Language of document : ECLI:EU:C:2013:788

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

14 ta’ Novembru 2013 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Konvenzjoni ta’ Brussell — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili —Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 5(1)(b) — Ġurisdizzjoni — Ġurisdizzjoni speċjali — Materji kuntrattwali — Kunċett ta’ ‘provvista ta’ servizzi’ — Kuntratt ta’ ħażna”

Fil-Kawża C‑469/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

Krejci Lager & Umschlagbetriebs GmbH

vs

Olbrich Transport und Logistik GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Juhász, President ta’ Awla, A. Rosas (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Krejci Lager & Umschlagbetriebs GmbH, minn M. Stögerer, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn S. Chala u L. Kotroni, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni adottata, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tingħata deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Krejci Lager & Umschlagbetriebs GmbH (iktar ’il quddiem “Krejci Lager”), kumpannija tad-dritt Awstrijak, u Olbrich Transport und Logistik GmbH (iktar ’il quddiem “Olbrich Transport”), kumpannija tad-dritt Ġermaniż, fir-rigward tal-ħlas tal-prezz mitlub għall-ħażna ta’ merkanzija f’sit fi Vjenna (l-Awstrija).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta’ Brussell

3        Skont l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-Konvenzjoni, tad-29 ta’ Novembru 1996, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja (ĠU 1997 L 15, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”):

“Il-konvenut domiċiljat fit-territorju ta’ Stat kontraenti jista’ jitħarrek fi Stat kontraenti ieħor:

1)      f’materji kuntrattwali, quddiem l-istituzzjoni ġudizzjarja tal-post fejn ġie jew għandu jiġi eżegwit l-obbligu li jservi bħala bażi għall-multa [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Ir-Regolament Nru 44/2001

4        Skont il-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001:

“Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija talpartijiet tkun teħtieġ fattur differenti. [...]”

5        Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 44/2001 tiddikjara:

“B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

6        Skont il-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001:

“Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel u [...]r-Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal-Ġustizzja […]”

7        Ir-regoli ta’ kompetenza stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001 jinsabu fil-Kapitolu II tiegħu, li huwa kompost mill-Artikoli 2 sa 31.

8        Taħt is-Sezzjoni 1 tal-imsemmi Kapitolu II, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

9        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 44 /2001 jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

10      Skont is-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II, intitolata “Applikazzjonijiet, verifiki u penali”, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)      a)     f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)      għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il‑kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

–        fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi;

ċ)      jekk is-subparagrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a)”.

11      Skont is-Sezzjoni 6 tal-Kapitolu II, intitolat “Ġurisdizzjoni esklussiva”, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

1)      fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi propjetà immobbli jew kirjiet ta’ propjetà immobbli, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun tinstab il-propjetà. [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      Krejci Lager, li s-sede tagħha tinsab fi Vjenna, ippreżentat rikors quddiem il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (tribunal distrettwali għall-kawżi kummerċjali ta’ Vjenna), intiż sabiex Olbrich Transport, li s-sede tagħha tinsab f’Gornau (il-Ġermanja), tħallsilha ammont li jikkorrispondi għall-prezz għall-ħażna tal-merkanzija maħżuna f’sit tagħha u li jinsab fi Vjenna. Dan l-ammont jikkonċerna l-perijodu inkluż bejn l-erbgħin ġimgħa u t-tnejn u ħamsin ġimgħa kalendarja tas-sena 2008. Il-prezz għall-ħażna ġie ffissat mir-rikorrenti għal EUR 325.

13      Il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien iddikjarat ruħha internazzjonalment mingħajr ġurisdizzjoni u ċaħdet ir-rikors. Din il-qorti qieset li dan kellu jiġi ppreżentat, skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, quddiem il-qorti tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali kontenzjuż. Dan l-obbligu jinkludi l-ħlas tal-prezz tal-ħażna li jikkostitwixxi dejn monetarju li jikkorrispondi għad-dritt li fuqu huwa bbażat ir-rikors.

14      Skont l-istess qorti tal-ewwel istanza, id-dejn monetarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kkwalifikat, b’mod konformi mad-dritt Awstrijak, bħala “dejn li għandu jinħeles” (“Schickschulden”) u huwa pagabbli fid-domiċilju tad-debitur. B’hekk, il-“qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi [...]”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, jinsab fil-Ġermanja u, konsegwentement, il-qrati Awstrijaki ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jagħtu deċiżjoni dwar it-tilwima fil-kawża prinċipali.

15      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna), fejn sostniet li l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 ma kienx applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fehma tagħha, il-kuntratt ta’ ħażna jikkostitwixxi kuntratt għall-provvista ta’ servizzi. Għaldaqstant, il-post ta’ eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt huwa, skont l-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan ir-regolament, il-post fejn ġie pprovdut is-servizz. Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni, min-naħa l-oħra, li l-kuntratt ta’ ħażna ma jinvolvix provvista ta’ servizzi, iżda t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ spazju.

16      Il-qorti ta’ rinviju tindika li, f’kawża fejn il-flus involut huwa ta’ inqas minn EUR 5 000, hija tkun il-qorti tal-aħħar istanza. Madankollu, hija tqis li r-risposta għall-kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex daqstant evidenti li ma tagħti lok għal ebda dubju raġonevoli.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Handelsgericht Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Kuntratt dwar ħżin ta’ merkanzija jikkostitwixxi ‘provista ta’ servizzi’ fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament [...] Nru 44/2001 [...]?”

