Language of document : ECLI:EU:F:2012:25

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

tad-29 ta’ Frar 2012

Kawża F-3/11

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Inċident — Talba għall-inklużjoni ta’ dokument fil-fajl tal-inċident — Ċaħda — Att li ma jikkawżax preġudizzju — Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, prinċipalment, minn naħa, l-annullament tal-allegat rifjut tal-Kummissjoni li tinkludi dokument fil-fajl tal-inċident tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu s-somma ta’ EUR 1 000 bħala kumpens għad-dannu li huwa jqis li sofra.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha u huwa kkundannat iħallas is-somma ta’ EUR 2 000 lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Fajl relatat mal-inċident — Kunċett — Definizzjoni mid-dritt tal-Unjoni — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 26, 26a u 73)

2.      Uffiċjali — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Talba għall-inklużjoni ta’ dokument fil-fajl ta’ uffiċjal li jkun beda l-proċedura ta’ rikonoxximent ta’ inċident — Att preparatorju — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċident u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikoli 16 sa 25)

3.      Proċedura — Spejjeż legali — Spejjeż imposti fuq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku permezz tar-rikors abbużiv ta’ uffiċjal — Kundanna tal-uffiċjal għar-rimbors tal-ispejjeż imsemmija

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 94; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

4.      Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni — Prinċipju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Rikors abbużiv ta’ uffiċjal — Implikazzjonijiet

1.      La l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-parti li tittratta b’mod partikolari l-assigurazzjoni kontra r-riskji ta’ inċident, u lanqas il-leġiżlazzjoni relattiva għall-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol, stabbilita b’mod speċifiku minn din l-istess dispożizzjoni statutorja, ma fihom dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kostituzzjoni ta’ fajl relattiv għall-inċident. Il-kunċett ta’ tali fajl lanqas ma jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 31 u 33)

2.      Fil-kuntest tal-proċedura medika relattiva għar-rikonoxximent ta’ inċident debitament iddikjarat mill-uffiċjal ikkonċernat u wara għall-iffissar tal-livell ta’ invalidità wara konsolidazzjoni tal-leżjonijiet konsekuttivi għall-imsemmi inċident, it-talba tal-persuna kkonċernata sabiex fil-“fajl tal-inċident” tagħha, li ma huwa xejn ħlief il-fajl tal-investigazzjoni tat-talba tagħha għar-rikonoxximent ta’ inċident u wara għall-iffissar tal-livell ta’ invalidità riżultanti minnu, jiġi inkluż dokument li jsemmi informazzjoni li tirrigwardaha ma tistax titqies bħala talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal li ċ-ċaħda impliċita tagħha tista’ tkun is-suġġett ta’ lment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u wara ta’ rikors skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fil-fatt, l-Artikoli 16 sa 25 tal-leġiżlazzjoni relattiva għall-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol jippermettu li jitqies li din hija proċedura speċjali, ta’ natura medika proprja u li tista’ tinbeda biss fuq l-inizjattiva esklużiva tal-uffiċjal ikkonċernat jew tal-aventi kawża tiegħu. B’hekk, din ma hijiex proċedura ta’ natura amministrattiva u f’kull każ ma hijiex proċedura amministrattiva li tista’ tinfluwenza l-pożizzjoni amministrattiva tal-uffiċjal.

Għalhekk, it-talba għall-inklużjoni hija talba interna għall-proċedura medika inkwistjoni, peress li l-inseriment tad-dokument inkwistjoni fil-“fajl tal-inċident” jifforma parti mis-setgħa ta’ organizzazzjoni u ta’ investigazzjoni tal-fajl imsemmi min-naħa tal-awtorità inkarigata minnu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-awtorità inkarigata bl-investigazzjoni tat-talba ta’ rikonoxximent ta’ inċident u wara, sussegwentement, bl-iffissar tal-livell ta’ invalidità riżultanti minnu, li għandha tiżgura, fil-kuntest tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura medika li tikkonċerna dan l-inċident, tmexxija effettiva u kompetenti tal-“fajl tal-inċident” billi tadotta kull att jew miżura xierqa.

(ara l-punti 34 u 39)

3.      Abbażi tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jekk dan tal-aħħar ikun sofra xi spejjeż li setgħu jiġu evitati, b’mod partikolari jekk ir-rikors għandu natura manifestament abbużiva, dan jista’ jikkundanna lill-parti li kkawżathom biex tirrimborsahom b’mod sħiħ jew parzjali, mingħajr ma l-ammont ta’ dan ir-rimbors jista’ jeċċedi s-somma ta’ EUR 2 000.

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata meta l-qrati tal-Unjoni jkunu diġà kkonstataw, diversi drabi, li l-uffiċjal rikorrent għażel il-proċedura kontenzjuża mingħajr ebda ġustifikazzjoni valida, u li r-rikors inkwistjoni huwa kontinwazzjoni ta’ tali aġir.

(ara l-punti 50, 51)

4.      Il-ħtieġa fundamentali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha, minn naħa, tippermetti lil kull persuna li teżerċita b’mod sħiħ id-dritt tagħha għal rikors effettiv u, min-naħa l-oħra, għandha tippermetti lill-qrati li jisimgħu il-kawża li jagħtu deċiżjonijiet b’mod effettiv, preċiżament fl-interess tal-individwi kollha.

(ara l-punt 53)