Language of document : ECLI:EU:C:2014:85

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-12 ta’ Frar 2014 (1)

Kawża C‑26/13

Árpád Kásler

Hajnalka Káslerné Rábai

vs

OTP Jelzálogbank Zrt

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (l-Ungerija)]

“Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Artikoli 4(2) u 6(1) — Klawżoli mhux suġġetti għall-evalwazzjoni tan-natura abbużiva tagħhom — Klawżoli kuntrattwali li jirrigwardaw id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew l-adegwatezza tal-prezz li huma mfassla b’mod ċar u li jinftiehem — Kuntratti ta’ kreditu f’munita barranija — Setgħat tal-qorti nazzjonali fil-preżenza ta’ klawżola kklassifikata bħala abbużiva”





1.        Din il-kawża saret fil-kuntest tal-offerta ta’ kuntratti ta’ kreditu lill-konsumatur f’munita barranija. L-użu ta’ tali kuntratti, li hija prassi komuni f’ċerti pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u li, prima facie, jista’ jitqies li huwa attraenti mill-persuni li jissellfu minħabba r-rata ta’ interess baxxa iktar minn dik ġeneralment applikata, wera, wara l-kriżi finanzjarja internazzjonali fl-aħħar tas-snin 2000, li kien problematiku għal ħafna individwi minħabba l-iżvalutazzjoni ta’ ċerti muniti meta mqabbla mal-munita barranija inkwistjoni (jiġifieri l-frank Svizzeru). Dawn l-individwi sabu ruħhom obbligati jirrimborsaw pagamenti, f’munita nazzjonali, li kienu kunsiderevolment ogħla minn dawk li kien ikollhom iħallsu li kieku dawn ġew ikkalkolati abbażi tar-rata tal-kambju ta’ dakinhar, applikabbli fil-mument li ngħata s-self. Ir-riperkussjonijiet osservati kienu tali li, b’mod indirett, is-settur bankarju ta’ ċerti pajjiżi sab ruħu affetwat b’mod kunsiderevoli (2).

2.        Id-domandi magħmula f’din il-kawża mill-Kúria madankollu ma jirrigwardawx direttament il-kompatibbiltà ta’ din il-prassi (3) mad-dritt tal-Unjoni jew inkella l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur, minħabba s-sempliċi fatt li huma f’munita barranija, jistgħux jew għandhomx jiġu ddikjarati abbużivi, iżda jirrigwardaw il-punt jekk u sa fejn il-klawżoli kuntrattwali li jistabbilixxu l-prezz applikabbli għall-għoti u r-rimbors tas-self rispettivament humiex tali li skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13/KEE (4), il-possibbiltà tan-natura abbużiva tagħhom ma tiġix evalwata peress li, fl-ewwel lok, huma jirrigwardaw is-suġġett prinċipali tal-kuntratt u/jew ir-rabta kwalità/prezz tas-servizzi jew prodotti pprovduti u, fit-tieni lok, huma redatti b’mod ċar u li jinftiehem. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konklużjonijiet li għandha tasal għalihom, jekk ikun il-każ, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/12 b’mod partikolari, il-qorti nazzjonali minħabba l-preżenza ta’ klawżoli kuntrattwali li hija tkun ikkwalifikat bħala abbużivi.

3.        Filwaqt li, fil-maġġoranza tagħhom, id-domandi magħmula għadhom qatt ma saru qabel, inkwantu huma intiżi sabiex jinkisbu spjegazzjonijiet dwar il-portata tal-kunċetti msemmija fil-klawżola msejħa ta’ esklużjoni li tinsab fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, ir-risposta li għandha tingħata għandha neċessarjament tiġi inkluża fl-espansjoni tat-tagħlim tal-ġurisprudenza dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li f’din il-kawża għandu jinstab bilanċ bejn, minn naħa, l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi skont id-Direttiva 93/12 u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà, evokata fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, li jiġu ppreżervati, sa ċertu punt, il-prinċipji tal-awtonomija tal-volontà u tal-libertà kuntrattwali. Barra minn hekk, u b’mod iktar fundamentali, jeħtieġ, fid-dawl tan-natura evidentement kawżistika tas-sistema stabbilita b’din id-direttiva, li tkun il-qorti nazzjonali li tistabbilixxi jekk il-klawżoli kuntrattwali li hija għandha tinterpreta humiex tali li hija tista’ tevalwa n-natura abbużiva tagħhom.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        It-tnax u d-dsatax-il premessa tad-Direttiva 93/13 jipprovdu li:

“Billi, iżda, kif inhuma bħalissa, il-liġijiet nazzjonali jippermettu li tiġi kkunsidrata biss armonizzazzjoni parzjali; billi b’mod partikolari, din id-Direttiva tkopri biss klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment; billi l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla b’konsiderazzjoni xierqa tat-Trattat [KEE], li joffru lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ disposizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti minn dawk ta[...]d-Direttiva;

[…]

Billi, għall-finijiet ta[…]d-Direttiva, m’għandhiex issir stima ta’ karattru inġust ta’ klawżoli li jiddeskrivu l-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas il-proporzjon bejn kwalità/il-prezz tal-merkanzija jew is-servizzi pprovduti; billi l-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u l-proporzjon bejn kwalità/prezz jistgħu madankollu jiġu kkunsidrati meta tkun qiegħda ssir l-istima dwar jekk klawżoli oħra jkunux ġusti. […]ˮ

5.        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1. Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

[…]

3. L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

6.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 huwa fformulat kif ġej:

“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

2. L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.ˮ

7.        Skont l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.ˮ

8.        Il-punt 1(j) u (l) tal-Anness tad-Direttiva 93/13, dwar il-klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3) tagħha, isemmi “[k]lawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li: […] j) jawtorizzaw lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jibdel il-klawżoli ta’ kuntratt minn naħa waħda biss mingħajr raġuni valida li tkun speċifikata fil-kuntratt; […] l) […] jippermettu lil bejjiegħ ta’ merkanzija jew lil fornitur ta’ servizzi jżid il-prezz [tiegħu] mingħajr ma’ jagħti lill-konsumatur […] [i]d-dritt korrispondenti li jikkanċella l-kuntratt jekk l-aħħar prezz ikun għoli wisq f’relazzjoni mal-prezz miftiehem meta l-kuntratt ikun ġie konklużˮ.

9.        Il-punt 2(b) tal-imsemmi Anness jindika li “[i]s-subparagrafu (j) huwa mingħajr xkiel għal klawżoli li taħthom fornitur ta’ servizzi finanzjarji jirriserva d-dritt li jibdel ir-rata ta’ imgħaxijiet pagabbli mill-konsumatur jew dovuti lilu, jew l-ammont ta’ imposti oħra għal servizzi finanzjarji bla avviż fejn ikun hemm raġuni valida, sakemm dak il-fornitur ikun meħtieġ jinforma lil parti jew partijiet kontraenti oħra tagħhom fl-opportunità l-aktar kmieni u li dawn ta’ l-aħħar ikunu liberi li jxolju l-kuntratt immedjatamentˮ u l-punt 2(d) li “[i]s-subparagrafu (1) huwa mingħajr xkiel għal klawsoli ta’ l-indiċjar tal-prezzijiet, fejn legali, sakemm il-metodu li bih ivarjaw il-prezzijiet jiġi deskritt b’mod espliċituˮ.

B –    Id-dritt Ungeriż

10.      L-Artikolu 209 tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż, fil-verżjoni tiegħu applikabbli meta ġie konkluż il-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“1. Klawżola kuntrattwali ġenerali, jew klawżola kuntrattwali li ma hijiex innegozjata b’mod individwali, ta’ kuntratt ma’ konsumatur, hija abbużiva jekk, bi ksur tar-rekwiżiti ta’ bona fede u ta’ ekwità, b’mod unilaterali u mingħajr ġustifikazzjoni hija tiddetermina d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt b’mod li tiżvantaġġja lill-parti kontraenti għajr dak li jimponi l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni.

2. Sabiex tiġi kkonstatata n-natura abbużiva ta’ klawżola, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi eżistenti fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt u li ddeterminaw il-konklużjoni tiegħu, kif ukoll in-natura tas-self miftiehem u r-rabta tal-klawżola inkwistjoni ma’ klawżoli oħra tal-kuntratt jew ma’ kuntratti oħra.