 Fuq id-domanda preliminari

18      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari magħmula tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew ma tagħti lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat. Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hemm lok sabiex tintuża din id-dispożizzjoni f’din il-kawża.

19      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt dwar il-ħażna ta’ merkanzija jikkostitwixxi kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

20      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi għal regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali li titratta l-materja kuntrattwali. L-attribuzzjoni tal-imsemmija ġurisdizzjoni speċjali, li l-għażla tagħha tiddependi fuq għażla tar-rikorrent u li tikkompleta l-kriterju ġenerali tal-ġurisdizzjoni konswetudinarja tad-domiċilju tal-konvenut, hija mmotivata bl-eżistenza, f’ċerti ipoteżijiet stabbiliti sew, ta’ rabta stretta bejn kontestazzjoni u l-qorti li tista’ tiġi adita biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, Ġabra p. I‑6073, punt 32).

21      Għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrent jibbenefika mill-post konswetudinarju ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt innifsu jekk il-fasla tal-kuntratt, li ta lok għar-rikors, hija kontenzjuża bejn il-partijiet (ara, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1982, Effer, 38/81, Ġabra p. 825, punt 8).

22      Meta l-kuntratt kontenzjuż ikollu bħala obbligu karatteristiku l-bejgħ ta’ merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi, l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tiġi mħarrka, skont tali kuntratt, quddiem il-qorti tal-post ta’ Stat Membru ieħor fejn l-obbligu karatteristiku tal-imsemmi kuntratt ġie jew suppost ġie eżegwit. B’hekk, fir-rigward tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi, l-imsemmi regolament jiddefinixxi, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tiegħu, b’mod indipendenti, dan il-kriterju ta’ rabta, sabiex isaħħaħ l-għanijiet ta’ għaqda tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u ta’ prevedibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Rehder, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 36, kif ukoll tal‑11 ta’ Marzu 2010, Wood Floor Solutions Andreas Domberger, C‑19/09, Ġabra p. I‑2121, punti 23 u 26).

23      Mill-informazzjoni trażmessa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċerna l-ħażna ta’ merkanzija. Din l-aħħar qorti tindika, b’mod partikolari, li hija għandha ssolvi l-problema tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha f’sitwazzjoni fejn il-merkanzija tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, ġiet maħżuna f’sit li jinsab fl-Awstrija.

24      Sabiex jiġi kkonstatat jekk tali sitwazzjoni taqax taħt it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, wieħed għandu jistaqsi jekk il-ħażna ta’ merkanzija tikkostitwixxix “provista ta’ servizzi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

25      Għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex il-każ.

26      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ servizzi, li jinsab fit-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament NrU 44/2001, jimplika, mill-inqas, li l-parti li tipprovdihom twettaq attività speċifika bħala korrispettiv ta’ remunerazzjoni (sentenza tat‑23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch, C‑533/07, Ġabra p. I‑3327, punt 29).

27      F’dan ir-rigward, hekk kif isostni l-Gvern Awstrijak u dak Elleniku kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, għandu jiġi osservat li l-element preponderanti ta’ kuntratt ta’ ħażna huwa l-fatt li l-persuna inkarigata mill-ħażna tal-merkanzija inkwistjoni tagħmel dan f’isem il-parti l-oħra fil-kuntratt. B’hekk, dan l-impenn jimplika attività speċifika li tikkonsisti, mill-inqas, fir-riċeviment tal-merkanzija, iż-żamma tagħha f’post sigur u r-restituzzjoni tagħha lill-parti l-oħra fil-kuntratt f’kundizzjoni xierqa.

28      Fir-rigward tal-argument li l-kuntratt inkwistjoni għandu bħala għan biss is-sempliċi kiri ta’ spazju, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, li huwa bbażat fuq separazzjoni sħiħa tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi biss dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni minn fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2008, Danske Svineproducenter, C‑491/06, Ġabra p. I‑3339, punt 23, kif ukoll tal‑10 ta’ Novembru 2011, X u X BV, C‑319/10 u C‑320/10, punt 29).

29      Issa, skont l-informazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkonċernax il-kiri ta’ binja, iżda l-ħażna ta’ merkanzija. Barra minn hekk, minbarra l-fatt li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tqiegħed inkwistjoni din l-evalwazzjoni fattwali, għandu jiġi osservat li l-ġurisdizzjoni dwar dan l-ewwel tip ta’ kuntratt huwa, fi kwalunkwe każ, irregolat mill-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam ta’ kirjiet ta’ proprjetà immobbli (ara, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tal‑15 ta’Jannar 1985, Rösler, 241/83, Ġabra p. 99, punt 24, kif ukoll tas‑26 ta’ Frar 1992, Hacker, C‑280/90, Ġabra p. I‑1111, punt 10), li jipprovdi li huma biss il-qrati tal-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli li għandhom ġurisdizzjoni.

30      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għaldaqstant ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt dwar il-ħażna ta’ merkanzija, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi kuntratt “ta’ provista ta’ servizzi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

31      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt dwar il-ħażna ta’ merkanzija, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi kuntratt “ta’ provista ta’ servizzi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.