Language of document : ECLI:EU:C:2013:764

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

NIILO JÄÄSKINEN

ippreżentati fil-21 ta’ Novembru 2013 (1)

Kawża C‑360/12

Coty Germany GmbH, li kienet Coty Prestige Lancaster Group GmbH,

vs

First Note Perfumes NV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il‑Ġermanja)]

“Ġurisdizzjoni internazzjonali f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikolu 93(5) — Ġurisdizzjoni f’materja ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja —Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 5(3) — Ġurisdizzjoni speċjali f’materja ta’ delitt — Att imwettaq mill-konvenut fi Stat Membru ieħor li jikkostitwixxi assistenza għall-att ta’ vjolazzjoni jew għad-delitt imwettaq fuq it-territorju tal-Istat Membru fejn tinsab il-qorti adita”





I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tgħid jekk huwiex possibbli li ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti ta’ Stat Membru tkun ibbażata fuq is-sempliċi imputazzjoni ta’ atti allegatament illegali li twettqu minn terza persuna lil konvenuta, daqs li kieku din kienet ukoll aġixxiet fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

2.        Din il-problematika tqum, fl-ewwel lok, b’mod kompletament ġdid, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 93(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (2), abbażi ta’ allegata kontribuzzjoni indiretta tal-konvenuta għal fatti ta’ vjolazzjoni mwettqa minn terzi.

3.        F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (3), dan ir-rinviju preliminari jaqa’ f’serje ta’ kawżi reċenti dwar eventwali ammissibbiltà ta’ konnessjoni mal-atti delittwali ta’ terza persuna, għall-finijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kap ta’ ġurisdizzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni (4). L-analiżi ta’ dan l-aspett tal-kawża juri tensjoni bejn żewġ linji ta’ ġurisprudenza, waħda li tiffavorixxi interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni inqas wiesa’ mill-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni.

4.        Barra minn hekk, iż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jinteraġġixxu peress li l-ewwel waħda hija intiża, b’mod partikolari, sabiex jiġi ddeterminat sa fejn, b’riżerva li tiġi aċċettata estensjoni ta’ ġurisdizzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I, din l-interpretazzjoni tista’ tiġi trasposta għall-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja. Għandhom għalhekk jiġi esplorati r-rabtiet li jistgħu jeżistu bejn dawn iż-żewġ regolamenti.

5.        Konkretament, dan ir-rinviju preliminari jsegwi azzjoni mressqa quddiem qorti Ġermaniża, minn kumpannija Ġermaniża, kontra kumpannija Belġjana, minħabba li din tal-aħħar ipparteċipat f’att li jikser it-trade mark Komunitarja miżmuma mill-ewwel waħda u kkontribwiet għal atti ta’ kompetizzjoni żleali fil-konfronti tagħha. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar il-punt jekk il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi tistax tkun ibbażata fuq il-fatt li l-konvenuta, li aġixxiet fil-Belġju, allegatament assistiet fit-twettieq ta’ atti illegali mwettqa fil-Ġermanja minn imprenditur Ġermaniż li, dan, ma tħarrikx quddiem il-ġustizzja.

II – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

6.        Coty Germany GmbH (5) (iktar ’il quddiem “Coty Germany”) tipproduċi u tiddistribwixxi, fil-Ġermanja, fwejjaħ u prodotti kożmetiċi. Hija tikkummerċjalizza, b’mod partikolari, fwieħa għan-nisa fi flixkun li jirriproduċi trade mark Komunitarja tridimensjonali, li tiegħu hija għandha d-drittijiet wara r-reġistrazzjoni.

7.        First Note Perfumes N.V. (iktar ’il quddiem “First Note Perfumes”) teżerċita, fil-Belġju, attività ta’ bejjiegħ bl-ingrossa fis-settur tal-fwieħa. F’Jannar 2007, hija biegħet wieħed mill-prodotti fil-katalgu tagħha lil Stefan P. Warenhandel (iktar ’il quddiem “Stefan P.”), li l-istabbilment kummerċjali tiegħu kien jinsab fil-Ġermanja. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-kunsinna tal-fliexken tal-fwieħa għan-nisa li kienu ordnati saret fil-Belġju. Sussegwentement, jiġifieri f’Awwissu 2007 skont Coty Germany, Stefan P. reġa’ biegħ dawn il-prodotti fuq it-territorju Ġermaniż.

8.        Peress li qieset li d-distribuzzjoni ta’ fwieħa fi flixkun li jixbah lit-trade mark Komunitarja li hija detentriċi tagħha kienet tikkostitwixxi vjolazzjoni, pubbliċità komparattiva illegali u imitazzjoni żleali, Coty Germany ppreżentat quddiem il-qorti Ġermaniża rikors unikament kontra First Note Perfumes (6) intiż sabiex din tiġi kkundannata, minn naħa, tikkomunika l-informazzjoni dwar il-fornitur tagħha, u min-naħa l-oħra, tikkumpensa d-danni kollha li r-rikorrenti tkun sostniet u se ssostni minħabba d-distribuzzjoni ta’ dan il-prodott fil-Ġermanja, kif ukoll tirrimborsalha l-ispejjeż sostnuti qabel il-fażi kontenzjuża.

9.        Peress li ċ-ċaħda ta’ dawn id-domandi fl-ewwel istanza ġiet ikkonfermata fl-appell, minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi, Coty Germany ppreżentat rikors ta’ reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof. Hija invokat ksur tat-trade mark Komunitarja kkonċernata u l-użu ta’ prattiċi li jikkostitwixxu kompetizzjoni żleali.

10.      Fir-rigward tat-trade mark Komunitarja, il-Bundesgerichtshof tindika li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi tiddependi, skont l-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (7), mill-kwistjoni dwar jekk Coty Germany argumentatx b’mod validu li l-unika konvenuta kienet wettqet vjolazzjoni fil-Ġermanja.

11.      Issa, First Note Perfumes setgħet biss tipparteċipa f’tali att fuq it-territorju Ġermaniż minħabba l-bejgħ, li sar fil-Belġju, tal-fliexken ta’ fwieħa inkwistjoni lil Stefan P., li sussegwentement allegatament wettaq, fil-Ġermanja, vjolazzjoni ta’ trade mark fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1)(b) tal-imsemmi regolament (8). F’dan ir-rigward, Coty Germany sostniet li First Note Perfumes kienet ikkontribwixxiet għall-ksur allegatament ikkawżat tad-drittijiet tagħha fil-Ġermanja, peress li billi kienet taf li l-klijent Ġermaniż tagħha kellu l-intenzjoni li jbigħ mill-ġdid il-prodotti mixtrija fil-Belġju, hija b’hekk kienet għinitu u li, għaldaqstant, hija kienet ukoll responsabbli għall-element li jikkostitwixxi l-vjolazzjoni.

12.      Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ Coty Germany bbażati fuq ksur tad-dritt Ġermaniż tal-kompetizzjoni żleali (9), l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I (10) jista’ jkun ta’ bażi għall-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi fir-rigward tal-azzjoni mibdija kontra First Note Perfumes, minħabba l-post fejn seħħ il-fatt dannuż. Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar ir-regolament dwar it-trade mark Komunitarja jqumu wkoll, għalhekk, mutatis mutandis, f’dan il-kuntest.

13.      Permezz ta’ digriet ippreżentat fl-31 ta’ Lulju 2012 , il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 93(5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [dwar it-trade mark Komunitarja] għandu jiġi interpretat fis-sens li fatt ta’ vjolazzjoni jkun twettaq fi Stat Membru (Stat Membru A) fis-sens tal-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja f’każ ta’ parteċipazzjoni, permezz ta’ att li seħħ fi Stat Membru ieħor (Stat Membru B), fil-ksur tad-drittijiet għal trade mark li jseħħ fl-ewwel Stat Membru (Stat Membru A)?

2)      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Brussell I] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt dannuż seħħ fi Stat Membru (Stat Membru A) meta d-delitt li huwa s-suġġett tal-proċedura jew fl-oriġini tal-allegazzjonijiet imqajma twettaq fi Stat Membru ieħor (Stat Membru B) u jikkonsisti fil-parteċipazzjoni fid-delitt (delitt prinċipali) imwettaq fl-ewwel Stat Membru (Stat Membru A)?”

