Language of document : ECLI:EU:F:2012:71

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

5 ta’ Ġunju 2012

Kawża F‑71/10

Nicola Cantisani

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Interpretu għall-konferenzi — Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal — Fastidju psikoloġiku — Kunflitt ta’ interessi — Talba għad-danni”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih N. Cantisani jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tiegħu ta’ assistenza għall-fastidju psikoloġiku li kien subixxa bejn l-1999 u l-2007, meta kien jeżerċita l-funzjonijiet ta’ membru tal-persunal interpretu għall-konferenzi (iktar ’il quddiem, “AIC”). Ir-rikorrent jitlob ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni li tħallsu d-danni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Implementazzjoni fil-qasam ta’ fastidju psikoloġiku — Tressiq ta’ talba ta’ assistenza — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Bidu tad-dekorrenza tat-terminu li għandu jiġi osservat

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12a, 24 u 90(1))

2.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Kamp ta’ applikazzjoni — Portata — Dmir tal-amministrazzjoni li teżamina l-ilmenti fil-qasam tal-fastidju — Rekwiżiti ta’ premura u ta’ ħeffa

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12a, 24 u 90(1))

3.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Aġir li għandu bħala għan jew bħala effett l-iskreditar tal-persuna kkonċernata jew id-degradazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha — Rekwiżit ta’ natura ripetittiva tal-aġir — Rekwiżit ta’ natura intenzjonali tal-aġir — Portata — Assenza tar-rekwiżit ta’ mala fede tal-persuna li tagħti fastidju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

4.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni — Rikors ibbażat fuq l-obbligu tal-amministrazzjoni li tikkumpensa dannu kkawżat lil uffiċjal minn terz — Ammissibbiltà — Kundizzjoni — Eżawriment tar-rimedji nazzjonali — Eċċezzjoni — Assenza ta’ rimedji effettivi

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 24, u Artikolu 91)

1.      L-Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistabbilixxu espressament ebda terminu għat-tressiq ta’ talba ta’ assistenza fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku. Madankollu, skont il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, uffiċjal jew membru tal-persunal li jixtieq iressaq tali talba għandu jagħmel dan f’terminu raġonevoli u terminu ta’ ħames snin għandu jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli sabiex ikun jista’ b’mod validu jirrapporta fastidju psikoloġiku lill-amministrazzjoni u jitlob l-assistenza tagħha.

Barra minn hekk, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għat-tressiq ta’ talba ta’ assistenza fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku jikkorrispondi għall-aħħar att tal-persuna li allegatament tat fastidju psikoloġiku jew, fi kwalunkwe każ, fil-mument li minnu l-persuna li allegatament tat fastidju ma hijiex iktar f’pożizzjoni li terġa’ twettaq l-atti tagħha kontra l-vittma tagħha.

(ara l-punti 67 u 68)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Frar 2011, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑95/09, punti 41 sa 44, 49 u 53

2.      Abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija kull istituzzjoni tal-Unjoni li għandha tipproteġi lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tagħha kontra l-fastidju jew trattament degradanti, ikun x’ikun, mis-superjuri diretti tagħhom. Barra minn hekk, skont l-obbligu ta’ assistenza, l-amministrazzjoni għandha, meta jseħħ inċident inkompatibbli mal-ordni u s-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha meħtieġa u twieġeb bil-ħeffa u l-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex jiġu stabbiliti l-fatti u sabiex minnhom, b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, jinsiltu l-konklużjonijiet xierqa. B’dan il-għan, huwa biżżejjed li l-uffiċjal jew membru tal-persunal li jeżiġi protezzjoni mill-istituzzjoni tiegħu jressaq prova minima tar-realtà tal-attakki li huwa jsostni li huwa suġġett għalihom. Fil-preżenza ta’ tali elementi, hija l-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi twettaq investigazzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li wasslu għall-ilment, b’kollaborazzjoni mal-persuna li tressaq dan l-ilment.

(ara l-punt 78)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, 224/87, punti 15 u 16

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ April 1993, Tallarico vs Il‑Parlament, T‑5/92, punt 31; 5 ta’ Diċembru 2000, Campogrande vs Il‑Kummissjoni, T‑136/98, punt 42

3.      L-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-fastidju psikoloġiku bħala “imġiba mhux xierqa” li, sabiex tiġi stabbilita, jeħtieġ li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel kundizzjoni tikkonċerna l-eżistenza ta’ aġir, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra, li jsiru “tul perjodu, h[uma] ripetittiv[i] jew sitemati[ċi]”, li jippreżumi li l-fastidju psikoloġiku għandu jinftiehem bħala proċess li jseħħ neċessarjament tul perijodu ta’ żmien u jippreżumi l-eżistenza ta’ aġir ripetut jew kontinwu, u li huwa “intenzjonali”. It-tieni kundizzjoni kumulattiva, magħquda mal-ewwel waħda bil-konġunzjoni “u”, teħtieġ li dan l-aġir, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra jkollhom bħala effett li jistgħu jbaxxu l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna. Peress li l-aġġettiv “intenzjonali” jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, u mhux it-tieni waħda, huwa possibbli li jinsiltu żewġ konklużjonijiet. Minn naħa, l-aġir, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra, previsti mill-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom ikunu ta’ natura volontarja, ħaġa li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-aġir li jseħħu b’mod aċċidentali. Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ma huwiex meħtieġ li dan l-aġir, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra jkunu twettqu bl-intenzjoni li jistgħu jbaxxu l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku skont l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma l-persuna li tagħti fastidju jkollha l-intenzjoni, permezz tal-aġir tagħha, li tiskredita l-vittma jew deliberatament tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Huwa suffiċjenti li l-aġir tagħha, ladarba jitwettaq volontarjament, kellu oġġettivament konsegwenzi bħal dawn.

Fl-aħħar nett, billi skont l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-aġir inkwistjoni għandu jkollu natura abbużiva, isegwi li l-klassifikazzjoni ta’ fastidju hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan ikun oġġettivament u suffiċjentement reali, fis-sens li osservatur imparzjali u raġonevoli, li jkollu sensittività normali u mqiegħed fl-istess kundizzjonijiet, jikkunsidrah bħala eċċessiv u ta’ min jikkritikah.

(ara l-punti 89 u 90)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il‑Kummissjoni, F‑52/05, punt 135; 16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑42/10, punt 135

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 12 ta’ Lulju 2011, Il‑Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P

4.      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu bħala għan il-kumpens għad-danni kkawżati lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal minn wieħed mill-aġir li ġejjin minn terzi jew minn uffiċjali oħrajn imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-istess artikolu, sakemm dan ma setax jikseb kumpens mingħand il-persuni li taw fastidju psikoloġiku. L-ammissibbiltà tar-rikors għad-danni mressaq minn uffiċjal jew membru tal-persunal skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal hija b’hekk suġġetta għall-eżawriment tar-rimedji nazzjonali, sakemm dawn jiżguraw b’mod effettiv il-protezzjoni tal-persuni kkonċernati u jistgħu jwasslu għall-kumpens għad-danni allegati.

(ara l-punt 130)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Ottubru 2006, Schmidt-Brown vs Il‑Kummissjoni, C‑365/05 P, punt 78

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Marzu 2005, L vs Il‑Kummissjoni, T‑254/02, punt 148

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: Il‑Kummissjoni vs Q, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67