Language of document : ECLI:EU:C:2012:65

Kawża C-277/10

Martin Luksan

vs

Petrus van der Let

(talba għal deċiżjoni preliminari
mressqa mill-Handelsgericht Wien)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proprjetà intellettwali — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttivi 93/83/KEE, 2001/29/KE, 2006/115/KE u 2006/116/KE — Tqassim tad-drittijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol ċinematografiku, permezz ta’ kuntratt, bejn id-direttur prinċipali u l-produttur tax-xogħol — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti dawn id-drittijiet, esklużivament u ipso iure, lill-produttur tal-film — Possibbiltà ta’ deroga minn din ir-regola permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet — Drittijiet sussegwenti għal remunerazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ftehim internazzjonali — Ftehim bejn l-Istati Membri — Ftehim preċedenti għall-adeżjoni mal-Unjoni ta’ Stat Membru — Ftehim li jagħti lil Stat Membru l-possibbiltà li jieħu miżura li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni — Obbligu tal-Istat Membru li jastjeni milli jieħu tali miżura — Inkompatibbiltà li tirriżulta minn żviluppi fid-dritt tal-Unjoni — Impossibbiltà għall-Istat Membru li jinvoka l-imsemmi ftehim sabiex jeżenta lilu nnifsu mill-obbligi mnissla minn dawn l-iżviluppi

(Artikolu 351 TFUE)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Drittijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol ċinematografiku — Drittijiet li jappartjenu ipso iure lid-direttur prinċipali tax-xogħol

(Direttivi tal-Parlament u tal-Kunsill 2001/29, Artikoli 2 u 3, 2006/115, Artikoli 2 u 3, u 2006/116, Artikolu 2; Direttiva tal-Kunsill 93/83, Artikoli 1 u 2)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Drittijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol ċinematografiku — Possibbiltà, għall-Istati Membri, li jistabbilixxu preżunzjoni legali ta’ ċessjoni ta’ dawn id-drittijiet lill-produttur tax-xogħol — Kundizzjoni — Preżunzjoni konfutabbli

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29 u 2006/115, Artikolu 3(4) u (5))

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Drittijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol ċinematografiku — Drittijiet li jappartjenu ipso iure lid-direttur prinċipali tax-xogħol

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 5(2)(b))

5.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Drittijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol ċinematografiku — Dritt għal kumpens bis-saħħa tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata — Impossibbiltà, għall-Istati Membri, li jistabbilixxu preżunzjoni legali ta’ ċessjoni ta’ dan id-dritt lill-produttur tax-xogħol

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 5(2)(b))

1.     Id-dispożizzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE għandha l-għan li tippreċiża, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, li l-applikazzjoni tat-Trattat ma taffettwax l-impenn tal-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet ta’ Stati terzi li jirriżultaw minn ftehim preċedenti u li josserva l-obbligi tiegħu. Madankollu, meta tali ftehim jippermetti Stat Membru li jieħu miżura li tidher li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, mingħajr madankollu ma jobbligah jagħmel dan, l-Istat Membru għandu jastjeni milli jadotta tali miżura. Din il-ġurisprudenza għandha tapplika mutatis mutandis meta, minħabba żviluppi fid-dritt tal-Unjoni, miżura leġiżlattiva meħuda minn Stat Membru fid-dawl tal-possibbiltà mogħtija lilu minn ftehim internazzjonali preċedenti tidher li tmur kontra dan id-dritt. F’sitwazzjoni bħal din, l-Istat Membru kkonċernat ma jistax jibbaża ruħu fuq dan il-ftehim sabiex ma josservax l-obbligi tad-dritt tal-Unjoni li jkunu ġew stabbiliti sussegwentement.

(ara l-punti 61-63)

2.     Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-cable, minn naħa, u tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, flimkien mal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2006/115, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/116, dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-drittijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol ċinematografiku (dritt ta’ riproduzzjoni, dritt ta’ xandir permezz tas-satellita u kull dritt ieħor ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni) jappartjenu ipso iure, direttament u primarjament, lid-direttur prinċipali. Konsegwentement, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti, ipso iure u esklużivament, l-imsemmija drittijiet ta’ sfruttament lill-produttur tax-xogħol inkwistjoni.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/83 u l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29 ma jistgħux jiġu interpretati, fid-dawl tal-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali, fis-sens li Stat Membru jista’, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, abbażi tal-Artikolu 14a tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi, billi juża l-possibbiltà mogħtija lilu minn dan l-artikolu tal-ftehim, jirrifjuta lid-direttur prinċipali ta’ xogħol ċinematografiku id-drittijiet ta’ sfruttament ta’ dan ix-xogħol għaliex tali interpretazzjoni, qabelxejn, ma tosservax il-kompetenzi tal-Unjoni f’dan il-qasam, sussegwentement, ma tkunx kompatibbli mal-għan li tipprova tilħaq id-Direttiva 2001/29 u, fl-aħħar nett, ma tkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jiżgura l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali.

(ara l-punti 71, 72 u d-dispożittiv 1)

3.     Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jistabbilixxu preżunzjoni ta’ ċessjoni, favur il-produttur tax-xogħol ċinematografiku, tad-drittijiet ta’ sfruttament tax-xogħol ċinematografiku (dritt ta’ xandir permezz tas-satellita, dritt ta’ riproduzzjoni u kull dritt ieħor ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni), sakemm din il-preżunzjoni ma jkollhiex natura inkontestabbli li teskludi l-possibbiltà għad-direttur prinċipali tal-imsemmi xogħol li jasal għal ftehim differenti.

(ara l-punt 87 u d-dispożittiv 2)

4.     Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala awtur tax-xogħol ċinematografiku, id-direttur prinċipali tiegħu għandu jibbenefika, ipso iure, direttament u primarjament mid-dritt għar-remunerazzjoni ġusta prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, bis-saħħa tal-eċċezzjoni magħrufa bħala ta’ kopja privata.

(ara l-punt 95 u d-dispożittiv 3)

5.     Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jagħtix il-possibbiltà għall-Istati Membri li jistabbilixxu preżunzjoni ta’ ċessjoni, favur il-produttur tax-xogħol ċinematografiku, tad-dritt għal kumpens ġust tad-direttur prinċipali tal-imsemmi xogħol, kemm jekk tali preżunzjoni tiġi fformulata b’mod li ma tistax tiġi kkontestata, u kemm jekk ikun hemm eċċezzjonijiet għaliha.

Fil-fatt, ħlief jekk wieħed ikun irid ineħħi kull effett tagħhom, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, jimponu fuq l-Istat Membru li jkun stabbilixxa l-eċċezzjoni ta’ kopja privata fid-dritt nazzjonali tiegħu obbligu ta’ riżultat, fis-sens li dan l-Istat huwa marbut li jiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu, ħlas effettiv tal-kumpens ġust intiż li jikkumpensa lid-detenturi tad-drittijiet ippreġudikati. Issa, li wieħed jimponi obbligu ta’ riżultat ta’ ħlas ta’ kumpens ġust bħal dan favur id-detenturi tad-drittijiet jirriżulta kunċettwalment irrikonċiljabbli mal-possibbiltà għal dan id-detentur li jirrinunzja għal kumpens ġust u, iktar u iktar, mal-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jistabbilixxu tali preżunzjoni ta’ ċessjoni.

(ara l-punti 106, 108, 109 u d-dispożittiv 4)