14.      Coty Germany, First Note Perfumes, il-Gvern tar-Renju Unit, dak tal-Isvizzera, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għamlu osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. Matul is-seduta li nżammet fid-19 ta’ Settembru 2013, il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati.

III – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

15.      Qabel xejn, nippreċiża li, peress li d-data ta’ meta ġraw il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali tmur lura għall-2007, huma biss id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja u dawk tar-Regolament ta’ Brussell I, kif imsemmija fid-domandi preliminari, li huma applikabbli ratione temporis, bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti li jirriżultaw mir-Regolamenti (KE) Nru 207/2009 (11) u (UE) Nru 1215/2012 (12) li mmodifikaw rispettivament l-ewwel tnejn ta’ dawn it-testi. Madankollu, id-dispożizzjonijiet relevanti f’din il-kawża ma kinux suġġetti għal emendi li jaffettwaw il-kontenut tagħhom.

16.      Inżid li l-fundament ta’ dawn iż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jinsab fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza Bier, imsejħa “Mines de Potasse d’Alsace” (13). Minn dan jirriżulta li, skont il-ġurisdizzjoni f’materja ta’ delitt, l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” li tinsab fl-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (14) tinkludi kemm il-post fejn immaterjalizza ruħu d-dannu kif ukoll il-post fejn seħħ l-aġir li kkawża dan id-dannu, b’mod li l-konvenut ikun jista’ jiġi mħarrek, fuq l-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet.

17.      Għalkemm huwa ċert li din l-għażla tapplika wkoll għall-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I li ssostitwixxa l-imsemmija konvenzjoni (15), xorta jibqa’ dubji, riflessi mit-tieni domanda, rigward il-possibbiltà li din l-għażla tiġi estiża b’mod li tiġi inkluża fiha konnessjoni marbuta mal-atti mwettqa minn persuna li ma tressqitx quddiem il-qorti, b’mod iktar partikolari taħt l-angolu tal-post fejn immaterjalizza ruħu d-dannu. L-ewwel domanda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, qabel xejn, li tgħid jekk l-imsemmija ġurisprudenza tistax tiġi implementata b’mod analogu għal dak taħt l-Artikolu 93(5) tar-regolament dwar it-trade mark Komunitarja, jew jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata b’mod awtonomu u, fi kwalunkwe każ, jekk jistax jirriżulta minnha kap ta’ ġurisprudenza għal kull qorti adita b’azzjoni għal vjolazzjoni f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

B –    Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja

–       Osservazzjonijiet preliminari

18.      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-punt dwar jekk l-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jiġi stabbilit, skont il-post tal-fatt tal-vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja akkużat bih wieħed mill-allegati awturi ta’ din il-vjolazzjoni, li ma huwiex parti mill-kawża, ġurisdizzjoni kontra allegat awtur ieħor tal-imsemmija vjolazzjoni li, fil-fehma tiegħu, ma aġixxiex fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

19.      Iktar konkretament, il-Bundesgerichtshof, tistaqsi jekk, f’dan il-każ, fatt ta’ vjolazzjoni, fis-sens tal-imsemmi Artikolu, twettaqx fil-Ġermanja sa fejn il-bejgħ ta’ fliexken tal-fwieħa inkwistjoni minn First Note Perfumes lil Stefan P., minkejja li seħħ fil-Belġju, ikkontribwixxa għall-ksur tat-trade mark Komunitarja miżmuma minn Coty Germany li twettaq minn Stefan P. fil-Ġermanja, b’mod li l-qrati Ġermaniżi għandhom ġurisdizzjoni fil-konfront ta’ First Note Perfumes.

20.      Il-qorti tar-rinviju u Coty Germany esprimew ruħhom favur risposta pożittiva, kuntrarjament għal First Note Perfumes u l-Kummissjoni. Il-Gvern Ġermaniż sostna li l-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja ma jipprovdix għal ġurisdizzjoni tal-qrati bbażata fuq il-post tar-riżultat tal-vjolazzjoni, iżda jippermetti attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni meta diversi persuni jkunu pparteċipaw konxjament għal ksur transkonfinali kontra trade mark Komunitarja. Il-Gvern tar-Renju Unit u dak tal-Isvizzera ma ppreżentawx osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett.

21.      Insostenn tal-analiżi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-prinċipju li, għall-finijiet tad-determinazzjoni jekk qorti ta’ Stat Membru għandhiex ġurisdizzjoni, l-identifikazzjoni tal-post fejn twettaq il-fatt tal-vjolazzjoni fis-sens tal-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja għandha ssegwi l-istess kriterji bħal dawk użati għall-identifikazzjoni tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I.

22.      Madankollu, inqis, għar-raġunijiet li ser jiġu żviluppati iktar ’il quddiem, li tali analoġija ma tistax tirnexxi. Għalhekk, l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi interpretata bħala norma differenti mit-tieni waħda.

–       Esklużjoni ta’ traspożizzjoni tal-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I

23.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-risposta għad-domanda dwar il-kwistjoni f’liema Stat Membru twettaq fatt allegatament ta’ vjolazzjoni fis-sens tal-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja tiddependi kemm mill-post tal-fatt kawżali li ta lok għad-dannu (16) kif ukoll tal-post fejn dann seħħ (17), skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Mines de Potasse d’Alsace, iċċitata iktar ’il fuq. Hija ssostni li din l-interpretazzjoni li tirriżulta b’analoġija mal-alternattiva aċċettata għall-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I hija fil-parti l-kbira adottata mid-duttrina (18) u hija wkoll konformi mas-sens u mal-għan ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

24.      Anki fl-ipoteżi li dawn iż-żewġ punti ta’ konnessjoni huma relevanti, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu, jaqbel li sussegwentement jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, wieħed minnhom jistax jiġi kkunsidrat stabbilit fil-konfront ta’ First Note Perfumes, li jkun ifisser li l-fatti ta’ vjolazzjoni mwettqa fil-Ġermanja mill-allegat awtur prinċipali, jiġifieri Stefan P., jkunu jistgħu jiġu imputatati lilha sa fejn hija tkun ipparteċipat indirettament. Minn dan jirriżulta li l-qrati Ġermaniżi jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fil-konfront ta’ First Note Perfumes anki jekk il-kawża ma tkunx infetħet kontra Stefan P.

25.      Madankollu, fil-fehma tiegħu, diversi argumenti jmorru kontra l-possibbiltà li l-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja jiġi interpretat fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I.

26.      Fl-ewwel lok, infakkar li l-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ strumenti hija espressament meqjusa fir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, fis-sens li l-Artikolu 90(1) tiegħu, li l-kontenut tiegħu huwa espress f’termini iktar konċiżi milli fil-premessa ħmistax tiegħu, jistabbilixxi l-prinċipju ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell f’każ ta’ azzjoni quddiem qorti dwar trade mark Komunitarja, li tapplika wkoll għar-Regolament Brussell I (19).

27.      Madankollu jeżistu eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju. B’mod partikolari, l-Artikolu 90(2)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ta’ Brussell I għall-proċeduri li jirriżultaw mill-azzjonijiet u talbiet imsemmija fl-Artikolu 92 ta’ dan l-ewwel regolament (20), jiġifieri, b’mod partikolari, “kull kawża ta’ vjolazzjoni” (21). Fid-dawl ta’ din l-esklużjoni, l-Artikolu 93 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja jipprovdi diversi kapijiet ta’ ġurisdizzjoni, li japplikaw “f’kaskata”, li huma partikolari għall-materja kkunsidrata minn din id-dispożizzjoni u li jmorru ’l bogħod xi kultant b’mod partikolari minn dawn il-provi fir-Regolament Brussell I (22), b’mod partikolari l-paragrafu 5 tiegħu (23). Sa minn dan l-istadju, nenfasizza li l-affermazzjoni espressa (24) li l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma huwiex applikabbli għall-azzjonijiet ta’ vjolazzjoni, li huwa sostitwit bl-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja billi jistabbilixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċifika f’din il-materja, ma jippermettix fil-fehma tiegħi interpretazzjoni konġunta ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

28.      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-qorti tar-rinviju, inqis li l-ispeċifiċità ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ma tistax tiġi nnegata, iktar u iktar fid-dawl, fit-tieni lok, tal-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, ix-xogħlijiet preparatorji jindikaw li, qabel ma nbdiet l-fażi leġiżlattiva fil-veru sens tal-kelma, il-proċess ta’ stabbiliment tal-abbozz ta’ Regolament dwar it-trade mark Komunitarja integra t-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Brussell u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-interpretazzjoni tagħhom (25). Fi ħdan il-Kummissjoni, il-grupp ta’ ħidma dwar it-trade mark Komunitarja rreleva li dawn ir-regoli kienu jidhru insuffiċjenti sabiex jirregolaw il-problemi partikolari mqajma mill-vjolazzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw minn tali titolu uniku li jseħħ f’diversi Stati Membri. B’mod partikolari, l-imsemmi grupp qies li fid-dawl tal-ispeċifiċità tat-trade mark Komunitarja, kien meħtieġ li tiġi emendata r-regola li tirriżulta mill-Artikolu 5(3) ta’ din il-konvenzjoni (26). Inżid li l-kontenut ta’ dak li jikkostitwixxi l-partikolarità tal-kap ta’ ġurisdizzjoni speċjali previst fl-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (27) qatt ma ġie kkontestat, minkejja s-serje ta’ emendi li saru lir-regolament (28).