[…]

4.      Id-dispożizzjonijiet dwar il-klawżoli kuntrattwali abbużivi la huma applikabbli għall-klawżoli kuntrattwali li jiddefinixxu s-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas għal dawk li jistabbilixxu l-bilanċ bejn is-servizz ipprovdut u l-kunsiderazzjoni mogħtija għall-istess servizz.

[…]ˮ

11.      B’effett mit-22 ta’ Mejju 2009, l-Artikolu 209(4) u (5) tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż ġie emendat kif ġej:

“4.      Klawżola kuntrattwali ġenerali, jew klawżola kuntrattwali li ma hijiex innegozjata b’mod individwali ta’ kuntratt ma’ konsumatur, hija wkoll abbużiva minħabba s-sempliċi fatt li ma hijiex redatta b’mod ċar u li jinftiehem.

5.      Id-dispożizzjonijiet dwar il-klawżoli kuntrattwali abbużivi la huma applikabbli għall-klawżoli kuntrattwali li jiddefinixxu s-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas għal dawk li jistabbilixxu l-bilanċ bejn is-servizz ipprovdut u l-korrispettiv mogħti għall-istess servizz, sa fejn dawn il-klawżoli huma redatti b’mod ċar u li jinftiehem.ˮ

12.      Skont l-Artikolu 237 tal-istess Kodiċi:

“1.      F’każ ta’ kuntratt li ma huwiex validu, għandha tipprevali s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt.

2.      Jekk ma jkunx possibbli li tipprevali s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, il-qorti tista’ tiddikjara l-kuntratt applikabbli sakemm tkun tat id-deċiżjoni. Huwa possibbli li kuntratt li kien mingħajr validità jiġi ddikjarat validu jekk ikun possibbli li tintemm il-kawża tal-invalidità, b’mod partikolari f’każ ta’ sproporzjon tas-servizzi tal-partijiet f’kuntratt ta’ użura permezz tat-tneħħija tal-vantaġġ sproporzjonat. F’każ bħal dan, għandha tiġi ordnata r-restituzzjoni tas-servizz li jkun għadu dovut, jekk ikun il-każ, mingħajr korrispettiv.ˮ

13.      L-Artikolu 239 tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż jipprovdi:

“1.      F’każ ta’ nuqqas parzjali ta’ validità ta’ kuntratt, il-kuntratt ma huwiex ivvizzjat fit-totalità tiegħu ħlief jekk ma jkunx jista’ jiġi eżegwit mingħajr il-parti li ma hijiex valida. Dispożizzjonijiet legali jistgħu jidderogaw minn din id-dispożizzjoni.

2.      F’każ ta’ nuqqas parzjali ta’ validità ta’ kuntratt ma’ konsumatur, il-kuntratt ma huwiex ivvizzjat fit-totalità tiegħu ħlief jekk ma jkunx jista’ jiġi eżegwit mingħajr il-parti li ma hijiex valida.ˮ

14.      Skont l-Artikolu 239/A(1) ta’ dan il-Kodiċi:

“Il-parti tista’ titlob lill-qorti tikkonstata n-nuqqas ta’ validità ta’ kuntratt jew ta’ ċerti speċifikazzjoni tal-kuntratt (nuqqas parzjali ta’ validità), mingħajr ma fl-istess ħin ma jkollha titlob l-applikazzjoni ta’ konsegwenzi marbuta mal-imsemmija nuqqas ta’ validità.ˮ

II – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Fid-29 ta’ Mejju 2008, Á. Kásler u K. Rábai (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipaliˮ ikkonkludew ma’ OTP Jelzálogbank Zrt (iktar ’il quddiem il-“konvenuta fil-kawża prinċipaliˮ) kuntratt imsejjaħ “self ipotekarju f’munita barranija ggarantit b’ipotekaˮ.

16.      Skont il-paragrafu I/1 tal-kuntratt, il-konvenuta fil-kawża prinċipali tat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali self fl-ammont ta’ HUF 14 400 000, filwaqt li kien speċifikat li “l-iffissar tal-ammont f’munita barranija tas-self għandu jsir skont il-prezz tax-xiri tal-munita applikata mill-bank fil-jum tal-għoti tal-fondiˮ. Skont il-paragrafu I tal-kuntratt, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu ftiehmu li “wara l-għoti tal-fondi, l-ammont tas-self, tal-interessi relatati u tal-ispejjeż tal-ġestjoni, kif ukoll l-ammont tal-interessi moratorji u ta’ spejjeż oħra ser jiġu stabbiliti f’munita barranijaˮ. Abbażi tal-prezz tax-xiri tal-frank Żvizzeru applikat mill-konvenuta fil-kawża prinċipali meta ngħataw il-fondi, l-ekwivalenti f’CHF tal-imsemmi ammont f’HUF ġie stabbilit bħala CHF 94 240.84. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu obbligati jirrimborsaw din is-somma fuq perijodu ta’ 25 sena, b’kull pagament isir fir-raba’ jum ta’ kull xahar.

17.      Bis-saħħa tal-paragrafu II tal-kuntratt, dan is-self sar b’rata ta’ interessi nominali ta’ 5.2 % li, miżjud bl-ispejjeż ta’ ġestjoni ta’ 2.04 %, kien ifisser rata annwali effettiva globali (RAEG) ta’ 7.43 % fid-data tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

18.      Finalment, skont il-paragrafu III/2 tal-kuntratt, “il-persuna li ssellef għandha tiddetermina l-ammont f’HUF ta’ kull pagament li għandu jitħallas abbażi tal-prezz applikat mill-Bank għall-bejgħ tal-munita [barranija] fil-jum ta’ qabel id-data tal-eżiġibbiltàˮ.

19.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra l-konvenuta fil-kawża prinċipali billi invokaw in-natura abbużiva tal-paragrafu III/2 tal-kuntratt. Huma argumentaw li, peress li kienet tippermetti lill-bank jikkalkola l-pagamenti ta’ rimbors eżiġibbli abbażi tal-prezz tal-bejgħ tal-munita applikata minnu nnifsu, din il-klawżola kienet tagħtih vantaġġ unilaterali u mhux iġġustifikat, skont l-Artikolu 209 tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż.

20.      Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet dan ir-rikors. Din is-sentenza sussegwentement ġiet ikkonfermata fl-appell. Fis-sentenza tagħha, il-qorti tal-appell ikkunsidrat b’mod partikolari li, fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ta’ self bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-bank ma jpoġġix għad-dispożizzjoni tal-klijent muniti barranin u barra minn hekk ma jagħti l-ebda servizz finanzjarju relatat mal-bejgħ jew max-xiri tal-muniti barranin, b’tali mod li l-bank ma għandux japplika prezz għall-finijiet tal-amortizzazzjoni tas-self li huwa differenti minn dak li ġie użat meta ngħata s-self. Din il-qorti ddeċidiet ukoll li l-klawżola kkontestata ma hijiex ċara u komprensibbli, għaliex ma kinitx tippermetti li tkun magħrufa l-ġustifikazzjoni tad-differenza bejn il-metodu tal-kalkolu tas-self u l-ammont tas-self jew tal-amortizzazzjoni tiegħu.

21.      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali mbagħad ippreżentat appell kontra s-sentenza mogħtija fl-appell.

22.      B’mod partikolari hija sostniet li l-klawżola kkontestata, sa fejn kienet tippermettilha tirċievi dħul li kien jirrappreżenta l-korrispettiv tas-self li għandu jitħallas f’munita barranija li minnu jibbenefikaw dawk li jsellfu u li jservi sabiex jiġu koperti l-ispejjeż marbuta mat-tranżazzjonijiet tal-istabbiliment ta’ kreditu fuq is-suq fid-dawl tal-bejgħ tal-muniti, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni stipulata fl-Artikolu 209(4) tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż, b’tali mod li ma hemmx lok li jsir eżami tan-natura abbużiva skont l-Artikolu 209(1) tal-imsemmi Kodiċi.

