Language of document : ECLI:EU:F:2012:20

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tieni Awla)

tal-15 ta’ Frar 2012

Kawża F-113/10

AT

vs

Agence exécutive

“Éducation, audiovisuel et Culture”

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Rapport ta’ evalwazzjoni — Natura definittiva — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Tardività — Rexissjoni minn qabel ta’ kuntratt għal żmien determinat minħabba inkompetenza professjonali — Stħarriġ ġudizzjarju — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu li permezz tiegħu AT jitlob, essenzjalment, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu li jikkonċerna l-perijodu mill‑1 ta’ Ġunju sal‑31 ta’ Diċembru 2008 u tad-deċiżjoni tal-Agence exécutive “Éducation, audiovisuel et culture” (EACEA), tat-12 ta’ Frar 2010, li tirrexindi qabel il-waqt il-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat, kif ukoll il-kundanna tal-EACEA għall-ħlas ta’ danni bħala kumpens għad-danni materjali u morali.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Ilment amministrattiv imressaq qabel — Termini — Bidu tad-dekorrenza — Għarfien dwar il-kontenut ta’ deċiżjoni mid-destinatarju tagħha — Oneru tal-prova — Prova li tirriżulta minn posta elettronika redatta mill-parti kkonċernata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2); Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 46)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Rikorsi — Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ rexissjoni ta’ kuntratt – Motiv ibbażat fuq l-irregolarità tar-rapport ta’ evalwazzjoni mhux ikkontestat fit-termini — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Rexissjoni tal-kuntratt għal żmien determinat minħabba inkompetenza professjonali — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Oneru tal-prova

1.      Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju permezz tal-Artikolu 46 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, l-ilmenti għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ tliet xhur mill-ġurnata tan-notifika tad-deċiżjoni lid-destinatarju u fi kwalunkwe każ mhux iktar tard mill-ġurnata li fiha l-parti kkonċernata ġiet innotifikata biha jekk din tkun miżura ta’ natura individwali.

Hija l-parti li tinvoka l-iskadenza tat-terminu li għandha tipproduċi l-prova tad-data li fiha beda jiddekorri l-imsemmi terminu. F’dan ir-rigward, għalkemm din il-prova ma tistax tirriżulta minn sempliċi indizji li jagħtu lil wieħed x’jifhem li rikorrent irċieva deċiżjoni f’data preċedenti għal dik li huwa jsostni, il-prova tal-mument li fih huwa ġie nnotifikat b’din id-deċiżjoni tista’ tirriżulta minn ċirkustanzi oħra minbarra notifika formali tal-imsemmija deċiżjoni. B’mod partikolari, hija tista’ tirriżulta minn posta elettronika tar-rikorrent li minnha jirriżulta mingħajr dubju li huwa effettivament ġie nnotifikat b’din id-deċiżjoni qabel id-data allegata.

(ara l-punti 38 u 39)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 7 ta’ Ottubru 2009, Pappas vs Il‑Kummissjoni, F‑101/08, punti 43, 44 u 51 sa 53

2.      Li membru tal-persunal temporanju, li ħalla jiddekorri t-termini perentorji previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma kkontesta r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu jkun jista’ jqajjem dubji dwar dan ir-rapport b’mod inċidentali, fl-okkażjoni ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ rexissjoni ta’ kuntratt li fir-rigward tal-adozzjoni tagħha l-imsemmi rapport kellu rwol preparatorju, ikun irrikonċiljabbli mal-prinċipji li jirregolaw ir-rimedji legali stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal u jippreġudika l-istabbiltà ta’ din is-sistema kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali li fuqu huwa bbażat.

(ara l-punt 70)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Frar 1996, Lopes vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑547/93, punt 128; 27 ta’ Settembru 2006, Lantzoni vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑156/05, punt 103

3.      Żball ta’ evalwazzjoni huwa manifest meta jkun faċilment perċepibbli u jkun jista’ jiġi identifikat fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jissuġġetta l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni li hija suġġetta għal rikors. Sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ tali żball, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi provi suffiċjenti sabiex l-evalwazzjonijiet ikkunsidrati mill-amministrazzjoni ma jibqgħux plawżibbli. Għaldaqstant dawn il-provi ma jitqiesux li huma suffiċjenti jekk l-evalwazzjoni tal-amministrazzjoni inkwistjoni tkun tista’ titqies bħala vera jew valida. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ meta d-deċiżjoni inkwistjoni hija vvizzjata bi żbalji ta’ evalwazzjoni li, kieku kellhom jiġu kkunsidrati flimkien, ikunu biss ta’ natura minuri li ftit huwa probabbli li jinfluwenzaw lill-amministrazzjoni.

Fil-kuntest tat-tkeċċija minħabba inkompetenza professjonali ta’ membru tal-persunal temporanju, il-provi jitqiesu li huma insuffiċjenti b’mod partikolari meta d-deċiżjoni ta’ rexissjoni tal-kuntratt tal-membru tal-persunal tkun ġiet approvata b’mod unanimu, jekk id-deċiżjoni ma tkun qatt ġiet ikkontestata, jekk il-membru tal-persunal kien suġġett għal direttivi, għal superviżjoni u evalwazzjoni kostanti u attenta min-naħa tas-superjuri tiegħu fi grad, u jekk kien ġie kkonstatat li r-rendiment u l-kompetenzi tiegħu baqgħu insuffiċjenti u li kellu diffikultajiet biex iżomm livell ta’ kooperazzjoni meħtieġ mill-funzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, jekk il-membru tal-persunal ikun jista’ utilment isostni li ma setax jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod sodisfaċenti minħabba l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, jew isostni li l-awtur tal-fastidju psikoloġiku li tiegħu huwa vittma pparteċipa fir-redazzjoni jew l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonċernah, bil-għan li joħloqlu ħsara, fi kwalunkwe każ huwa għandu jissostanzja l-allegazzjonijiet tiegħu b’dokumenti li jiġġustifikawhom.

(ara l-punti 73 sa 77, 82 u 84)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Novembru 1978, Agence européenne d’intérims vs Il‑Kummissjoni, 56/77, punt 20

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Mejju 1996, Adia interim vs Il‑Kummissjoni, T‑19/95, punt 49; 12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, punt 59; 12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, punt 221; 21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il‑Kunsill, T‑495/04, punt 63; 6 ta’ Lulju 2000, AICS vs Il‑Parlament, T‑139/99, punt 39

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ Frar 2010, Menghi vs ENISA, F‑2/09, punti 70 u 71; 24 ta’ Marzu 2011, Canga Fano vs Il‑Kunsill, F‑104/09, punt 35