29.      Fit-tielet lok, provi kuntestwali jikkoraboraw l-argument li r-redatturi tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja kellhom l-intenzjoni li jindikaw id-differenza bejn din id-dispożizzjoni u dik li teżisti fil-Konvenzjoni ta’ Brussell. Fil-fatt, il-paragun ma’ strumenti adottati f’oqsma relatati juri li l-leġiżlatur Komunitarju konxjament għażel li jwarrab il-kap ta’ ġurisdizzjoni li jinsab fl-Artikolu 5(3) ta’ din il-Konvenzjoni, triq li huwa għażel li jsegwi f’testi oħra relatati mal-proprjetà intellettwali (29) u li kuntrarjament warrab fir-Regolament (KE) Nru 2100/94 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (30). Dan il-kuntrast ma jistax jiġi ridott għal żball tal-pinna kif jidher li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju. Fil-fehma tiegħi, dan ikompli juri li r-redazzjoni u l-adozzjoni ta’ dan l-aħħar strument huma kontemporanji għal dawk tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.

30.      Fir-raba’ lok, inqis li s-serje ta’ motivi li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta d-distinzjoni bejn il-post li ta lok għad-dannu u l-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu li tapplika fir-rigward tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I ma huwiex applikabbli wkoll għall-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, fid-dawl tal-ħafna differenzi li jeżistu fir-rigward tal-kontenut ta’ kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

31.      Fil-fatt, minn naħa, il-kunċett ta’ post fejn twettaq il-fatt ta’ vjolazzjoni huwa iktar dejjaq minn dak tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż (31). Minn naħa, il-vokabolarju użat fl-imsemmi Artikolu 93(5) jidher li jissuġġerixxi aġir attiv, li huwa iktar sinjifikattiv meta japplika għall-post tal-fatt ġeneratur milli għall-post fejn immaterjalizza ruħu d-dannu, filwaqt li l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I jidher li hija possibbli mit-terminoloġija iktar newtra użata f’dan l-aħħar artikolu (32). Fl-aħħar nett, nenfasizza li l-portata tal-ġurisdizzjoni mogħtija minn waħda jew l-oħra fost dawn id-dispożizzjonijiet hija differenti minn diversi aspetti (33), li jkompli jnaqqas ir-relevanza ta’ viċinanza fosthom.

32.      Fil-fehma tiegħi, huwa possibbli li jiġu dedotti partikolaritajiet mill-formulazzjoni tal-Artikolu 93(5) (34), li mqiegħda f’perspettiva flimkien mal-kuntest li dan it-test ġie redatt fih, li dan ma joħloqx ġurisdizzjoni skont il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu. Għalhekk, l-applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza Mines de Potasse d’Alsace, iċċitata iktar ’il fuq fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni għandha tiġi eskluża.

33.      Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja li, b’deroga għall-paragrafi 1 sa 4 tal-imsemmi Artikolu 93 jistabbilixxi ġurisprudenza fil-post fejn twettaq il-fatt ta’ vjolazzjoni, jipproċedi mill-istess kunsderazzjonijiet bħall-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-eżistenza ta’ konnessjoni partikolarment stretta bejn il-kawża u l-qrati tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż, konnessjoni li tiġġustifika għoti ta’ ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni effettiva tal-proċess.

34.      Fid-dawl ta’ dan l-argument, tista’ ssir domanda oħra. Din tikkonsisti f’jekk, minkejja li intepretazzjoni b’analoġija ma hijiex possibbli, il-linji gwida li rregolaw l-interpretazzjoni tar-Regolament Brussell I għandhom madankollu jiġu applikati skont l-interpretazzjoni tal-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, anki jekk dan l-aħħar strument ma jsemmi xejn f’dan ir-rigward. Fost dawn il-prinċipji, hemm l-eżiġenzi relatati ma’ rabta stretta bejn il-kawża u l-qorti adita, mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u mal-organizzazzjoni effettiva tal-proċess, iżda wkoll mal-prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u maċ-ċertezza legali.

35.      F’dan ir-rigward, nirreleva li dawn id-diversi eżiġenzi huma qabel kollox kwistjonijiet ta’ prinċipji ta’ interpretazzjoni li stabbiliet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-ġurisprudenza tagħha dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell I, li ssemmi wħud minnhom espressament (35). Dawn jirriżultaw kemm minn kundizzjonijiet li jaqgħu impliċitament taħt id-dispożizzjonijiet li ġew analizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll taħt il-kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali u ta’ sens komun. Dawn il-prinċipji universali jistgħu għalhekk jiġu interpretati fir-rigward ta’ strument ieħor, bil-kundizzjoni li la l-kontenut u lanqas l-għan tar-regola ta’ ġurisdizzjoni kkonċernata ma tkun tipprojbixxih.

36.      Nippreċiża li ma jistax jiġi argumentat li nuqqas ta’ prevedibbiltà jew ta’ ċertezza legali setgħet tirriżulta minn interpretazzjoni mhux uniformi tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ strumenti, għaliex jekk dawn jiġu amalgamati bejniethom dan iwassal biex jiġi nnegat li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja jikkostitwixxu b’xi mod lex specialis meta mqabbla ma’ dawk previsti mir-Regolament Brussell I. L-għażliet magħmula mil-leġiżlatur Komunitarju f’dan il-kuntest ġuridiku l-ieħor għandhom jiġu osservati.

37.      Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta interpretazzjoni awtonoma tal-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi msemmija iktar ’il fuq sa fejn dan ir-regolament jippermetti dan, sabiex tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari.

–       Evalwazzjoni dwar l-estensjoni eventwali tal-ġurisdizzjoni skont il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu kkawżat wkoll minn terza persuna mhux konvenuta

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddeċiedi dwar l-eventwali possibbiltà li tingħata ġurisdizzjoni minħabba konnessjoni li l-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja kieku jippermetti li jiġi mħarrek konvenut sempliċement minħabba l-fatt li pparteċipa indirettament, fi Stat Membru, għal allegat fatt ta’ vjolazzjoni mwettaq, prinċiplament, fi Stat Membru ieħor, minn terza persuna li ma hijiex konvenuta fl-azzjoni mibdija quddiem il-qrati ta’ dan it-tieni Stat Membru.

39.      Issa, fil-fehma tiegħi, mill-Artikolu 94(2) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja jirriżulta li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 93(5) ta’ dan ir-regolament huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ territorjalità, hawnhekk ikkonċepit b’mod strett (36). Fil-fatt, huwa previst li qorti li għandha ġurisdizzjoni taħt dan il-kap “għandha ġurisdizzjoni [...] biss fir-rigward ta’ atti mwettqa jew mhedda fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn tinsab dik il-Qorti”, filwaqt li l-qrati li l-ġurisdizzjoni tagħhom hija bbażata fuq wieħed jew iktar mill-paragrafi tal-imsemmi Artikolu 93 jistgħu jiddeċiedu wkoll dwar fatti ta’ vjolazzjoni mwettqa barra mit-territorju nazzjonali.

