Language of document : ECLI:EU:C:2014:7

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Jannar 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Responsabbiltà minħabba prodott difettuż — Merkanzija prodotta fi Stat Membru u mibjugħa fi Stat Membru ieħor — Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq’ — Post tal-avveniment kawżali”

Fil-Kawża C‑45/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Jannar 2013, fil-proċedura

Andreas Kainz

vs

Pantherwerke AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Kainz, minn K. Kozák, avukat,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brighouse, bħala aġent, assistita minn S. Lee, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u A.‑M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Kainz, residenti f’Salzburg (l-Awstrija), u Pantherwerke AG, li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja, dwar kawża għad-danni abbażi tar-responsabbiltà minħabba prodotti difettużi li A. Kainz ressaq wara inċident li huwa sofra, fil-Ġermanja, b’rota li ġiet immanifatturata f’dan l-Istat Membru minn Pantherwerke AG, iżda li nxtrat mingħand bejjiegħ bl-imnut fl-Awstrija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 44/2001

3        Il-premessi 2, 11, 12 u 15 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxu:

“(2)      Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenz[j]ali.

[...]

(11)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[...]

(15)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżż[zz]ata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. [...]”

4        L-Artikoli 2 sa 31 ta’ dan ir-regolament, li jinsabu fil-Kapitolu II tiegħu, jirrigwardaw ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni.

5        It-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tinkludi Artikolu 2(1), li huwa fformulat kif ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, li jagħmel parti mill-istess taqsima, jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

7        L-Artikolu 5(3) tal-istess regolament jinsab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”. Dan huwa fformulat kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[...]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007

8        Skont il-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU L 199, p. 40):

“Il-kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament [Nru 44/2001] u l-istrumenti relattivi għal-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali.”

9        Dan ir-regolament jipprovdi fl-Artikolu 5 tiegħu, intitolat, “Responsabbiltà għal dannu minn prodotti”:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2), il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn dannu kawżat minn prodott għandha tkun:

a)      il-liġi tal-pajjiż fejn il-persuna li ssofri d-dannu kellha r-residenza abitwali tagħha meta seħħ id-dannu, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż; jew, fin-nuqqas ta’ din

b)      il-liġi tal-pajjiż minn fejn kien akkwistat il-prodott, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż; jew, fin-nuqqas ta’ din,

ċ)      il-liġi tal-pajjiż fejn ikun seħħ id-dannu, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż.

Madankollu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn il-persuna allegatament responsabbli tkun abitwalment residenti jekk ma setgħetx raġonevolment tipprevedi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott, jew ta’ prodott ta’ l-istess tip, fil-pajjiż li l-liġi tiegħu tkun applikabbli taħt (a), (b) jew (ċ).

2.      Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament konness aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 1, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Konnessjoni manifestament aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq relazzjoni pre-eżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mad-delitt jew kważi-delitt ċivili in kwistjoni.”

 Id-Direttiva 85/374/KEE

10      L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar respon[s]abbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257) kif emendata bid-Direttiva 1999/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Mejju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 147), jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu fil-leġislazzjoni tagħhom li d-drittijiet mogħtija lil persuna li saritilha l-ħsara skond din id-Direttiva jispiċċaw mal-iskadenza ta’ perjodu ta’ 10 snin mid-data li fiha l-produttur ikun poġġa fiċ-ċirkulazzjoni l-prodott attwali li kkawża d-dannu, kemm-il darba l-persuna korruta tkun fil-frattemp tat bidu għal proċedimenti kontra l-produttur.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Pantherweke AG hija impriża li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja u li timmanifattura u tikkumerċjalizza roti. A. Kainz, li joqgħod f’Salzburg, xtara, fit-3 ta’ Novembru 2007, mingħand Funbike GmbH, kumpannija stabbilita fl-Awstrija, rota mmanifatturata minn Pantherwerke AG. Fit-3 ta’ Lulju 2009, waqt li kien qiegħed isuq din ir-rota fil-Ġermanja, A. Kainz waqa’ u weġġa’.

12      Quddiem il-Landesgericht Salzburg, A. Kainz talab li Pantherwerke AG, abbażi tar-responsabbiltà minħabba prodotti difettużi, tħallas somma ta’ EUR 21 200, barra l-interessi u l-ispejjeż annessi, kif ukoll dikjarazzjoni tar-responsabbiltà ta’ din il-kumpannija għad-danni futuri li jirriżultaw minn dan l-inċident. Skont A. Kainz, il-waqa’ tiegħu ġiet ipprovokata mill-fatt li t-trufijiet tal-furketta ddistakkaw ruħhom mill-furketta tar-rota. Pantherwerke AG, bħala manifattur tal-prodott, hija responsabbli għal dan id-difett fil-produzzjoni.