23.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minn naħa l-oħra, isostnu li tali eżami għandu jsir. Huma sostnew b’mod partikolari li l-bank ma kellux jinvoka, fil-konfront tagħhom, il-karatteristiċi tal-funzjonament tal-banek u jitlobhom il-ħlas tal-ispejjeż li jirriżultaw lill-bank. Peress li l-kunsens ta’ min isellef kien jirrigwarda l-għoti tal-ammont f’HUF, ma għandux ikun ammissibbli li d-dħul tal-bank u s-self li dwaru sar qbil jitħalltu. Barra minn hekk, il-klawżola kkontestata ma hijiex ċara.

24.      Kien f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ self f’munita barranija, iżda li fir-realtà jingħata f’munita nazzjonali u li għandu jiġi rrimborsat mill-konsumatur esklużivament f’munita nazzjonali, il-klawżola kuntrattwali li tistabbilixxi r-rati tal-kambju, li ma kinitx innegozjata individwalment, taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt’?

Jekk dan ma huwiex il-każ, id-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ u l-prezz tax-xiri [tal-munita] għandha tiġi kkunsidrata, abbażi tat-tieni espressjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [93/13], bħala remunerazzjoni li l-ekwivalenza tagħha mas-servizz ipprovdut ma tistax tiġi eżaminata għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura abużiva tagħha? F’dan ir-rigward, it-twettiq effettiv ta’ operazzjoni ta’ kambju bejn l-istabbiliment finanzjarju u l-konsumatur huwa determinanti?

2)      Jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali tista’, indipendentement mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, teżamina wkoll in-natura abużiva ta’ tali klawżoli kuntrattwali, fil-każ li dawn ma humiex ċari u komprensibbli, dan l-aħħar rekwiżit għandu jinftiehem fis-sens li jimponi li l-klawżola inkwistjoni għandha tkun fiha nnifisha grammatikalment ċara u komprensibbli għall-konsumatur, jew jimponi barra minn hekk li r-raġunijiet ekonomiċi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni tal-klawżola kuntrattwali kif ukoll ir-relazzjoni tal-imsemmija klawżola mal-klawżoli l-oħra tal-kuntratt għandhom ikunu ċari u komprensibbli għal dan l-istess konsumatur?

3)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 u l-punt 73 tas-sentenza mogħtija fil-kawża Banco Español de Crédito (5) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali lanqas ma tista’ tirrimedja għan-nuqqas ta’ validità, fir-rigward tal-konsumatur, ta’ dispożizzjoni abużiva ta’ klawżola kuntrattwali ġenerali użata f’kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur billi temenda jew tissupplimenta l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni, jekk il-kuntratt ma jistax jibqa’ applikabbli abbażi tal-klawżoli kuntrattwali li jifdal wara t-tħassir tal-klawżola abbużiva? F’dan ir-rigward, huwa rilevanti li d-dritt nazzjonali fih dispożizzjoni ta’ natura supplimentari li tirregola l-kwistjoni legali inkwistjoni fl-assenza tal-klawżola nieqsa minn validità?ˮ

25.      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ungeriż, Ċek, Ġermaniż, Grieg, Taljan u Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta li saret fil-5 ta’ Diċembru 2013, ipparteċipaw il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ungeriż u dak Ġermaniż u l-Kummissjoni.

III – Fuq id-domandi preliminari

26.      Qabel ma nindirizza d-domandi waħda waħda, l-ewwel nett għandhom isiru ċerti punti dwar l-iskop (ratio legis) u l-portata tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

A –    Kummenti preliminari dwar l-iskop u l-portata tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13

27.      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jikkostitwixxi mingħajr dubju espressjoni tal-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni l-awtonomija tal-volontà u tal-libertà kuntrattwali tal-partijiet, li hija l-korollarju tal-ekonomija tas-suq.

28.      Din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-applikazzjoni tar-regola ta’ eċċezzjoni li teżenta lil ċerti klawżoli kuntrattwali mill-eżami tan-natura abbużiva tagħhom, għal żewġ kundizzjonijiet, kumulattivament: l-ewwel nett, il-klawżoli inkwistjoni għandhom jikkonċernaw il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntrattˮ jew is-“suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħraˮ, it-tieni nett, il-klawżoli għandhom “ikunu f’lingwaġġ sempliċi u ċarˮ.

29.      Kif jirriżulta b’mod ċar mix-xogħlijiet li kienu saru qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 93/13 (6), it-test tad-direttiva adottat finalment bil-għan li jiġu miġġielda l-klawżoli abbużivi wera li huwa wisq inqas ambizzjuż mill-ewwel proposta tal-Kummissjoni (7), peress li kellu jinstab kompromess bejn, minn naħa waħda, l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi u l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-klawżoli abbużivi u, min-naħa l-oħra, il-prinċipji ta’ awtonomija tal-volontà u tal-libertà kuntrattwali li huma stabbiliti ferm fit-tradizzjonijiet ġuridiċi tal-maġġoranza tal-Istati Membri fil-qasam tad-dritt tal-kuntratti.

30.      Essenzjalment, dan il-kompromess jidher prinċipalment, fl-opinjoni tiegħi, f’żewġ modi.

31.      Fl-ewwel lok, u kuntrarjament għal dak li kien jirriżulta mill-proposta tal-Kummissjoni, jiġifieri li tiġi stabbilita lista eżawrjenti ta’ klawżoli li awtomatikament għandhom jiġu kkunsidrati bħala abbużivi, il-lista tal-klawżoli li tinsab fl-Anness tad-Direttiva 93/13 hija sempliċement indikattiva.

32.      Fit-tieni lok, huwa nnotat b’mod partikolari li din id-direttiva tirreferi biss, minn naħa, għal klawżoli li ma kinux innegozjati b’mod individwali (Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13) u, min-naħa l-oħra, għal klawżoli minbarra dawk li jirrigwardaw id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew l-adegwatezza tal-prezz mas-servizz (Artikolu 4(2)).

33.      Fir-rigward tad-dispożizzjoni korrispondenti għall-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, mill-pożizzjoni komuni adottata fit-22 ta’ Settembru 1992 jirriżulta b’mod ċar li din ġiet miżjuda sabiex jiġi eskluż “dak kollu li jirriżulta direttament mil-libertà kuntrattwali tal-partijietˮ. Fi kliem ieħor, ġiet espressa x-xewqa li l-qalba tar-relazzjoni kuntrattwali (“essentialia negotiiˮ), sakemm tkun ġiet iddefinita f’termini ċari u li jinftiehmu, ma tiġix affettwata.

34.      Iż-żieda ta’ tali dispożizzjoni tista’ tidher, minn diversi aspetti, paradossali.

35.      L-ewwel nett, jidher sorprendenti li d-Direttiva 93/13, li hija intiża l-ewwel u qabelxejn sabiex tipproteġi lill-konsumatur, fl-istess ħin teskludi li d-dispożizzjonijiet li ma ġewx innegozjati li jinsabu fil-“qalbaˮ stess tal-kuntratt jistgħu jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni tan-natura abbużiva tagħhom (8). Huwa dan li ċertament jispjega li ċerti Stati Membri għażlu li jkabbru l-livell ta’ protezzjoni mogħti bid-Direttiva 93/13 mingħajr ma ħadu inkunsiderazzjoni l-limitazzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 fl-atti ta’ traspożizzjoni (9).

36.      Sussegwentement, għalkemm nista’ nkun nifhem ix-xewqa, espressa b’mod ċar waqt ix-xogħlijiet qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 93/13, li tingħata ċerta importanza għall-awtonomija tal-volontà u tal-libertà kuntrattwali, hemm lok li jsiru mistoqsijiet dwar ir-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni. Sakemm, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, fi kwalunkwe każ il-klawżoli kuntrattwali li ġew innegozjati b’mod individwali ma humiex ivvizzjati, l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva japplika f’qasam fejn il-libertà kuntrattwali ma ġietx espressa b’mod sħiħ.

37.      Dan il-paradoss ġie ssollevat, parzjalment, mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, iċċitata iktar ’il fuq, li tat spjegazzjonijiet notevoli dwar il-funzjoni li għandu l-Artikolu 4(2) fis-sistema ta’ protezzjoni implementata bid-Direttiva 93/13.