40.      Barra minn hekk, ix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja jinċitaw sabiex jiġi kkunsidrat li l-kap ta’ ġurisdizzjoni speċjali li jirriżulta mill-Artikolu 93(5) tiegħu għandu jiġi interpretat b’mod strett. Dan l-approċċ japplika għal raġunijiet relatati ma’ dan l-istrument, li jirreferu għad-diffikulta li jiġu kkonċiljati n-natura unitarja tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark Komunitarja (37) u r-riskji ta’ ksur ta’ drittijiet f’diversi lokalitajiet fuq it-territorju tal-Unjoni (38). First Note Perfumes, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jinsistu, ġustament, dwar il-fatt li f’każ ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, kull Stat Membru jista’ fil-prattika jiġi kkunsidrat bħala post ta’ materjalizzazzjoni tal-vjolazzjoni, peress li d-dritt protett iħalli l-effetti tiegħu fuq it-territorju kollu tal-Unjoni.

41.      Inżid li l-idea li qorti unifikata kienet inizjalment ġiet ikkunsidrata mil-leġiżlatur (39) u li jidher li l-għoti tal-ġurisdizzjoni lill-qrati nazzjonali, finalment adottata, hija kompromess. Dan jimmilita favur interpretazzjoni li tillimita l-isplużjoni ta’ każijiet fir-rigward ta’ protezzjoni intellettwali uniformi. L-għan li jiġi evitat li jingħataw deċiżjonijiet kontradittorji huwa fil-fatt espressament imsemmi fil-preambolu tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (40).

42.      Għan ieħor ta’ dan ir-regolament, li jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji (41), huwa dak li jikkonsisti fil-ġlieda kontra l-“forum shopping”. Dan jimmilita wkoll kontra interpretazzjoni wiesgħa skont liema jkun possibbli li tiġi mħarrka persuna suspettata li tkun ipparteċipat fit-twettiq ta’ fatt ta’ vjolazzjoni jkun xi jkun il-punt ta’ konnessjoni relatat mal-attivitajiet illegali ta’ persuna oħra, li hi stess ma tkunx imħarrka.

43.      Fl-aħħar nett, hemm lok li wieħed jistaqsi jekk il-prinċipji gwida li ġew definiti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-interpretazzjoni tar-Regolament Brussell I (42) jiġġustifikawx interpretazzjoni opposta tal-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja. Fl-opinjoni tiegħi, dan ma għandux ikun il-każ fil-kawża preżenti, fid-dawl tal-partikolaritajiet ta’ dan il-kap ta’ ġurisdizzjoni deskritti iktar ’il fuq. Jidhirli li, fil-kuntest stess tal-protezzjoni tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali unit li jikkostitwixxi t-trade mark Komunitarja, il-leġiżlatur identifika prijoritajiet marbuta qabel xejn mal-konċentrazzjoni tal-kawża quddiem il-qrati ta’ Stat Membru wieħed, jiġifieri dak fejn l-att ta’ vjolazzjoni twettaq jew seta’ jitwettaq.

44.      Għalhekk, nikkunsidra li hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li sabiex allegat fatt ta’ vjolazzjoni jkun ikkunsidrat li twettaq fi Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, u għalhekk iservi ta’ bażi għall-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru, ma huwiex biżżejjed li l-konvenut ikun ipparteċipa indirettament, permezz ta’ att li jkun seħħ fi Stat Membru ieħor, għall-ksur ta’ drittijiet relatati mat-trade mark Komunitarja li jkun twettaq fl-ewwel Stat Membru minn terza persuna mhux konvenuta fl-azzjoni mibdija.

C –    Dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I

–       Osservazzjonijiet preliminari

45.      It-tieni domanda hija dwar il-punt jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi stabbilita ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ wieħed mill-allegati atturi ta’ dannu allegat, minkejja li dan il-konvenut ma jkunx aġixxa fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, meta d-delitt invokat kontra tiegħu jkun twettaq fi Stat Membru ieħor u jikkonsisti fil-parteċipazzjoni għal “delitt prinċipali” (43) li jkun twettaq fl-Istat Membru fejn tinsab l-imsemmija qorti minn allegat awtur ieħor.

46.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju, Coty Germany, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u dak Svizzeru esprimew ruħhom favur l-ammissjoni ta’ tali kap ta’ ġurisdizzjoni abbażi ta’ konnessjoni mal-aġir ta’ terza persuna. Il-Gvern tar-Renju Unit kien inqas nett, peress li ppropona li din il-possibbiltà tiġi suġġetta għal eżiġenzi ċirkustanzjali, jiġifieri li tiġi aċċettata biss jekk tkun teżisti rabta biżżejjed ċara u diretta bejn l-allegat att illegali mwettaq fl-Istat Membru fejn tinsab il-qorti adita u l-attivitajiet tal-konvenut fi Stat Membru ieħor. Min-naħa l-oħra, First Note Perfumes u l-Kummissjoni esprimew ruħhom kontra din il-possibbiltà.

–       Tagħlim li għandu jittieħed mill-ġurisprudenza

47.      Qabel xejn, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Brussell I għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, b’riferiment għas-sistema u għall-għanijiet ta’ dan (44).

48.      Skont il-premessa 11 “Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra [mill-imsemmi regolament] u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti”.

49.      Għalhekk, huwa biss b’deroga għall-prinċipju fundamentali stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Brussell I, li tattribwixxi ġurisdizzjoni ġenerali lill-qrati tal-Istat Membru fuq it-territorju fejn il-konvenut huwa domiċiljat, li l-Kapitolu II, Sezzjoni 2 ta’ dan ir-regolament tipprovdi ċertu numru ta’ għoti ta’ ġurisdizzjoni speċjali, fosthom dik prevista fl-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament (45).

50.      Fir-rigward, b’mod partikolari tar-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 5(3), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn il-kontestazzjoni u l-qrati tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż jew kien jista’ jseħħ, li tiġġustifika l-għoti tal-ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni effettiva tal-proċess (46), skont id-direzzjoni mogħtija mill-premessa 12 ta’ dan ir-Regolament Brussell I. Fil-fatt, l-identifikazzjoni tal-post tal-avveniment kawżali għandha tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li hija oġġettivament fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk jeżistux l-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà tal-persuna mħarrka (47).

51.      Bħala regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, li għalhekk għandha natura derogatorja, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett u, għaldaqstant, ma tippermettix interpretazzjoni li tmur lilhinn mill-ipoteżi msemmija b’mod espliċitu (48), peress li ma jistax jiġi aċċettat bdil fir-regola ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut.

52.      Madankollu, skont il-ġurisprudenza stabbilita li rriżultat mis-sentenza Mines de Potasse d’Alsace, iċċitata iktar ’il fuq, l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I jinkludi fl-istess ħin kemm il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu kif ukoll il-post tal-avveniment kawżali li ta lok għal dan id-dannu (49).

53.      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà f’parti tat risposta negattiva għat-tieni domanda magħmula f’din il-kawża f’dak li jikkonċerna wieħed minn dawn il-fatturi ta’ konnessjoni, jiġifieri l-post tal-avveniment kawżali, li għal dan, il-possibbiltà ta’ ġurisdizzjoni bbażata unikament fuq tħarrik minħabba kompliċità ġiet eskluża. Fil-fatt, mis-sentenza Melzer, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li “l-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Brussell I], għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li jiġi stabbilit, skont il-post tal-fatt dannuż imputat lil wieħed mill-allegati awturi ta’ dannu, li ma huwiex parti mill-kawża, ġurisdizzjoni kontra allegat awtur tal-imsemmi dannu li ma jkunx aġixxa fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita”.

54.      Huwa minnu li meta tirreferi għall-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, il-qorti tar-rinviju tidher li tinkludi, fit-tieni domanda tagħha, kemm il-post tal-avveniment kawżali kif ukoll il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu. Fil-fatt, fid-dawl tad-data fattwali tal-kawża prinċipali, il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi hija suxxettibbli li tkun ibbażata fuq wieħed jew ieħor minn dawn il-kriterji, sakemm ikun possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-konfront ta’ First Note Perfumes atti mwettqa fil-Ġermanja minn Stefan P.