13      Sabiex jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża, A. Kainz jinvoka l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Il-post tal-avveniment kawżali jinsab fl-Awstrija peress li r-rota kienet tqiegħdet fis-suq hemmhekk, fis-sens li din kienet disponibbli għal utent finali fil-kuntest ta’ distribuzzjoni kummerċjali.

14      Pantherwerke AG tikkontesta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Awstrijaċi. Il-post tal-avveniment kawżali jinsab, skont din, fil-Ġermanja. Minn naħa, il-proċess ta’ produzzjoni tal-prodott kien sar fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, il-prodott kien tpoġġa fiċ-ċirkulazzjoni f’dan l-Istat Membru, permezz tal-kunsinna tal-imsemmi prodott mis-sede ta’ din il-kumpannija.

15      Il-qrati ordinarji li quddiemhom tressqet it-talba ta’ A. Kainz ċaħdu l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell.

16      Il-qorti tar-rinviju, li quddiemha tressaq appell “fuq punt ta’ liġi”, tqis li huwa neċessarju li jiġi ċċarat il-kunċett tal-post tal-avveniment kawżali fil-qasam tar-responsabbiltà minħabba prodotti difettużi.

17      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      F’każ ta’ responsabbiltà minħabba prodott difettuż, l-espressjoni ‘post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq’ li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-[Regolament Nru 44/2001], għandha tiġi interpretata fis-sens:

a)      li l-post fejn seħħ l-avveniment li kkawża d-dannu (post tal-avveniment kawżali) (‘Handlungsort’) huwa s-sede tal-manifattur;

b)      li l-post fejn seħħ l-avveniment li kkawża d-dannu (‘Handlungsort’) huwa l-post fejn il-prodott jitqiegħed fis-suq;

c)      li l-post fejn seħħ l-avveniment li kkawża d-dannu (‘Handlungsort’) huwa l-post fejn il-prodott ikun akkwistat mill-utent?

2)      Fl-eventwalità li d-domanda 1.b tingħata risposta fl-affermattiv:

a)      Il-prodott jitqiegħed fis-suq meta joħroġ mill-proċess ta’ produzzjoni applikat mill-manifattur u jidħol fil-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni fejn jiġi offert lill-pubbliku lest għall-użu jew għall-konsum?

b)      Il-prodott jitqiegħed fis-suq meta jiġi ddistribwit b’mod strutturat lill-utent finali?”

 Fuq id-domandi preliminari

18      Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment kif għandu jiġi interpretat, fil-każ li tiġi kkontestata r-responsabbiltà ta’ manifattur minħabba prodott difettuż, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 sabiex jiġi identifikat il-post fejn seħħ l-avveniment li kkawża d-dannu.

19      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar l-ewwel u qabel kollox li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, billi jirreferu għas-sistema u għall-għanijiet tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie, C‑189/08, Ġabra p. I‑6917, punt 17, u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney, C‑170/12, punt 23).

20      Sussegwentement, għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja l-fatt li mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 864/2007 jirriżulta b’mod ċar li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jiżgura koerenza bejn, minn naħa, ir-Regolament Nru 44/2001, u min-naħa l-oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 864/2007, dan ma jfissirx madankollu li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom, għaldaqstant, jiġu interpretati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 864/2007. Fl-ebda każ il-koerenza mixtieqa ma tista’ twassal għal interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 li ma għandha l-ebda rabta mas-sistema u mal-għanijiet ta’ dan ir-regolament.

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ regoli komuni għall-attribuzzjoni tal-kompetenzi prevista fid-dispożizzjonijiet li huma elenkati fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, hija bbażata fuq regola ġenerali, imniżżla fl-Artikolu 2(1) tiegħu, li tipprovdi li persuni domiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom jiġu mħarrkin fil-qrati ta’ dak l-Istat, indipendentement min-nazzjonalità tal-partijiet. Huwa biss b’deroga għar-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tad-domiċilju tal-konvenut li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II, Taqsima 2 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi ċertu numru ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni speċjali, fosthom ir-regola fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB, C‑147/12, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali għandhom jiġu interpretati b’mod strett u ma jippermettux interpretazzjoni li tmur lil hinn mis-sitwazzjonijiet previsti b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (sentenza ÖFAB, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ li l-post fejn iseħħ l-avveniment li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà ta’ delitt jew kważi-delitt u l-post fejn dan il-fatt ikkawża dannu ma humiex identiċi, il-frażi “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq”, fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għandha tinftiehem fis-sens li tkopri l-post fejn seħħ id-dannu u l-post fejn seħħ l-avveniment li kkawża dan id-dannu, sabiex il-konvenut ikun jista’ jiġi mħarrek, bl-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet. (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq Zuid‑Chemie, punt 23, u Pinckney, punt 26).