38.      Filwaqt li fakkret, l-ewwel nett, li d-Direttiva 93/13 ġabet biss armonizzazzjoni minima u parzjali tal-liġijiet nazzjonali dwar il-klawżoli abbużivi, filwaqt li tirrikonoxxi l-possibbiltà li l-Istati Membri jagħtu lill-konsumatur livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak li hija tipprovdi, il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad iddeċidiet li l-imsemmija dispożizzjoni ma kinitx tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 93/13, iżda kienet sempliċement tistabbilixxi l-metodi u l-portata tal-istħarriġ fil-mertu tal-klawżoli kuntrattwali, li ma ġewx innegozjati individwalment, li jiddeskrivu l-prestazzjonijiet essenzjali tal-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur. Finalment, filwaqt li ċaħdet li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu natura obbligatorja, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikoli 4(2) u 8 tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza stħarriġ ġudizzjarju tan-natura abbużiva tal-klawżoli kuntrattwali dwar id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew dwar l-adegwatezza tal-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s‑servizzi jew il-merkanzija pprovduta, min-naħa l-oħra, anki jekk dawn il‑klawżoli huma fformulati b’mod ċar u li jinftiehem. Fil-fatt, billi tawtorizza l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplet tan-natura abbużiva tal-klawżoli, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, previsti minn kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti li jiġi żgurat lil dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 8 tad‑Direttiva, livell ta’ protezzjoni effettiva ogħla minn dak stabbilit mill-istess direttiva (10).

39.      Dawn il-punti flimkien għandhom, fil-linja ġurisprudenzjali li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet u kif ser nuri fl-argumenti li ġejjin, iwasslu sabiex il-kunċetti msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jiġu ddefiniti abbażi ta’ kriterji awtonomi (11) distinti mill-approċċi eventwalment applikati fuq livell nazzjonali.

40.      Dan jimplika, fl-ewwel lok, li l-kriterji li jippermettu d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali jew ir-rapport kwalità/prezz ta’ prodott jew servizz fornut, għandhom, minkejja s-setgħa diskrezzjonali li għandhom il-qrati nazzjonali aditi, ikunu ddefiniti b’mod ċar.

41.      It-tieni nett, ir-rekwiżit ta’ “ċarezza u leġibbiltàˮ, imsemmi fid-Direttiva 93/13, għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konsumatur, minkejja li jkun raġonevolment attent u sensittiv, huwa f’pożizzjoni dgħajfa meta mqabbel mall-bejjiegħ jew fornitur li magħhom irid jikkonkludi l-kuntratti. Iċ-ċarezza u l-leġibbiltà ma għandhomx ikunu limitati biss sempliċement għal aspetti formali jew lingwistiċi, iżda għandhom jikkunsidraw l-asimmetrija ta’ informazzjoni li tikkaratterizza r-rapport bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur.

42.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li ser neżamina d-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju.

B –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

43.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-Kúria tistaqsi, essenzjalment, jekk in-natura abbużiva tal-klawżola kuntrattwali dwar id-differenza bejn ir-rata ta’ kambju applikabbli għall-għoti u għar-rimbors tas-self rispettivament, li ma kinitx innegozjata b’mod individwali, tistax tiġi eżaminata sostantivament jew jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jipprekludix dan peress li tali klawżola tirrigwarda d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew ir-rapport kwalità/prezz tas-servizz.

44.      Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna sabiex b’mod iktar wiesa’ tistabbilixxi jekk kull element tal-korrispettiv li għandu jitħallas fi flus mid-debitur jikkostitwixxix klawżola li tiddefinixxi “is-suġġett prinċipali tal-kuntrattˮ jew jekk, minbarra l-għoti tal-kreditu, huwiex biss il-ħlas tal-interessi li jaqa’ fis-suġġett prinċipali tal-kuntratt (l-ewwel aspett). Fil-każ li din l-aħħar affermazzjoni hija korretta, xorta tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk l-obbligu ta’ ħlas li jirriżulta mid-differenza bejn ir-rata tal-kambju għandux jitqies jew le li huwa parti mir-“remunerazzjoniˮ, skont it-tieni ipoteżi tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 (it-tieni aspett).

1.      L-ewwel aspett: definizzjoni tal-kunċett tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt

45.      Infakkar li, fis-sentenza Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 kien jirreferi għas-“servizzi essenzjali tal-kuntrattiˮ konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur (12). Għall-kuntrarju, hija ma stabbilixxietx jekk il-klawżola kkontestata kinitx tirrigwarda servizzi essenzjali.

46.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ jitfakkar li, definittivament, huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jiddefinixxu s-servizzi essenzjali ta’ kuntratt partikolari. Din l-evalwazzjoni timplika, mingħajr dubju, eżami eżawrjenti tal-kuntratt inkwistjoni kif ukoll taċ-ċirkustanzi fattwali u legali kollha li kienu rilevanti għall-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt (13).

47.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija lilha permezz tal-Artikolu 267 TFUE, tuża kriterji ġenerali sabiex tiddefinixxi l-kunċetti li jinsabu fid-Direttiva (14).

48.      Dan japplika f’din il-kawża iktar u iktar għaliex diversi linji ġurisprudenzjali, b’mod partikolari b’rabta mal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ kreditu, jidhru jindirizzaw din il-materja. Skont linja ġurisprudenzjali waħda, segwita b’mod partikolari mill-Qorti Suprema (Renju Unit) (15), ma għandux ikun hemm lok li ssir differenza bejn l-elementi essenzjali tal-prezz (“core termsˮ) u l-ispejjeż li jistgħu jiġu dovuti fil-preżenza ta’ ċerti kundizzjonijiet (“incidental termsˮ) u għalhekk, l-obbligi ta’ ħlas kollha relatati mas-servizz jidħlu fl-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Għall-kuntrarju, il-qrati Ġermaniżi, kif ukoll il-maġġoranza tad-duttrina Ġermaniża, jidhru li għandhom approċċ ħafna iktar restrittiv f’dan ir-rigward (16).

49.      Fl-opinjoni tiegħi, sabiex jiġi stabbilit dak li huwa s-suġġett prinċipali ta’ kuntratt, għandha tkun il-qorti li tiddeċiedi, f’kull każ, is-servizz jew servizzi essenzjali li oġġettivament għandhom ikunu kkunsidrati bħala essenzjali fl-istruttura ġenerali tal-kuntratt. Din l-evalwazzjoni, li ma tistax issir b’mod astratt, ma tistax tkun limitata għal eżami tal-parametri li jiddefinixxu kuntratt partikolari fir-rigward tad-dritt nazzjonali, iżda għandha tikkunsidra l-partikolaritajiet li jirriżultaw mit-termini stess tal-kuntratt.

50.      Barra minn hekk, jidher li s-suġġett prinċipali ta’ kuntratt ikollu, b’mod ġenerali, diversi aspetti li ma jistgħux jiġu sseparati minnu u li tali kuntratt ma għandux jiġi ddefinit b’mod suffiċjenti b’riferiment għal parti tas-servizz jew tal-prodott mixtieq.

51.      Sabiex nispjega l-argument tiegħi, ser nirreferi għall-eżempju ta’ kuntratt ta’ xiri ta’ karozza. Is-suġġett prinċipali tal-kuntratt ma jirrigwardax kwalunkwe karozza, iżda għandu jkun iddefinit sabiex jirreferi għal karozza ta’ ċerta marka, li għandha ċerti karatteristiċi tekniċi u li tissodisfa ċerti kriterji estetiċi.

52.      Fir-rigward ta’ kuntratt ta’ forniment ta’ servizz, jista’ jsir riferiment għall-eżempju ta’ kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż konkluż bejn konsumatur u operatur tal-ivvjaġġar. Jekk b’mod astratt, fir-rigward tad-dritt nazzjonali applikabbli u tal-prattika, jista’ jitqies mingħajr dubju li, ma humiex biss is-servizzi tat-trasport li jiffurmaw parti mill-qalba tal-kuntratt, iżda wkoll is-servizzi tal-akkomodazzjoni miftiehma, ma għandux għalhekk jiġi konkluż li wieħed minn dawn l-oqsma huwa sekondarju meta mqabbel mal-ieħor. Dawn iż-żewġ aspetti mingħajr dubju jiffurmaw parti mis-suġġett prinċipali tal-kuntratt inkwistjoni.

53.      Sabiex tikkonkludi li klawżola f’kuntratt ma tifformax parti mis-suġġett prinċipali tiegħu, il-qorti nazzjonali mitluba tiddeċiedi għandha tistabbilixxi, każ b’każ, jekk din il-klawżola tikkontribwixxix b’mod oġġettiv, b’mod jew ieħor, sabiex tiddefinixxi, fuq il-livell ġuridiku jew kummerċjali, il-karatteristiċi essenzjali tiegħu. F’dan is-sens, hija għalhekk il-qorti li għandha tistabbilixxi jekk l-imsemmija klawżola tagħmilx parti integrali mis-servizzi li jiddefinixxu l-kuntratt, inkwantu, fin-nuqqas ta’ tali klawżola, il-kuntratt jitlef waħda mill-karatteristiċi fundamentali tiegħu, jiġifieri ma jistax jissussisti abbażi tal-istipulazzjonijiet kuntrattwali li jibqgħu.

54.      F’dan il-każ, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu indikati l-elementi meħtieġa sabiex jiġi ddefinit dak li jista’ jikkostitwixxi s-“servizzi essenzjaliˮ ta’ kuntratt ta’ kreditu.

55.      Minbarra dak li diġà semmejt, għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss l-elementi relatati mad-dritt nazzjonali applikabbli, iżda wkoll dawk marbuta speċifikament mat-termini tal-kuntratt inkwistjoni.

56.      Il-kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur jista’ b’mod wiesa’ jiġi ddefinit bħala ftehim li permezz tiegħu min isellef jagħti lil minn jissellef somma ta’ flus, bl-obbligu li dan tal-aħħar jirritornaha lura, permezz, meta jkun self bl-interessi, ta’ pagamenti ta’ interessi minn min jissellef.

57.      Din id-definizzjoni tikkorrispondi, fil-parti l-kbira tagħha, ma’ dik użata fid-dritt tal-Unjoni, pereżempju, fid-Direttiva 2008/48/KE dwar ftehim ta’ kreditu (17), iżda wkoll ma’ dik iddedikata fid-dritt nazzjonali rilevanti, f’dan il-każ id-dritt Ungeriż. Fil-fatt, skont l-Artikolu 523(1) tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż, permezz ta’ kuntratt ta’ kreditu, l-istabbiliment finanzjarju jobbliga ruħu li jpoġġi somma flus determinata għad-dispożizzjoni tad-debitur, li jobbliga ruħu li jirrimborsa l-ammont tas-self skont il-kuntratt. L-Artikolu 523(2) tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż isemmi biss b’mod speċifiku bħala korrispettiv, il-pagament tal-interessi.

58.      Jekk ir-rata ta’ interess nominali hija inkluża fis-sustanza stess ta’ kuntratt ta’ kreditu, jista’ jkun hemm mekkaniżmu li jippermetti lil min isellef jikkalkola l-pagamenti abbażi ta’ rata ta’ kambju f’munita barranija?

59.      Huwa veru li wieħed jista’ jiddefendi l-argument li l-kunċett ta’ klawżola li tiddefinixxi s-“suġġett prinċipali ta’ kuntrattˮ għandu jiġi interpretat b’mod strett ħafna, u li għalhekk, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu, kull parti tal-korrispettiv li għandha titħallas fi flus mid-debitur fit-total inkwistjoni ma għandhiex titqies li hija parti mis-suġġett prinċipali tal-kuntratt. Fil-fatt tista’ ssir distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet kuntrattwali sabiex tiġi ffissata r-rata ta’ interessi, li hija relatata mas-suġġett prinċipali, u d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw, fid-dawl tal-mekkaniżmu tas-self inkwistjoni, spejjeż sekondarji jew aċċessorji.

60.      Madankollu, filwaqt li din il-kunsiderazzjoni ġenerali hija diffiċilment kontestabbli fil-każ ta’ kuntratt ta’ kreditu fis-sens wiesa’ tiegħu, jiena minix konvint li din hija valida fil-każijiet kollha u, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu ddefinit bħala “self ipotekarju f’munita barranija ggarantit b’ipotekaˮ.

61.      Jekk jiġi aċċettat li l-kunċett ta’ suġġett prinċipali tal-kuntratt għandu jkopri dak kollu li l-partijiet, fid-dawl tat-termini ċari tal-kuntratt, iddefinixxew bħala tali, inkwantu jikkorrispondi għall-obbligi essenzjali kollha li għandhom jiġu kkunsidrati bħala korrispettiv tas-servizz jew tas-servizzi pprovduti (18), jidhirli li huwa diffiċli li s-suġġett tal-kuntratt jiġi limitat għall-istipulazzjonijiet relatati mal-iffissar tar-rata ta’ interess nominali.

62.      Peress li dan huwa self f’munita barranija, il-klawżola li tistabbilixxi r-rati ta’ kambju applikabbli taqa’, probabbilment, fis-suġġett prinċipali tal-kuntratt, peress li aktarx hija tikkostitwixxi wieħed mill-parametri essenzjali, sa fejn, fin-nuqqas tal-imsemmija klawżola, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt hija kompromessa (19). Fl-opinjoni tiegħi, din hija differenti mill-mekkaniżmu ta’ bidla tal-ispejjeż tal-mandat inkwistjoni fil-kawża Invitel (20) jew mill-klawżola dwar l-interessi moratorji msemmija fis-sentenza Banco Español de Credito, iċċitata iktar ’il fuq.

63.      Fil-fatt, il-mekkaniżmu ta’ self f’munita barranija huwa bbażat fuq diversi aspetti li, fil-prinċipju, ma jistgħux jiġu sseparati. L-ewwel nett, is-self, minkejja li konkretament mogħti u mħallas f’munita nazzjonali, sar, fi kwalunkwe każ f’munita barranija. It-tieni nett, ir-rata ta’ interessi applikabbli, li tikkonċerna l-ammont ta’ self f’munita barranija, hija ġeneralment inqas minn dik applikabbli għal self f’munita lokali. It-tielet nett, il-pagamenti tas-self saru f’munita nazzjonali skont ir-rata ta’ kambju applikabbli fil-mument tal-pagamenti (21).

64.      Din l-interpretazzjoni ma tinvalidax l-idea li, fid-dawl tan-neċessità tal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-qrati nazzjonali għandhom, sa fejn possibbli, jippreferu kunċett relattivament strett ta’ dak li jikkostitwixxi s-suġġett prinċipali tal-kuntratt. L-approċċ li għandu jiġi applikat fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ suġġett prinċipali tal-kuntratt, imsemmi fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, għandu jwassal sabiex jiġu esklużi d-dispożizzjonijiet li għandhom natura sekondarja jew residwali fl-istruttura tal-kuntratt u mhux dawk li jikkonċernaw servizz jew servizzi essenzjali li jikkaratterizzaw lill-kuntratt.

65.      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li, ma għandux jiġi eskluż li, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ self bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-klawżola li tistabbilixxi r-rata ta’ kambju applikabbli, sa fejn tikkostitwixxi wieħed mill-pilastri ta’ kuntratt f’munita barranija, taqa’ taħt l-iskop tal-kuntratt.

66.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ħsieb li taqbel ma’ din l-aħħar konklużjoni, għandu jiġi stabbilit jekk l-obbligu ta’ pagament li jirriżulta mid-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-prezz tal-bejgħ tal-munita jistax jitqies li huwa element relatat mar-rapport kwalità/prezz tas-servizz mogħti.

2.      It-tieni aspett: id-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-prezz tal-bejgħ tal-munita barranija tista’ titqies li hija parti mir-remunerazzjoni dovuta lil min isellef?

67.      F’din il-kawża, wara analiżi superfiċjali, jista’ jitqies li l-prassi inkwistjoni neċessarjament tikkonċerna element tal-prezz, b’tali mod li ma tistax tiġi suġġetta għal stħarriġ fuq il-mertu, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, ħlief jekk ir-redazzjoni tal-klawżola inkwistjoni la hija ċara u lanqas tinftiehem.

68.      Madankollu, għandu jitfakkar li l-esklużjoni ma tikkonċernax l-elementi kollha tal-prezz, iżda biss l-adegwatezza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew il-prodotti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra. B’hekk, kif jirriżulta mir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 (22), il-klawżoli li jistipulaw il-mod tal-kalkolu jew il-modalitajiet tal-bdil tal-prezz huma kompletament suġġetti għall-imsemmija direttiva.

69.      It-tieni ipoteżi ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/12 tirreferi, fl-opinjoni tiegħi, għall-każijiet, li fil-prattika huma rari ħafna, fid-dawl tan-nuqqas ta’ skala (23), fejn rapport kważi matematiku jista’ jiġi stabbilit bejn il-kwalità tas-servizz ipprovdut u r-remunerazzjoni tiegħu.

70.      Fir-rigward ta’ klawżoli kuntrattwali ta’ kuntratt ta’ self f’munita barranija, li jipprovdi li huwa l-prezz tax-xiri tal-munita li japplika fil-mument tal-għoti tas-self, filwaqt li huwa l-prezz tal-bejgħ li japplika fil-mument tal-ħlas tal-imsemmi self, tqum il-kwistjoni segwenti.

71.      Jekk, kif jidher li kien il-każ fil-kawża prinċipali, il-bank ma jipprovdix servizz partikolari lill-klijent, iżda r-riferiment għall-munita barranija huwa biss kejl ta’ valur, allura jista’ jiġi kkunsidrat li din id-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-prezz tal-bejgħ tal-munita barranija ma hijiex korrispettiv adegwat u li n-natura abbużiva tal-klawżola kuntrattwali korrispondenti tista’ tiġi eżaminata. Għall-kuntrarju, jekk jiġi vverifikat li hemm rapport dirett bejn, minn naħa, id-differenza bejn il-prezz tax-xiri u tal-bejgħ u, min-naħa l-oħra, il-kwalità tas-servizz ipprovdut, li jidher li għandu jiġi eskluż minħabba n-natura varjabbli ta’ din id-differenza, l-istipulazzjonijiet relatati ma’ din id-differenza ma għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni dwar in-natura abbużiva tagħhom.

72.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li f’każ ta’ self f’munita barranija, li fir-realtà ngħata f’munita nazzjonali u li għandu jitħallas lura mill-konsumatur esklużivament f’munita nazzjonali, il-klawżola kuntrattwali li tistabbilixxi r-rati tal-kambju, li ma kinitx innegozjata b’mod individwali, tista’ titqies li taqa’ fis-suġġett prinċipali tal-kuntratt meta minn dan jirriżulta b’mod ċar li din il-klawżola tikkostitwixxi parametru essenzjali tiegħu. Min-naħa l-oħra, id-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ u l-prezz tax-xiri tal-munita ma għandhiex titqies li hija remunerazzjoni li l-adegwatezza tagħha mas-servizz ma għandhiex tiġi eżaminata għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva tagħha.

C –    Fuq it-tieni domanda preliminari: rekwiżit ta’ redazzjoni ċara u li tinftiehem tal-klawżoli suġġetti għall-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13

73.      Ir-risposta għal din it-tieni domanda, li tirrigwarda r-rekwiżit ta’ ċarezza u termini li jinftiehmu stabbilit fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, hija valida biss jekk il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li għandha tingħata risposta pożittiva għall-ewwel domanda. Fil-fatt, kif diġà semmejt preċedentement, ma għandux jiġi eskluż li, fil-każ ta’ kuntratt ta’ self f’munita barranija, il-klawżoli li jistabbilixxu r-rati ta’ kambju applikabbli għall-amortizzazzjoni u għall-għoti tas-self huma relatati speċifikament mas-suġġett prinċipali tal-kuntratt.

74.      Fl-ewwel lok, u qabel ma jiġi diskuss il-mertu tad-domanda magħmula, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi jekk ir-rekwiżit ta’ redazzjoni ċara u li tinftiehem huwiex applikabbli wkoll fil-każ fejn l-imsemmi rekwiżit ma ġiex inkluż fid-dispożizzjonijiet nazzjonali.

75.      Il-qorti tar-rinviju, fil-fatt, enfasizzat li l-konvenuta kienet sostniet li kien impossibbli għall-qorti adita mill-kawża li teżamina jekk il-klawżoli kkontestati kinux redatti b’mod ċar u li jinftiehem, peress li, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, l-Artikolu 209(4) tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż ma kienx jinkludi dan ir-rekwiżit.

76.      F’dan ir-rigward, jidhirli li jirriżulta ċar biżżejjed mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi, li huwa applikabbli bl-istess mod għall-qrati nazzjonali f’kawża tat-tip orizzontali (24), li hemm lok, għall-qorti nazzjonali mitluba tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha, li tagħmel dan sa fejn possibbli fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Direttiva 93/13 sabiex tikseb ir-riżultat mistenni minnha (25).

77.      Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi huwa obbligatorju tant li, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ ċarezza u termini li jinftiehmu mitlub fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza tiegħu meta ddeċidiet li, sabiex tiggarantixxi konkretament l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittxija mid-Direttiva 93/13, kull traspożizzjoni tal-imsemmi Artikolu 4(2) għandha tkun kompleta, b’tali mod li l-projbizzjoni tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva tal-klawżoli tirrigwarda biss dawk li huma redatti b’mod ċar u li jinftiehem (26).

78.      Minn dan jirriżulta li l-qorti nazzjonali adita mill-kawża għalhekk tista’ (u hija anki obbligata) tivverifika jekk il-klawżoli inkwistjoni jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ trasparenza msemmi fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, u dan indipendentement minn jekk dan ir-rekwiżit kienx, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt tas-self ikkontestat, espliċitament imsemmi fid-dritt nazzjonali applikabbli.

79.      Fit-tieni lok, hemm id-domanda dwar jekk ir-rekwiżit li l-klawżoli li jirrigwardaw is-suġġett prinċipali jew ir-rapport kwalità/prezz tas-servizz għandhom ikunu “ċari u li jinftehmuˮ, sabiex ma jkunx hemm il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tan-natura abbużiva tagħhom, jikkonċernax biss l-aspett formali u lingwistiku tal-klawżola jew jekk, b’mod iktar wiesa’, jikkonċernax ukoll il-konsegwenzi ekonomiċi li jaffettwaw l-applikazzjoni tal-klawżola kuntrattwali kkontestata jew ir-relazzjoni tagħha ma’ klawżoli oħra.

80.      Minbarra dak li diġà semmejt, filwaqt li l-protezzjoni tal-konsumatur, bħala parti vulnerabbli, titlob neċessarjament interpretazzjoni ċara u oġġettiva tal-kunċetti tas-suġġett prinċipali u tal-prezz li jinsabu fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, hija teżiġi, fl-istess ħin, li r-rekwiżit ta’ trasparenza jiġi applikat b’mod estiż. Kif enfasizzat il-Kummissjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ inferjorità li fiha jinsab il-konsumatur meta mqabbel mal-bejjiegħ jew il-fornitur f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ informazzjoni, dan jista’ jkollu diffikultajiet sabiex jevalwa korrettament il-konsegwenzi ta’ ċerti klawżoli kuntrattwali, minkejja l-fatt li dawn ikunu redatti b’mod ċar mill-perspettiva lingwistika.

81.      Konsegwentement, l-eżami tan-natura ċara u li tinftiehem ta’ klawżola ma għandux ikun limitat purament għall-aspett tar-redazzjoni tagħha. In-natura ċara u li tinftiehem ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata abbażi tal-mistoqsija dwar jekk tiggarantixxix lill-konsumatur li jkollu informazzjoni li bl-għajnuna tagħha jkun f’pożizzjoni li jevalwa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-konklużjoni ta’ kuntratt partikolari u r-riskji li huwa għandu minħabba t-tranżazzjoni. Il-konsumatur ma għandux biss jifhem il-kontenut ta’ klawżola, iżda wkoll l-obbligi u d-drittijiet relatati magħha (27).

82.      Jidhirli, barra minn hekk, li din l-interpretazzjoni ssib sostenn solidu fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

83.      Fil-fatt, fis-sentenza RWE Vertrieb (28), li kienet tikkonċerna b’mod partikolari l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, li timponi lill-bejjiegħa jew fornituri li jfasslu l-klawżoli kuntrattwali proposti lill-konsumatur b’mod “sempliċi u ċarˮ, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li hija l-qorti tar-rinviju, skont iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, li għandha tiżgura li l-konsumatur huwa f’pożizzjoni li jipprevedi l-ispejjeż li huwa seta’ jinkorri.

84.      Minkejja li, ċertament, din il-ġurisprudenza tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, jidhirli għalhekk li dan jgħodd iktar u iktar fir-rigward tar-rekwiżit ta’ trasparenza inkluż fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, peress li din l-aħħar dispożizzjoni għandha bħala effett sinjifikattiv li tissuġġetta ċerti stipulazzjonijiet kuntrattwali għall-evalwazzjoni dwar in-natura abbużiva tagħhom. Fil-fatt ma għandhomx jitnaqqsu b’mod eċċessiv ir-rekwiżiti relatati man-natura ċara u li tinftiehem tal-klawżola kkonċernata li jikkundizzjonaw it-twettiq ta’ stħarriġ fuq il-mertu u li hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tikkonstata dan, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża.

85.      Sabiex nirritornaw lura għall-kawża prinċipali, u mingħajr ħsara għall-eżami li għandha tagħmel il-qorti nazzjonali, mill-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li minn perspettiva purament lingwistika, l-istipulazzjonijiet kuntrattwali relatati mar-rati ta’ kambju applikabbli għall-għoti u għall-amortizzazzjoni tas-self rispettivament jidhru li kienu redatti b’mod ċar. Il-paragrafu I/1 tal-kuntratt ikkontestat jistipula li “l-iffissar tal-ammont f’munita tas-self isir skont il-prezz tax-xiri tal-munita applikata mill-bank fil-jum tal-għoti tal-fondiˮ. Barra minn hekk, skont il-paragrafu III/2 tal-istess kuntratt “il-persuna li ssellef tiddetermina l-ammont f’HUF ta’ kull pagament li għandu jitħallas abbażi tal-prezz applikat mill-Bank fil-bejgħ tal-munita [barranija] fil-jum qabel id-data tal-eżiġibbiltàˮ.

86.      Madankollu, minkejja li dawn it-termini huma ċari, jista’ jkun hemm dubji dwar kemm dawn kienu jinftiehmu fit-totalità tagħhom. Fil-fatt huwa permess li ssir domanda dwar l-evalwazzjoni, mill-konsumatur ikkonċernat, tal-konsegwenzi ekonomiċi eżatti tal-klawżola tal-kuntratt ta’ kreditu li tirreferi għall-prezz tax-xiri tal-munita (u mhux għall-prezz tal-bejgħ tal-munita) fuq l-ammonti li huwa ser ikun responsabbli għall-ħlas tagħhom b’mod definittiv.

87.      Jekk, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, il-konsumatur kien, b’mod kunsiderevoli, f’pożizzjoni li jevalwa r-riskju li kellu fir-rigward tad-dejn tiegħu f’munita nazzjonali f’każ ta’ żieda fil-prezz tal-munita ta’ referenza barranija, peress li l-kuntratt ta’ self li ffirma kien speċifikament f’din il-munita barranija, min-naħa l-oħra, ma huwiex evidenti jekk il-konsumatur kienx f’pożizzjoni li jifhem, fin-nuqqas ta’ xi spjegazzjoni f’dan ir-rigward, fil-kuntratt jew li setgħet saret waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, il-motivi li setgħu jiġġustifikaw li l-pagamenti kellhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata ta’ kambju ta’ bejgħ tal-munita barranija, minkejja li kienet ir-rata ta’ kambju ta’ xiri tal-istess munita li kienet użata għall-għoti tas-self.

88.      Fil-fatt, kemm-il konsumatur, minkejja li jkun raġonevolment attent u avżat, huwa f’pożizzjoni li jifhem id-daqs tad-differenza li teżisti bejn il-prezz tal-bejgħ ta’ munita u l-prezz tax-xiri tagħha? Bid-differenza ta’ dak li ġeneralment jiġi osservat fis-suq tat-titoli, ix-xiri u l-bejgħ ta’ muniti jsir f’pari (“cross”) u skont munita oħra. Għalhekk ma jkunx hemm rata waħda ta’ kambju applikabbli (“spot”) iżda tnejn (29). Id-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-prezz ta’ bejgħ ta’ munita (“spread”), li hija dipendenti b’mod sinifikanti fuq in-numru u l-kwalità tal-interventi fuq is-suq inkwistjoni, tista’ tkun waħda kunsiderevoli. Din l-informazzjoni, ġeneralment magħrufa tajjeb mill-professjonisti tas-settur bankarju u finanzjarju u fiċ-ċirkoli kkonċernati, għall-kuntrarju, ma hijiex neċessarjament magħrufa mill-konsumatur medju (30).

89.      Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija mill-professjonisti qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, dan kienx f’pożizzjoni li jevalwa l-konsegwenzi eżatti tar-riferiment għall-prezz tax-xiri (u mhux għall-prezz tal-bejgħ).

90.      F’dan il-każ, hija l-qorti adita li għandha tistabbilixxi, fid-dawl tal-elementi oġġettivi ppreżentati fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkontestat, jekk il-konsumatur kienx f’pożizzjoni li jifhem li, minbarra, minn naħa, l-interessi u, min-naħa l-oħra, ir-riskji li neċessarjament jirriżultaw mill-varjanza tar-rata ta’ kambju bejn il-munita nazzjonali (li fiha huwa kien ħallas il-rimbors tas-self tiegħu) u l-munita ta’ referenza barranija, huwa espona ruħu, mingħajr ma nduna, għal spiża addizzjonali li tirriżulta mid-differenza li teżisti bejn il-prezz tax-xiri tal-munita barranija u l-prezz tal-bejgħ tal-istess munita.

91.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, u sa fejn l-ewwel domanda għandha tingħata risposta pożittiva, huwa propost li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti adita li għandha teżamina n-natura abbużiva tal-klawżoli kuntrattwali msemmija sakemm dawn ma humiex redatti b’mod ċar u li jinftiehem, abbażi ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali applikabbli fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni. L-eżami dwar in-natura ċara u komprensibbli tal-klawżoli kuntrattwali għandu jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, u b’mod partikolari l-informazzjoni li tkun ingħatat lill-konsumatur waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, u għandha taffettwa, minbarra l-aspett strettament formali u lingwistiku, l-evalwazzjoni eżatta tal-konsegwenzi ekonomiċi tal-imsemmija klawżoli u r-rabtiet li jistgħu jeżistu bejniethom.

D –    Fuq it-tielet domanda preliminari: setgħa tal-qorti nazzjonali li tissostitwixxi jew tibdel klawżola kklassifikata bħala abbużiva

92.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti adita mill-appell, wara li kkonkludiet dwar in-natura abbużiva tal-klawżola kuntrattwali dwar il-kalkolu tal-pagamenti bl-applikazzjoni tad-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-prezz tal-bejgħ tal-munita ta’ referenza barranija, iddeċidiet, abbażi tal-Artikolu 237(2) tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż (31), li kien hemm lok li jiġi mmodifikat il-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi imponiet il-kalkolu tal-pagamenti tar-rimbors tas-self abbażi tal-prezz tax-xiri applikat mill-bank.

93.      Il-bidla proposta mill-qorti tal-appell tqajjem il-kwistjoni dwar jekk din tmurx kontra s-soluzzjoni applikata fis-sentenza Banco Español de Credito, iċċitata iktar ’il fuq.

94.      Infakkar li f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet b’mod partikolari waslet sabiex tiddeċiedi dwar il-punt jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li tippermetti lil qorti nazzjonali meta tikkonstata n-nullità ta’ klawżola abbużiva f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li tikkompleta l-imsemmi kuntratt billi tirrivedi l-kontenut ta’ din il-klawżola.