55.      Madankollu, għandu jiġi osservat li din il-qorti ma kinitx f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjonijiet tas-sentenza Melzer iċċitata iktar ’il fuq, peress li din ingħatat f’data posterjuri għat-tressiq tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, minkejja l-formulazzjoni ġenerali tad-domanda magħmula, l-osservazzjonijiet tiegħi iktar ’il quddiem se jkunu limitati għall-kap ta’ ġurisprudenza relatata mal-post fejn seħħ id-dannu (50), sa fejn l-aspett l-ieħor tal-problema mqajma minn din il-kawża diġà ġie trattat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kawża Melzer.

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll fir-rigward tal-konnessjoni li tirriżulta mill-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, f’sentenza li jerġa’ hija iktar reċenti, li tikkonċerna qasam speċifiku, jiġifieri delitt li jikkonsisti fi ksur tad-drittijiet tal-awtur. Fil-fatt, f’termini tas-sentenza Pinckney, iċċitata iktar ’il fuq, “l-Artikolu 5(3) tar-[Regolament Brussell I] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ allegat ksur għad-drittijiet tal-awtur protetti mil-Istat Membru tal-qorti adita, din għandha ġurisdizzjoni sabiex tittratta kawża dwar responsabbiltà mressqa minn l-awtur ta’ xogħol kontra kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor u li, f’dan l-istat, ġie riprodott l-imsemmi xogħol fuq mezz materjali li huwa sussegwentement mibjugħ minn kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru terz, permezz ta’ sit tal-internet aċċessibbli wkoll fil-ġurisdizzjoni tal-qorti adita. Din il-qorti għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tiddeċiedi dwar id-dannu kkawżat fit-territorju tal-Istat Membru li jappartjeni lilu”. Hemm lok ukoll li minnha jinġibdu konklużjonijiet, sa fejn it-traspożizzjoni ta’ din is-soluzzjoni tkun possibbli, fil-kuntest ta’ din il-kawża.

–       Evalwazzjoni dwar l-estensjoni eventwali tal-ġurisdizzjoni minħabba l-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu kkawżat ukoll minn terza persuna indipendenti

57.      It-tieni domanda preliminari, kif ifformulata fid-dawl tal-acquis ġurisprudenzjali espost iktar ’il fuq, tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, sabiex tiddeċiedi jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi stabbilita, skont il-post tal-materjalizzazzjoni ta’ dannu li l-fatt ġeneratur tiegħu huwa imputat lil wieħed mill-allegati awturi ta’ dan id-dannu, ġurisdizzjoni fil-konfront ta’ allegat awtur ieħor tal-imsemmi dannu li, min-naħa tiegħu, ma aġixxiex fil-kuntest tal-qorti adita.

58.      Għandu jiġi enfasizzat, fid-dawl tal-prinċipju tal-interpretazzjoni awtonoma, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell I għandhom ikunu suġġetti għal, distinzjoni netta bejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà delittwali li tirriżulta mill-evalwazzjoni fil-mertu tal-kawża skont il-liġi applikabbli għall-każ u, min-naħa l-oħra, il-punti ta’ konnessjoni fejn huma relevanti għall-istadju tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati skont il-kunċetti li jinsabu fl-imsemmi regolament. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (51), ma jeżistix qbil sistematiku bejn dawn iż-żewġ gruppi ta’ normi, b’mod li fil-fehma tiegħi ma huwiex biżżejjed, sabiex qorti tkun tista’ tiddikkjara li għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari abbażi tal-post tal-materjalizzazzjoni tal-fatt dannuż, li d-dritt applikabbli jew il-liġi tal-forum tippermetti l-ħlas għal dannu ta’ ċertu tip jew skont modi partikolari, bħall-imputazzjoni lill-konvenut ta’ atti mwettqa minn terzi li dan ikun għen, kif ikkunsidrat mill-qorti tar-rinviju.

59.      Kieku tali approċċ kellu jiġi aċċettat fir-rigward tal-kunċett tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tkun ikkonfrontata bin-neċessità li toħloq “limitu” kwantitattiv/kwalitattiv ta’ imputazzjoni li abbażi tiegħu, f’każ ta’ diversi intervenjenti fit-twettiq ta’ delitt, wieħed minnhom ikun jista’ jiġi mħarrek jew le fil-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu li jkun jirriżulta, fost oħrajn, mill-azzjoni tiegħu. Din il-problema speċifika ma tqajjmitx fil-kawża Melzer, iċċitata iktar ’il fuq, peress li fir-rigward tal-post tal-fatt li ta lok għad-dannu, l-att ta’ kull wieħed mill-awturi li aġixxa fi Stati Membri differenti jista’ jiġi iżolat iktar faċilment fl-ispazju milli fil-post tal-materjalizzazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, għalkemm id-data fattwali ta’ din il-kawża prinċipali jippermettu li ssir distinzjoni ċara bejn ir-responsabbiltà prinċipali u r-responsabbiltà aċċessorja (52), hemm lok li ma jiġux esklużi konfigurazzjonijiet oħra li jistgħu jkunu iktar kumplessi, kemm fuq il-livell kwantitattiv (53) kif ukoll fuq dak kwalitattiv (54).

60.      Fuq dan l-aħħar punt, infakkar li l-Gvern tar-Renju Unit jipproponi li l-ammissjoni tal-kap ta’ ġurisdizzjoni kkunsidrat għal kriterju dwar l-eżistenza ta’ “rabta biżżejjed ċara u diretta” bejn l-attivitajiet tal-konvenut fl-ewwel Stat Membru u l-allegat att illegali mwettaq minn terzi fl-ewwel Stat Membru u l-allegat att illegali mwettaq minn terzi persuni fl-Istat Membru fejn tinsab il-qorti adita, filwaqt li jissuġġerixxi sussegwentemnet, applikazjoni konkreta fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali (55). Madankollu, l-evalwazzjoni tal-problema minn dan l-angolu tippresupponi d-definizzjoni ta’ kriterji materjali li jistgħu jkunu diffiċli sabiex jiġu limitati (56) u hemm ir-riskju li f’kull każ inkwistjoni jkollha ssir evalwazzjoni fattwali, kumplessa u twila, simili għal eżami fil-mertu tal-kawża. Fil-fehma tiegħi, dan ikun kuntrarju għall-għan tar-Regolament Brussell I li huwa li jiġu ddefiniti regoli ta’ ġurisdizzjoni li jkunu kemm komuni għall-Istati Membri kollha kif ukoll prevedibbli għall-partijiet kollha fil-kawża (57), u għalhekk ta’ użu kemm ċert kif ukoll mgħaġġel.

61.      Barra minn hekk, jidhirli leġittimu li niddubita li interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I tant wiesgħa bħal dik invokata minn Coty Germany ma twassalx għall-ġeneralizzazzjoni tal-forum actoris u ma tiffavorixxix b’hekk il-forum shopping. Issa, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja (58), billi żamm il-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut u billi warrab b’mod ċar il-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tar-rikorrent, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel prinċipju li jrid jgħaddi mill-inqas eċċezzjonijiet possibbli. Barra minn hekk, multiplikazzjoni ta’ qrati kompetenti għandha l-iżvantaġġ li żżid ir-riskju ta’ deċiżjonijiet inkompatibbli li r-Regolament Brussell I għandu preċiżament l-għan li jevita (59) peress li rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet huwa impossibbli f’tali każ inkwistjoni(60).

62.      F’dan il-każ inkwistjoni, il-ġustifikazzjoni ta’ din id-deroga, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni partikolarment stretta bejn il-kawża u l-qrati tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż, hija żbaljata fil-fehma tiegħi. Fil-fatt, kieku l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi kellha tiġi stabbilita unikament abbażi tal-konnessjoni għall-atti mwettqa fil-Ġermanja minn terza persuna allegatament l-awtur tad-delitt prinċipali allegat, dan iwassal għal riżultat mhux konformi għall-imsemmija ġustifikazzjoni. Konkretament, dawn il-qrati jitwasslu sabiex jevalwaw ir-responsabbiltà ta’ konvenuta li allegatament kienet kompliċi f’dan id-delitt permezz ta’ atti mwettqa unikament fi Stat Membru ieħor.

