Language of document : ECLI:EU:F:2012:55

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

25 ta’ April 2012

Kawża F‑108/11

Valentin Oprea

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni — Proċedura prekontenzjuża — Żvolġiment irregolari — Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett: Rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih V. Oprea jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/198/10 li ma taċċettahx għall-imsemmija kompetizzjoni minħabba li allegatament ma ssodisfax il-kundizzjonijiet relatati mal-esperjenza professjonali.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Ilment imressaq kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni — Kundizzjoni mhux neċessarja — Preżentata — Bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors — Data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar l-ilment

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Rikorsi — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Deċiżjoni espliċita li tiċħad l-ilment — Kunċett — Posta elettronika mibgħuta manifestament bi żball u li tieħu ċarament inkunsiderazzjoni sitwazzjoni differenti minn dik tar-rikorrent — Esklużjoni

1.      Skont l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors kontenzjuż quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa ammissibbli biss jekk ikun tressaq ilment minn qabel quddiem l-Awtorità tal-Ħatra u jekk dak l-ilment kien is-suġġett ta’ deċiżjoni espliċita jew taċita ta’ ċaħda.

Madankollu, il-qorti tal-Unjoni kkonstatat li l-kundizzjoni tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tirrigwarda biss l-atti li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ eventwalment tirriforma, b’tali mod li r-rimedju disponibbli fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni jikkonsisti normalment f’kawża diretta quddiem il-Qorti tal-Unjoni.

Jekk il-persuna kkonċernata tagħżel madankollu li l-ewwel iddur kontra l-amministrazzjoni permezz ta’ lment amministrattiv dirett kontra deċiżjoni ta’ bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni, l-ammissibbiltà tar-rikors kontenzjuż ippreżentat sussegwentement kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dak l-ilment tkun tiddependi mill-osservanza, min-naħa tal-persuna kkonċernata, tar-rekwiżiti proċedurali kollha marbuta mal-ilment imressaq preċedentement. B’mod partikolari, sa fejn ilment ikun ġie ppreżentat kontra deċiżjoni ta’ bord tal-għażla, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibda jiddekorri, skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-jum tan-notifika tad-deċiżjoni meħuda f’risposta għall-ilment.

(ara l-punti 14 sa 16)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Marzu 1978, Ritter von Wüllerstorff und Urbair vs Il-Kummissjoni, 7/77, punt 9; 14 ta’ Lulju 1983, Detti vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 144/82, punti 16 u 17

Il-Qorti tal-Prim'Istanza: 27 ta’ Ġunju 1991, Valverde Mordt vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑156/89, punt 90; 31 ta’ Mejju 2005, Gibault vs Il-Kummissjoni, T‑294/03, punt 22

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 ta’ Novembru 2010, Bartha vs Il-Kummissjoni, F‑50/08, punti 25 u 26

2.      Posta elettronika mibgħuta manifestament bi żball u li tieħu ċarament inkunsiderazzjoni sitwazzjoni li ma kinitx dik tar-rikorrent ma tistax titqies bħala deċiżjoni espliċita li tiċħad ilment.

(ara l-punt 20)