24      Peress li l-identifikazzjoni ta’ wieħed minn dawn il-fatturi ta’ rabta għandha tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li oġġettivament hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà tal-persuna mħarrka humiex sodisfatti, hija biss il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-fattur ta’ rabta rilevanti li tista’ tiġi adita b’mod validu (ara s-sentenza Pinckney, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali mressqa quddiemha, huwa paċifiku li l-qorti tar-rinviju hija biss inċerta fir-rigward tal-istabbiliment tal-post fejn seħħ l-avveniment li kkawża d-dannu.

26      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li dan il-post jinsab, fil-każ ta’ responsabbiltà minħabba prodott difettuż, fil-lok fejn seħħ il-fatt li kkawża d-dannu lill-prodott stess (ara f’dan is-sens, is-sentenza Zuid-Chemie, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 27). Bħala prinċipju, din iċ-ċirkustanza sseħħ fil-post fejn il-prodott inkwistjoni ġie mmanifatturat.

27      Billi l-viċinanza mal-post fejn seħħ il-fatt li kkawża d-dannu lill-prodott stess tiffaċilita, b’mod partikolari minħabba l-possibbiltà li jinġabru minn hemmhekk mezzi ta’ prova sabiex jiġi stabbilit id-difett inkwistjoni, l-organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri u, għaldaqstant, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lill-qorti, li fit-territorju tagħha jinsab dan il-post, hija konsistenti mar-raġuni għall-eżistenza tal-ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri, l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn il-kawża u l-qorti tal-post tal-avveniment kawżali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq Zuid‑Chemie, punt 24, u Pinckney, punt 27).

28      Barra minn hekk, attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lill-qorti tal-post fejn ġie mmanifatturat il-prodott inkwistjoni tissodisfa l-eżiġenza tal-prevedibbiltà tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni, sa fejn kemm il-manifattur konvenut kif ukoll ir-rikorrent li huwa vittma jistgħu jipprevdu b’mod raġonevoli li din il-qorti tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kawża li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-konstatazzjoni ta’ difett fil-prodott inkwistjoni.

29      Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ li tiġi kkontestata r-responsabbiltà ta’ manifattur minħabba prodott difettuż, il-post tal-avveniment kawżali huwa l-post fejn ġie mmanifatturat il-prodott inkwistjoni.

30      Għal dak li jirrigwarda, finalment, l-argument, invokat minn A. Kainz, li jgħid li l-interpretazzjoni tal-ġurisdizzjoni speċjali f’materja ta’ delitt jew kważi delitt għandha tieħu inkunsiderazzjoni, mhux biss l-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, iżda wkoll l-interess tal-persuna li sofriet dannu billi tagħtiha l-opportunità li tadixxi lill-qorti tal-Istat Membru fejn hija domiċiljata, ma jistax jintlaqa’.

31      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat mhux biss li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jfittix speċifikament li joffri lill-parti l-iktar dgħajfa protezzjoni iktar qawwija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec, C‑133/11, punt 46), iżda għandu jiġi osservat ukoll li lanqas l-interpretazzjoni proposta minn A. Kainz, li tgħid li l-post tal-avveniment kawżali huwa dak fejn il-prodott inkwistjoni ġie ttrasferit lill-konsumatur finali jew lil bejjiegħ ġdid, ma tiggarantixxi li l-imsemmi konsumatur ikun jista’, fi kwalunkwe każ, jadixxi lill-qrati ta’ fejn huwa domiċiljat peress li dan il-post jista’ jkun x’imkien ieħor jew anki f’pajjiż ieħor.

32      F’kull każ, l-impossibbiltà eventwali li tiġi stabbilita, skont kriterji oġġettivi adottati għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-ġurisdizzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru fejn huwa domiċiljat ir-rikorrent hija konformi mar-regola ġenerali, imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post fejn huwa domiċiljat il-konvenut.

33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi li saru hija li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li tiġi kkontestata r-responsabbiltà ta’ manifattur minħabba prodott difettuż, il-post tal-avveniment kawżali huwa l-post fejn ġie mmanifatturat il-prodott inkwistjoni.

 Fuq l-ispejjeż

34      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li tiġi kkontestata r-responsabbiltà ta’ manifattur minħabba prodott difettuż, il-post tal-avveniment kawżali huwa l-post fejn ġie mmanifatturat il-prodott inkwistjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.