63.      Huwa permess li wieħed jibża li tali interpretazzjoni wiesgħa ma tinkoraġġixxix strateġiji kontenzjużi fejn allegata vittma tikkuntenta ruħha li tħarrek il-parti opposta l-iktar solventi quddiem qorti li fil-kuntest tagħha hemm wieħed mill-punti ta’ konnessjoni marbuta mal-attività ta’ persuna oħra li tkun ipparteċipat għat-twettiq tad-dannu allegat. Issa, b’dan il-mod, rikorrent jista’ faċilment imur kontra d-dispożittiv li huwa stabbilit speċifikatament, fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Brussell I (61), sabiex tiġi kkonsolidata tilwima bejn diversi partijiet u jkun evitat li jingħataw deċiżjonijiet kontradittorji f’dan il-każ (62). Ir-riskju ġenerali ta’ tali manuvri ma jistax jintelaq minn taħt għajnejna, anki jekk, f’dan il-każ, jidher li r-raġuni għalfejn ir-rikorrenti ma ħarrkitx lit-terza persuna allegatament l-awtur tad-delitt prinċipali hija relatata mal-konklużjoni ta’ ftehim extra-ġudizzjarju miegħu (63).

64.      Għalhekk, jidhirli li peress li l-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu ġie kkawżat minn atti volontarji mwettqa minn persuni differenti mill-konvenut, f’allegata sensiela ta’ kawżalitajiet, ma għandux minnu nnifsu joħloq kap ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ dan , u dan iktar u iktar peress li l-portata ta’ din is-sensiela ma hijiex limitata b’mod ċar u tista’ tkun infinita. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I, ma għandux fil-fehma tiegħi, jippermetti li titħarrek il-persuna allegatament responsabbli ta’ allegat att delittwali quddiem qorti li tinsab fi Stat Membru fejn ma huwiex domiċiljat sempliċement minħabba l-fatt li att delittwali ieħor imwettaq minn terza persuna mhux imħarrka jkun ipproduċa l-effett dannuż tiegħu f’dan l-Istat Membru u li l-att tal-konvenut għamel impossibbli l-atti li din it-terza persuna ddeċidiet li twettaq sussegwentement.

65.      Din il-pożizzjoni jidhirli li tista’ taqa’ taħt il-linja dritta tal-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Melzer, iċċitata iktar ’il fuq, li l-kontenut tagħha, jista’ fil-fehma tiegħi jiġi ġeneralizzat, b’mod li estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti fil-konfront ta’ wieħed mill-allegati awturi ta’ dannu li ma wettaqtx att delittwali fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita ma tkun possibbli la abbażi tal-post tal-fatt li ta lok għad-dannu imputat lil allegat awtur ieħor li min-naħa tiegħu ma ġiex imħarrek, u lanqas tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu li jirriżulta mill-imsemmi fatt ġeneratur. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi huwa preferibbli li jingħad li għandha teżisti rabta ta’ kawżalità suffiċjenti fir-rigward tal-uniku konvenut involut sabiex qorti tkun tista’ tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni.

66.      Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma nistax ma nikkunsidrax li, sakemm ma jiġix ikkunsidrat li l-pożizzjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pinckney, iċċitata iktar ’il fuq (64), hija valida għall-każ partikolari li kien ikkonċernat (65), il-motivazzjoni fiha hija suxxettibbli li twassal f’din il-kawża għal soluzzjoni kuntrarja għal dik li jidhirli li tista’ tirriżulta mis-sentenza Melzer, iċċitata iktar ’il fuq.

67.      Fil-fatt, fis-sentenza Pinckney, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “fir-rigward tal-ksur allegat ta’ dritt tal-awtur, il-ġurisdizzjoni sabiex tittratta kawża dwar tort, delitt jew kważi delitt hija diġà stabbilita, favur il-qorti adita, peress li l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinstab din il-qorti jipproteġi d-drittijiet ekonomiċi li l-applikant igawdi u li hemm ir-riskju li d-dannu allegat jimmaterjalizza ruħu fil-ġurisdizzjoni tal-qorti adita(66).

68.      Kieku kellha tiġi ammessa l-applikazzjoni b’analoġija għal tipi oħra ta’ delitti (67), din il-loġika tkun tista’, fil-fehma tiegħi, twassal għar-riżultat li qorti jkollha ġurisdizzjoni, abbażi tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, peress li, bħal f’din il-kawża prinċipali, dan id-dannu jirriżulta mill-fatt li l-merkanzija suspetta “tista” titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi fl-Istat Membru fejn tinsab din il-qorti u li tali att ikun sanzjonat abbażi tar-responsabbiltà ċivili skont il-lex fori. Fid-dawl tas-sentenza Pinckney, iċċitata iktar ’il fuq, il-fatt li l-att allegatament illeċitu jkun ipproduċa effetti, ċertament fil-kuntest tal-qorti adita, iżda minħabba aġir ta’ terza persuna indipendenti li tkun aġixxiet barra mill-Istat Membru kemm tal-forum kif ukoll tar-rikorrent u peress li ma jkunx ġie mħarrek jidher li hija informazzjoni mingħajr relevanza.

69.      Issa, peress li l-fatti li taw lok għal din il-kawża għandhom similaritajiet ma’ dawk tal-kawża Pinckney (68), filwaqt li d-differenzi eżistenti bejn dawn il-kawżi jidhirli li ma humiex relevanti (69), jidhirli li huwa diffiċli li jinstabu argumenti li jippermettu li wieħed jitbiegħed mit-triq meħuda għall-bżonnijiet tal-identifikazzjoni tal-post tal-materjalizzazzjoni ta’ dannu fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I.

70.      Konsegwentement, inqis li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-intenzjoni li ssegwi hawnhekk l-approċċ wiesa’ li ntgħażel fis-sentenza Pinkney, iċċitata iktar ’il fuq, hija għandha twieġeb fl-affermattiv għat-tieni domanda preliminari, fit-termini segwenti. Għaldaqstant, sabiex inkun eżawrjenti, se nifformula wkoll proposta ta’ risposta negattiva sussidjarjament, għall-każ jekk, għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-pożizzjoni meħuda f’din is-sentenza kienet speċifika għas-sitwazzjoni partikolari li kienet teżisti fil-kawża u li tat lok għall-imsemmija sentenza.

IV – Konklużjoni

71.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) kif ġej:

1)      L-Artikolu 93(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja għandu jiġi intepretat fis-sens li ma jippermettix li jiġi stabbilit, abbażi tal-post tal-vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja imputata lil wieħed mill-allegati awturi ta’ dan il-ksur, ġurisdizzjoni kontra allegat awtur ieħor tal-vjolazzjoni li ma aġixxiex fil-kuntest tal-qorti adita.

2)      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jiġi stabbilit, skont il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu imputat lil wieħed mill-allegati awturi ta’ dan id-dannu, kontra allegat awtur tal-imsemmi dannu li ma jkunx aġixxa fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.      

Sussidjarjament:

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li jiġi stabbilit, la skont il-post tal-fatt li ta lok għad-dannu imputat lil wieħed mill-allegati awturi ta’ dan id-dannu, u lanqas skont il-post tal-materjalizzazzjoni ta’ dan id-dannu, ġurisdizzjoni kontra allegat awtur tal-imsemmi dannu li ma jkunx aġixxa fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar it-trade mark Komunitarja”.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”.


4 – Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2013, Melzer (C-228/11) u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney (C-170/12), kif ukoll il-kawża li għadha pendenti Hi Hotel HFC (C-387/12), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


5 – Li kienet Coty Prestige Lancaster Group GmbH.


6 – Mill-proċess jirriżulta li Coty Germany ssostni li kkonkludiet ftehim extraġudizzjarju ma’ Stefan P. li jikkonsisti fir-rinunzja għal azzjonijiet legali kontra tiegħu bil-kundizzjoni li jtemm il-prattiki li sar l-ilment dwarhom, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, u kien ippreċiżat li l-qorti Ġermaniża adita kienet semgħet lil dan tal-aħħar bħala xhud fil-kuntest tal-proċeduri mibdija kontra First Note Perfumes.


7 – L-Artikolu 93 tal-imsemmi regolament huwa intitolat “Il-ġurisdizzjoni internazzjonali”. Il-paragrafu 5 tiegħu jipprovdi, b’mod partikolari, li “l-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 92 [, li l-azzjonijiet għal vjolazzjoni jagħmlu parti minnhom] jistgħu jinfetħu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn l-att ta’ vjolazzjoni ikun twettaq jew fejn tkun saret it-theddida […]”.


