Language of document : ECLI:EU:F:2012:9

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

tat-8 ta’ Frar 2012

Kawża F‑23/11

AY

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2010 — Eżami komparattiv tal-merti — Nuqqas milli jittieħed inkunsiderazzjoni t-taħriġ u istruzzjoni addizzjonali u ċ-ċertifikazzjoni — Żball ta’ liġi”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu AY jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill li ma jiġix promoss għall-grad AST 9 skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2010 u għall-kumpens għad-dannu li huwa jqis li sofra.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni, li permezz tagħha l-Kunsill irrifjuta li jippromwovi lir-rikorrent għall-grad ta’ AST 9 skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2010, hija annullata. Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet magħmula sussidjarjament mir-rikorrent. Il-kumplament tat-talbiet tar-rikors tar-rikorrent huma miċħuda. Il-Kunsill huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha kemm huma.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Obbligu li jaqa’ fuq l-Awtorità tal-Ħatra — Oneru tal-prova

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Kandidati eliġibbli għal promozzjoni — Uffiċjali li għaddew mill-eżamijiet għaċ-ċertifikazzjoni — Dritt għal promozzjoni — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45 u 45a)

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni — Suċċess fl-eżamijiet għaċ-ċertifikazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24a, 43, 45(1) u 45a)

4.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni — Annullament tal-att illegali kkontestat — Kumpens adegwat għad-dannu morali — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Fid-dawl ta’ serje ta’ indizji suffiċjentement konkordanti li jsostnu l-argument ta’ uffiċjal mhux promoss dwar l-assenza ta’ eżami komparattiv xieraq tal-kandidaturi, hija l-istituzzjoni li għandha ġġib il-prova, permezz ta’ elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, li hija osservat il-garanziji mogħtija mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal lill-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni u li wettqet tali eżami komparattiv.

(ara l-punt 25)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Jannar 1992, Schönherr vs CES, T‑25/90, punt 25

2.      Is-sempliċi fatt li uffiċjal tal-grupp tal-funzjoni AST intgħażel sabiex isegwi programm ta’ taħriġ u li għadda mill-eżamijiet għaċ-ċertifikazzjoni, previsti fl-Artikolu 45a tal-Istatut, għall-aċċess fil-grupp tal-funzjoni AD, ma jagħtih, fih innifsu, l-ebda dritt għal promozzjoni għal grad superjuri fil-grupp tal-funzjoni AST u l-ebda prijorità awtomatika.

(ara l-punt 26)

3.      L-Awtorità tal-Ħatra ma tistax, mingħajr ma tikser l-Artikolu 45(1) tal-Istatut, ma tieħu l-ebda kunsiderazzjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-uffiċjali matul l-eżami komparattiv tal-merti mwettaq skont proċedura ta’ promozzjoni.

Fil-fatt, l-ewwel nett, iċ-ċertifikazzjoni tal-uffiċjali tal-grupp tal-funzjoni AST taqa’, skont id-definizzjoni, taħt taħriġ u istruzzjoni addizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 24a tal-Istatut, tal-uffiċjali kkonċernati. It-tieni nett, l-imsemmija awtorità għandha, skont l-Artikolu 24a tal-Istatut, tikkunsidra t-taħriġ u istruzzjoni addizzjonali li sar mill-uffiċjal għall-avvanz fil-karriera tiegħu. Dan l-obbligu jiġi tradott, b’mod partikolari, fil-kontenut tar-rapporti ta’ evalwazzjoni li jirrigwardaw l-abbiltà, l-effiċjenza u l-kondotta fis-servizz ta’ kull uffiċjal, li huma stabbiliti skont l-Artikolu 43 tal-Istatut. It-tielet nett, il-promozzjoni hija waħda mill-elementi għall-avvanz fil-karriera ta’ uffiċjal. Għalhekk, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ promozzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni t-taħriġ u istruzzjoni addizzjonali miksub mill-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi bħala wieħed mill-komponenti tal-merti tal-uffiċjali. Dawn il-merti huma b’mod partikolari riflessi fir-rapport ta’ evalwazzjoni, li huwa wieħed mit-tliet elementi, imsemmija espressament fl-Artikolu 45(1) tal-Istatut, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżami komparattiv tal-merti minħabba fil-promozzjoni.

Minn dan jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax ma tiħux inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, il-fatt li uffiċjal kien magħżul sabiex jipparteċipa fi programm ta’ taħriġ minħabba fiċ-ċertifikazzjoni tiegħu u li huwa għadda mill-eżamijiet li jagħtu prova li kien segwa dan il-programm b’suċċess. Dan l-obbligu huwa partikolarment importanti fil-każ ta’ programm ta’ taħriġ tal-uffiċjali tal-grupp tal-funzjoni AST li jagħti l-possibbiltà li jiġu nnominati għall-post fil-grupp ta’ funzjoni AD, peress li l-parteċipazzjoni f’dan il-programm hija effettivament irriżervata biss, skont il-kundizzjonijiet iffissati fl-Artikolu 45a tal-Istatut u, b’mod partikolari, fit-tieni paragrafu tiegħu, l-ewwel subparagrafu, għall-uffiċjali tal-grupp tal-funzjoni AST “magħżula” abbażi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħhom kif ukoll tal-livell ta’ edukazzjoni u taħriġ tagħhom u wara li jkunu kkunsidrati l-ħtiġijiet tas-servizz.

(ara l-punti 27 sa 32)

4.      L-annullament ta’ att illegali tal-amministrazzjoni jista’ jikkostitwixxi, fih innifsu, kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għad-danni morali li l-uffiċjal seta’ sostna.

Madankollu, l-annullament ta’ att bħal dan ma jistax jikkostitwixxi kumpens sħiħ għad-danni morali jekk dan l-att jinvolvi evalwazzjoni tal-kapaċitajiet jew tal-aġir tal-persuna kkonċernata li tista’ tikkawżalha preġudizzju, meta din ma jkollha ebda effettività, jew meta l-illegalità mwettqa tkun partikolarment serja.

(ara l-punti 41 u 42)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Lulju 2011, Petrilli vs Il-Kummissjoni, F‑98/07, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata