Language of document : ECLI:EU:C:2012:186

Kawża C-500/10

Ufficio IVA di Piacenza

vs

Belvedere Costruzioni Srl

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Commissione tributaria centrale, sezione di Bologna)

“Tassazzjoni — VAT — Artikolu 4(3) TUE — Sitt Direttiva — Artikoli 2 u 22 — Għeluq awtomatiku tal-proċeduri pendenti quddiem il-qorti fiskali tat-tielet istanza”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Irkupru tat-taxxa — Modalitajiet proċedurali nazzjonali

(Artikolu 4(3) TUE; Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikoli 2 u 22)

L-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-applikazzjoni, fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, ta’ dispożizzjoni nazzjonali eċċezzjonali li tipprevedi l-għeluq awtomatiku tal-proċeduri pendenti quddiem il-qorti fiskali tat-tielet istanza, meta dawn il-proċeduri joriġinaw minn rikors ippreżentat fl-ewwel istanza iktar minn għaxar snin qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni u meta l-awtorità tat-taxxa tilfet quddiem l-ewwel żewġ istanzi ġudizzjarji, bil-konsegwenza li dan l-għeluq awtomatiku jwassal sabiex id-deċiżjoni tat-tieni istanza ġudizzjarja ssir res judicata u l-kreditu fiskali mitlub mill-awtorità tat-taxxa jiġi estint.

Fil-fatt, l-ewwel nett, l-obbligu li jiġi żgurat ġbir effettiv tar-riżorsi tal-Unjoni ma jistax imur kontra l-osservanza tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli ta’ deċiżjoni, li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa impost fuq l-Istati Membri meta huma jimplementaw id-dritt tal-Unjoni u li l-protezzjoni tiegħu hija imposta wkoll bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. It-tieni nett, tali leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-għeluq tal-proċeduri l-iktar antiki pendenti quddiem il-qorti fiskali tat-tielet istanza ma tikkostitwixxix rinunzja ġenerali għall-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud għal perijodu partikolari, iżda dispożizzjoni eċċezzjonali intiża sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli. Barra minn hekk, minħabba n-natura selettiva u limitata tagħha, dovuta għall-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha, tali leġiżlazzjoni ma toħloqx differenzi sinjifikattivi fil-mod li bih huma ttrattati l-persuni taxxabbli fl-intier tagħhom u, għaldaqstant, ma tiksirx il-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

(ara l-punti 23, 26-28 u d-dispożittiv)