8 – Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-parametri tad-“dritt esklużiv” li jibbenefika minnu l-proprjetarju tat-trade mark.


9 – Jiġifieri pubbliċità komparattiva żleali fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (2) punt 6 tal-Liġi kontra l-kompetizzjoni żleali (Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb, UWG), kif ukoll imitazzjoni żleali fis-sens tal-Artikolu 4(9)(a) u (b) ta’ din l-istess liġi.


10 – L-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fejn “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, “[p]ersuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.


11 – Regolament tal-Kunsill (KE) tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (verżjoni kodifikata), ĠU L 78, p. 1, li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009.


12 – Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, ĠU L 351, p. 1. Skont l-Artikolu 81 tiegħu, dan ir-regolament huwa applikabbli mill-10 ta’ Jannar 2015, ħlief f’dak li jikkonċerna l-Artikoli 75 u 76 tiegħu.


13 – Sentenza tal-30 ta’ Novembru 1976 (21/76, Ġabra p. 1735).


14 – Konvenzjoni li tikkonċerna l-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fi Brussell, fis-27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).


15 – It-traspożizzjoni tal-ġurisprudenza Mines de Potasse d’Alsace, iċċitata iktar ’il fuq, hija ġġustifika min-natura ekwivalenti tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec, C‑133/11, punti 31 u 32).


16 – “Handlungsort”, bil-Ġermaniż, jew post tal-fatt li ta lok għad-dannu.


17 – “Erfolgsort”, bil-Ġermaniż, jew post fejn seħħ id-dannu.


18 – Ara, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza u d-duttrina Ġermaniżi msemmija minn U. Magnus u P. Mankowski, European Commentaries on Private International Law, Brussels I Regulation, It-tieni edizzjoni, Sellier, München, 2012, p. 247, nota 1380.


19 – Skont l-Artikolu 68(2) tar-Regolament Brussell I.


20 – Azzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-qrati tat-trade marks Komunitarji għandhom ġurisdizzjoni sostantiva esklużiva skont l-Artikolu 92.


21 – Jista’ jiġi osservat ċertu paradoss sa fejn l-Artikolu 90 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja jagħmel riferiment ta’ prinċipju għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni “tad-dritt komuni” li rriżultaw mir-Regolament Brussell I qabel ma l-lista twila li tinsab fl-Artikolu 92 teskludi mill-kamp ta’ dan l-aħħar strument il-parti l-kbira tal-azzjonijiet li jistgħu jqumu fil-prattika fir-rigward tat-trade marks Komunitarji (Gastinel, E., La marque communautaire, LGDJ, Paris, 1998, p. 203, Nru 395).


22 – Il-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 93 jipprovdi għall-ġurisdizzjoni bħala regola tal-qrati tal-Istat Membru fejn il-konvenut ikollu d-domiċilju jew fejn ikun stabbilit, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell I. Għall-kuntrarju, il-paragrafu 2 tiegħu jinnova fil-fond meta mqabbel mal-imsemmi regolament billi jipprovdi li l-qrati tal-Istat Membru fejn ir-rikorrent huwa domiċiljat għandhom ġurisdizzjoni meta l-konvenut ma jkun la domiċiljat u lanqas stabbilit fl-Unjoni. Il-paragrafu 3 tiegħu jipprovdi l-ġurisdizzjoni sussidjarja tal-qrati tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI), f’Alicante (Spanja). Il-paragrafu 4 jippermetti li ssir deroga minn dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni permezz ta’ prorogi ta’ ġurisdizzjoni espressi jew taċiti, bħal fir-Regolament Brussell I.


23 – Il-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni huwa mfakkar fin-nota 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24 – Tinsab fl-Artikolu 90(2)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.


25 – Ara, b’mod partikolari, il-“Memorandum on the creation of an EEC trade mark” adottat mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Lulju 1976 [SEC(76)2462, p. 36, punti 155 u 156].


26 – Ara d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni datat Ottubru 1979 u intitolat “The need for a European trade mark System. Competence of the European Community to create one” (III/D/1294/79-EN).


27 – Huwa sa mill-ewwel proposta ta’ regolament, ippreżentata fil-25 ta’ Novembru 1980 [COM(80)635 finali] li nżammet il-konnessjoni tal-post fejn twettaq il-fatt ta’ vjolazzjoni, filwaqt li ġie ppreċiżat li din ġiet estiża ulterjorment għall-każijiet fejn hemm it-theddida li dan l-att jista’ jitwettaq. L-istess japplika għal-limitu tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni li tirriżulta minnu għall-fatti allegatament mwettqa fuq it-territorju tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu jkunu hekk intgħażlu.


28 – L-emendi suċċessivi ta’ dan it-test, li jinsabu fuq is-sit tal-UASI (http://oami.europa.eu/ows/rw/pages/CTM/legalReferences/originalRegulations.en.do), ma kinux affettwati minn din id-dispożizzjoni, ħlief għal sempliċi renumeratazzjoni.


29 – Ara, pereżempju, l-Artikolu 82(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 13, Kapitolu 27, p. 142) li jirriproduċi l-kap ta’ ġurisdizzjoni li jinsab fl-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.


30 – L-Artikolu 101(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390) jipprodi li “[il-p]roċeduri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-azzjonijiet dwar pretensjonijiet ta’ ksur tal-liġi [vjolazzjoni] jistgħu jinġiebu wkoll fil-qrati tal-lokal fejn dak il-ksur ikun sar”, skont l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.


31 – Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li “permezz tal-formula komprensiva tiegħu, l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni [ta’ Brussell] jinkludi diversità kbira ta’ tipi ta’ responsabbiltà” (punt 18 tas-sentenza Mines de Potasse d’Alsace, iċċitata iktar ’il fuq).


32 – Ara, f’dan is-sens, Tritton, G., Intellectual Property in Europe, Sweet & Maxwell, Londres, 2002, p. 1025, paragrafu 13–101.


33 – L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I jagħti ġurisprudenza ta’ portata iktar wiesa’ milli skont l-Artikolu 93(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, li jillimitaha għall-fatti li jkunu seħħew fuq it-territorju tal-Istat Membru fejn tinsab il-qorti adita (ara, ukoll l-Artikolu 94(2) ta’ dan l-aħħar regolament). L-ewwel fost dawn it-testi jipprovdi għal ġurisdizzjoni speċjali li tagħżel qorti partikolari, filwaqt li t-tieni tinkludi b’mod ġenerali “il-qrati tal-Istat Membru” relevanti. Barra minn hekk, l-ewwel wieħed ma jinkludix il-kompetenza fir-rigward ta’ konvenut domiċiljat barra mill-Unjoni, kuntrarjament għat-tieni wieħed.


34 – Ara, b’mod partikolari, Fawcett, J., u Torremans, P., Intellectual Property and Private International Law, Clarendon Press, Oxford, 1998, p. 330 ; Huet, A., “La marque communautaire: la compétence des juridictions des États membres pour connaître de sa validité et de sa contrefaçon (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru1993)”, J.D.I., 1994, 3, p. 635.


35 – L-għanijiet intiżi għall-“prevedibbiltà” tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u għan-neċessità li “tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja”, li ma jinsabux fil-Konvenzjoni ta’ Brussell, huma msemmija fil-premessi 11 u 12 tal-imsemmi regolament.


36 – F’dan ir-rigward, M. Desantes Real jenfasizza li l-imsemmi Artikolu 93(5) juri osservanza ikbar tal-prinċipju ta’ territorjalità sa fejn normalment il-fatt li jikkawża dannu jseħħ biss fi Stat Membru wieħed u li jekk iseħħ f’iktar minn wieħed fosthom, jaqbel li l-azzjonijiet jinqasmu (“La marca comunitaria y el Derecho internacional privado”, Marca y Diseño Comunitarios, Arazandi, Pamplona, 1996, p. 225).


37 – It-tieni premessa tal-imsemmi regolament tenfasizza li trade mark Komunitarja tgawdi minn protezzjoni uniformi u tipproduċi l-effetti tagħha fl-iskala tal-Unjoni.


