’mod espress mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar it-traffiku u s-sigurtà fit-toroq jew dwar il-vetturi bil-mutur, partikolarment, fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, fl-Irlanda, fil-Greċja, fil-Kroazja, fl-Italja, f’Malta, fl-Awstrija jew fis-Slovenja.


90 – Fir-Repubblika Ċeka, ġie ppubblikat komunikat, f’Mejju 2008, mill-Ministeru tat-Trasport, fejn saret deroga għall-prinċipju tas-sistema tal-isteering fuq ix-xellug, sabiex jiġu rrispettati r-rekwiżiti marbutin b’mod partikolari mal-moviment liberu tal-merkanzija. Bl-istess mod, fil-Finlandja, mid-dħul fis-seħħ tal-liġi fuq il-vetturi Nru 1090/2002, tal-1 ta’ Jannar 2003, ir-regola ma għadhiex li s-sistema tal-isteering ma għandhiex tibqa’ fuq in-naħa tal-lemin ħlief f’każijiet strettament enumerati (pereżempju vettura postali), imma li l-vettura għandha tikkonforma mar-rekwiżiti tekniċi li jirriżultaw mid-direttivi fuq is-suġġett.


91 – Dan huwa l-każ, partikolarment, fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimarka, fi Spanja, fi Franza, f’Ċipru, fil-Lussemburgu, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fir-Rumanija, fl-Isvezja u fir-Renju Unit.


92 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑110/05, iċċitata iktar ’il fuq (punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


93 – Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C-333/08, Ġabra p. I-757, punt 105), kif ukoll tad-9 ta’ Diċembru 2010, Humanplasma (C-421/09, Ġabra p. I‑12869, punt 41), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fuq is-suġġett tas-saħħa pubblika, li l-kontenut ipparagunat tal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri oħrajn, tal-Istati Membri l-oħrajn kollha jew kważi kollha, hija ċirkustanza li tista’ tkun rilevanti fl-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjoni oġġettiva magħmula fir-rigward tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u, partikolarment, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tagħha.


94 – Minbarra l-ġurisprudenza dwar il-prinċipju tal-proporzjonalità ċċitata iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ara l-ġurisprudenza iktar ġenerali fuq it-tqassim tal-oneru tal-prova fir-rigward ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u partikolarment is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-416/07, Ġabra p. I-7883, punti 32 u 33), u tat-18 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-301/10, punt 70 sa 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


95 – Il-Kummissjoni ssemmi li l-perċentwali ta’ inċidenti iktar għoljin fil-Litwanja u fil-Polonja milli fi Stati Membri oħrajn jista’ jiġi spjegat b’diversi raġunijiet bħall-istat ta’ infrastruttura tat-toroq jew il-frekwenza tas-sewqan fi stat ta’ sokor f’dawn il-pajjiżi.


96 – L-istatistika pprovduta mir-Repubblika tal-Polonja tirrigwarda r-rati tal-inċidenti li jeżistu fit-territorju nazzjonali jew fuq in-numru ta’ vetturi second hand importati minn Stati Membri oħrajn, imma ma jagħmlux distinzjoni sinjifikattiva f’termini ta’ sigurtà fit-toroq bejn il-vetturi li għandhom is-sistema tal-isteering fuq il-lemin u dawk fejn din is-sistema hija fuq ix-xellug. Ir-Repubblika tal-Litwanja tenfasizza li, skont id-data ta’ Eurostat, in-numru ta’ persuni maqtulin fit-toroq fil-Litwanja u fil-Polonja huwa minn 2 sa 3 darbiet iktar għoli milli fl-Istati Membri oħrajn, imma mingħajr ma dan jippermetti li jiġu karatterizzati biss l-inċidenti mortali kkawżati minn vetturi mgħammra bi steering fuq il-lemin huma ferm iktar numerużi f’dawn iż-żewġ Stati.


97 – Pereżempju, fuq il-kwistjoni tas-saħħa pubblika, id-drawwiet fuq l-ikel tal-popolazzjoni nazzjonali (sentenza tal-5 ta’ Frar 1981, Koninklijke Kaasfabriek Eyssen, 53/80, Ġabra p. 409, punti 13 u 14).