38 – F’dan is-sens, fil-paġna 31 tad-dokument ta’ ħidma tagħha dwar l-abbozz tar-regolament dwar it-trade mark Komunitarja (imsemmi fin-nota 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-Kummissjoni indikat li “The system instituted by the Judgments Convention fails, however, to solve the special problems which arise where one Community trade mark can be infringed in several Member States” (kelma enfasizzata fit-test).


39 – Ara p. 36, punt 156, tal-memorandum msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40 – Skont il-premessa ħmistax “deċiżjonijiet li jirrigwardaw [...] [i]l-vjolazzjoni ta’ trade marks Komunitarji għandu jkollhom effett u għandhom ikopru t-territorju kollu tal-Komunità, billi dan huwa l-uniku mod kif wieħed jista’ jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti minn naħa tal-qrati u ta’ l-Uffiċċju u u kif jista jiġi żgurat li l-karattru waħdieni tat-trade marks Komunitarji ma jiġix imxejjen”. Ara wkoll il-premessa sittax.


41 – Ara p. 76 tal-abbozz tar-regolament imsemmi fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42 – Msemmija fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43 – Skont il-kwalifika magħmula mill-qorti tar-rinviju.


44 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Melzer (punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Pinckney (punt 23).


45 – Sentenzi ċċitatai iktar ’il fuq Melzer (punt 23) u Pinckney (punt 24).


46 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Melzer (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Pinckney (punt 27).


47 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq (punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Pinckney (punt 28).


48 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq (punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Pinckney (punt 25).


49 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Pinckney (punt 26).


50 – Fil-kawża Pinckney, il-kwistjoni kienet ukoll dwar jekk qorti setgħetx tiddikjara hija stess li għandha ġurisdizzjoni minħabba l-materjalizzazzjoni tad-dannu (ara is-sentenza Pinckney, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29), iżda f’ċirkustanzi differenti minn dawk fil-kawża prinċipali peress li kienet kwistjoni ta’ ksur tad-drittijiet patrimonjali ta’ awtur li seħħ permezz ta’ sit internet aċċessibbli fil-kuntest tal-qorti adita, fejn dawn id-drittijiet kienu protetti.


51 – B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li għandhom ġurisdizzjoni biss il-qrati tal-post tad-dannu dirett, anki jekk id-dannu indirett ikun reparabbli minħabba l-liġi tal-forum jew tal-liġi applikabbli għall-mertu tal-kawża. Ara fir-rigward ta’ ħlas għal dannu subit bħala konsegwenza, sentenza tal-11 ta’ Jannar 1990, Dumez France u Tracoba (C‑220/88, Ġabra p. I‑49) u fir-rigward ta’ dannu konsekuttiv għal dannu inizjali subiti mill-vittma fi Stat Membru ieħor, sentenza tad-19 ta’ Settembru 1995, Marinari (C‑364/93, Ġabra p. I‑2719, punti 16 sa 19).


52 – Billi tikkwalifika l-“parteċipazzjoni għal delitt [...] prinċipali, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li s-sitwazzjoni inkwistjoni hija dik ta’ dannu li jirriżulta indirettament mill-atti tal-konvenuta iżda direttament minn dawk ta’ persuna terza li hija kkunsidrata bħala l-awtur prinċipali.


53 – Għalhekk, għandu jiġi mistoqsi jekk il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex tkun l-istess f’każ ta’ koparteċipazzjoni perfetta, jiġifieri b’kawżalità f’paritjiet indaqs, jew fl-ipoteżi fejn żewġ individwi jintervjenu direttament iżda fi proporzjonijiet differenti.


54 – Fl-ipoteżi li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I jippermetti f’ċerti każijiet li tiġi mħarrka fl-Istat Membru tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu ta’ kwalunkwe persuna allegatament involuta fit-twettiq tad-delitt allegat, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tagħti definizzjoni ċara tan-natura tal-imputazzjoni li tawtorizza tali ġurisdizzjoni minħabba konnessjoni.


55 – Dan il-Gvern jippreċiża li fid-dawl tal-fatti fil-kawża prinċipali, dan il-kriterju jippresupponi li r-rikorrent ikun f’pożizzjoni li jistabbilixxi li, meta l-konvenut biegħ il-prodotti lil terzi persuni kkonċernati fi Stat Membru, huwa kien jaf effettivament jew seta’ raġonevolment jipprevedi li dan il-bejgħ kien se jkollu bħala konsegwenza diretta l-att illegali allegat imwettaq minn dawn it-terzi persuni fi Stat Membru ieħor.


56 – Kriterji oħra differenti minn dak propost mill-Gvern tar-Renju Unit jistgħu jiġu kkunsidrati, bħall-prevedibbiltà tad-dannu u tal-post ta’ materjalizzazzjoni tiegħu, jew l-eżistenza ta’ intenzjoni volontarja tal-konvenut fil-kontribuzzjoni tiegħu għat-twettiq tal-allegat att illegali.


57 – L-għan ta’ ċertezza legali, inkluż prevedibbiltà tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni, ittieħed inkunsiderazzjoni fis-sentenza Melzer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35) u huwa enfasizzat fil-premessa 16 tal-verżjoni l-ġdida tar-Regolament Brussell I li tirriżulta mir-Regolament Nru 1215/2012.


58 – Fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Dumez France u Tracoba (punt 19) kif ukoll Marinari (punt 13).


59 – Skont il-premessa 15 ta’ dan ir-Regolament, “Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri”.


60 – L-Artikolu 34(3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li n-natura irrikonċiljabbli ta’ sentenza ma oħra hija raġuni ta’ rifjut ta’ rikonoxximent barra mill-Istat Membru fejn din kienet ingħatat.


61 – Skont l-imsemmi Artikolu 6(1) persuna tista’ wkoll tiġi mħarrka “meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati”.


62 – Kemm First Note Perfumes kif ukoll il-Kummissjoni jenfasizzaw li l-qrati Ġermaniżi setgħu faċilment jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq l-Artikolu 6(1) tar-Regolament kieku Stefan P. kien ġie mħarrek b’mod konġunt.


63 –      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


64 – Ara d-dispożittiv ta’ din is-sentenza, iċċitata fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65 – Il-punt 30 ta’ din is-sentenza jippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha “[tiddetermina] l-kundizzjonijiet li fihom, għall-ħtiġijiet tal-Artikolu 5(3) tar-regolament [Brussell I], id-dannu li jirriżulta minn ksur allegat tad-drittijiet tal-awtur iseħħ jew jista’ jseħħ fi Stat Membru ieħor minn dak fejn il-konvenut irriproduċa xogħol tal-awtur fuq mezz materjali li huwa sussegwentement mibjugħ minn sit tal-internet aċċessibbli wkoll li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti” (enfasi miżjud minni).


66 – Ara l-punt 43 tal-imsemmija sentenza, fejn l-enfasi huwa miżjud minni.


67 – Filwaqt li huwa mfakkar li l-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I huwa madankollu suxxettibbli li jvarja skont in-natura tad-dritt allegatament miksur (sentenza Pincknet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).


68 – Jiġifieri hemm inkwistjoni att allegatament illegali mwettaq mill-konvenut fi Stat Membru ieħor iżda li l-effetti tiegħu seħħew fl-Istat Membru tal-qorti adita minħabba atti awtonomi ta’ persuna oħra.


69 – Fis-sentenza Pinckney, iċċitata iktar ’il fuq, ġie rrelevat li terza persuna kienet ikkummerċjalizzat diski kumpatti permezz ta’ sit internet aċċessibbli fl-Istat Membru tal-qorti adita, iżda jidhirli li din il-qorti kien ikollha wkoll, anzi a fortiori, ġurisdizzjoni kieku l-bejgħ ta’ din il-merkanzija kien seħħ, bħal f’dan il-każ, f’ħanut li jinsab f’dan l-Istat Membru. F’din il-kawża, l-allegat delitt kien jikkonċerna d-drittijiet tal-awtur, protetti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, filwaqt li hawnhekk l-allegazzjonijiet huma dwar it-trade mark Komunitarja, protetta fuq it-territorju kollu tal-Unjoni, u dwar kompetizzjoni żleali, iżda dawn id-differenzi jidhirli li ma għandhomx effett peress li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I huwa applikabbli għal kull tip ta’ atti delittwali.