95.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fl-affermattiv billi bbażat ruħha fuq il-kliem tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, u b’mod iktar wiesa’ fuq l-għan u l-istruttura tad-Direttiva 93/13. F’dan il-kuntest, hija enfasizzat b’mod partikolari li l-fakultà li jiġi rivedut il-kontenut tal-klawżoli abbużivi tista’ twassal għal preġudizzju fit-twettiq tal-għan għal perijodu twil imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13. Tali fakultà tikkontribwixxi sabiex telimina l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew il-fornituri bis-sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-konsumatur ta’ tali klawżoli abbużivi, sa fejn dawn jibqgħu bl-intenzjoni li jużaw l-imsemmija klawżoli, minkejja li jafu li, anki jekk dawn huma invalidi, il-kuntratt xorta jista’ jiġi kkompletat, sa fejn neċessarju, mill-qorti nazzjonali b’tali mod li b’hekk jiġi żgurat l-interess tal-imsemmija bejjiegħa jew fornituri. B’dan il-mod, tali fakultà, kieku kellha tiġi rrikonoxxuta fil-qorti nazzjonali, ma tkunx f’pożizzjoni li tiżgura, hi stess, protezzjoni daqstant effettiva tal-konsumatur bħal dik li tirriżulta min-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-klawżoli abbużivi (32).

96.      F’dan ir-rigward, jidher importanti li jiġi enfasizzat li d-direzzjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja kienet intiża sabiex terġa’ tistabbilixxi ekwilibriju kuntrattwali bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet f’każ fejn il-kuntratt ikkontestat seta’, fil-prinċipju, jissussisti “mingħajr l-ebda modifika oħra ħlief dik li tirriżulta mit-tħassir tal-klawżoli inġusti, sa fejn, skont ir-regoli tad-dritt intern, tali tkomplija tal-kuntratt tkun legalment possibbliˮ (punt 65 tas-sentenza).

97.      Barra minn hekk, l-interdizzjoni lill-qorti li tirrivedi l-kontenut ta’ klawżola li hija kklassifikata bħala abbużiva, minflok li sempliċement tiġi skartata l-applikazzjoni tagħha, tapplika għall-każ fejn it-tneħħija tal-klawżola kkontestata, li hija ta’ natura aċċessorja fl-istruttura tal-kuntratt, ma tikkompromettix l-eżistenza tal-imsemmi kuntratt u ma toħloqx preġudizzju għall-konsumatur.

98.      Din l-ipoteżi tiddistingwi ruħha minn dik imsemmija fil-kawża prinċipali, li fiha t-tneħħija tal-klawżola kuntrattwali li ġiet ikklassifikata bħala abbużiva timplika impossibbiltà li jiġi eżegwit il-kuntratt, li, b’mod definittiv, twassal għal konsegwenzi partikolarment dannużi għall-konsumatur. Fil-fatt, it-tneħħija tal-klawżoli dwar ir-rata ta’ kambju applikabbli tirrendi l-kuntratt ta’ kreditu mhux eżegwibbli. Barra minn hekk, il-konsumatur ikollu, probabbilment, jirrimborsa immedjatament l-ammont tas-self li jkun għadu dovut lill-bank. Fil-prinċipju, peress li l-konsumatur ma jkollux il-kapaċità li jħallas immedjatament jista’ jkun f’pożizzjoni fejn tista’ tintalab il-likwidazzjoni tal-ipoteki immobbiljari.

99.      Barra minn hekk, l-estensjoni tad-direzzjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja li tinkludi l-possibbiltà, mill-qorti nazzjonali, li tissostitwixxi l-klawżola abbużiva invalida b’dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura supplimentari, ma jidhirlix, hawnhekk, li hija mitluba u lanqas opportuna.

100. Jien tal-fehma li bħala regola, ma għandu jkun hemm xejn li jipprekludi lill-qorti nazzjonali, bl-applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt kuntrattwali, li telimina n-natura abbużiva ta’ klawżola billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari. Fil-fatt, is-sostituzzjoni b’tali dispożizzjoni, li fiha nnifisha ma fihiex klawżoli abbużivi (33), tippermetti li jintlaħaq ir-riżultat li kuntratt jista’ jissussisti minkejja t-tneħħija tal-klawżola kkontestata u jkompli jkun vinkolanti għall-partijiet, jidhirli li taqa’ fl-għanijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

101. L-għan segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qafas tad-Direttiva 93/13 jikkonsisti fl-istabbiliment mill-ġdid tal-ekwilibriju, filwaqt li tinżamm, fil-prinċipju, il-validità ta’ kuntratt, u mhux fl-annullament tal-kuntratti kollha li fihom klawżoli abbużivi (34).

102. Minn naħa l-oħra, jekk tali sostituzzjoni ma kinitx permessa u l-qorti kienet obbligata tannulla l-kuntratt, in-natura dissważiva tas-sanzjoni ta’ nullità jkollha r-riskju li tkun kompromessa. Fil-fatt, tali annullament normalment ikollu bħala konsegwenza li l-ammont tas-self kollu li jibqa’ dovut ikun eżegwibbli, fatt li jista’ jeċċedi l-kapaċitajiet finanzjarji tal-konsumatur u, minħabba f’hekk, jippenalizza iktar lilu milli lil min isellef li, fid-dawl ta’ din il-konsegwenza, jista’ ma jkunx inċentivat li jevita li klawżoli simili jiġu inseriti fil-kuntratti tiegħu.

103. F’dawn iċ-ċirkustanzi, “validazzjoniˮ ta’ kuntratt permezz ta’ sostituzzjoni b’dispożizzjoni ta’ natura supplimentari, jekk huwa possibbli permezz tad-dritt nazzjonali applikabbli, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali, tidher meħtieġa sabiex terġa’ tistabbilixxi ekwilibriju reali bejn il-partijiet u b’hekk tiżgura l-protezzjoni tal-konsumatur kontra l-klawżoli abbużivi, l-għan prinċipali tad-Direttiva 93/13, filwaqt li tippreżerva l-effett utli tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni stabbilit minn din id-Direttiva.

104. Filwaqt li jiena konxju li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx adita b’mod dirett u preċiż minn din id-domanda, li għalhekk ma ġietx diskussa mill-partijiet (35), jidhirli li huwa importanti li jiġi enfasizzat li dan il-poter ta’ sostituzzjoni ma għandux ikun limitat: l-intervent tal-qorti għandu, sa fejn possibbli, ikun intiż biss sabiex jerġa’ jistabbilixxi ċerta ugwaljanza bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi ma’ dawk li magħhom jiffirmaw kuntratt (36).

105. Hija ma għandhiex twassal sabiex toħloq bidliet fl-ekwilibriju kuntrattwali permezz ta’ intervent mill-awtorità statali wara l-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-fatt huwa magħruf sew li l-kuntratt jibqa’, bħala regola, irregolat mil-liġi fis-seħħ fil-jum meta jiġi ffirmat u li kull intervent minn terzi persuni, inkluż tal-Istat fil-funzjoni leġiżlattiva tiegħu, għandu jiġi ttrattat bi prudenza, peress li dan jista’ potenzjalment ikun ta’ natura li jikkomprometti l-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni ħielsa li tikkostitwixxi l-korollarju tagħha (37).

106. Huwa propost li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li filwaqt li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/12, il-qorti nazzjonali ma tistax tirrimedja n-nuqqas ta’ validità, fir-rigward tal-konsumatur, ta’ klawżola kuntrattwali abbużiva użata, xejn ma jipprekludi lill-qorti nazzjonali milli tapplika dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari li tista’ tissostitwixxi l-klawżola kuntrattwali li ma għandhiex validità, inkwantu, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, il-kuntratt jista’ jissussisti fid-dritt wara t-tneħħija tal-klawżola abbużiva.

IV – Konklużjoni

107. Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari mressqa mill-Kúria kif ġej:

1)      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li f’każ ta’ self f’munita barranija, li fir-realtà ngħata f’munita nazzjonali u li għandu jitħallas lura mill-konsumatur esklużivament f’munita nazzjonali, il-klawżola kuntrattwali li tistabbilixxi r-rati tal-kambju, li ma kinitx innegozjata b’mod individwali, tista’ titqies li taqa’ fis-suġġett prinċipali tal-kuntratt meta minn dan jirriżulta b’mod ċar li din il-klawżola tikkostitwixxi parametru essenzjali tiegħu. Min-naħa l-oħra, id-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ u l-prezz tax-xiri tal-munita ma għandhiex titqies li hija remunerazzjoni li l-adegwatezza tagħha mas-servizz ma għandhiex tiġi eżaminata għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva tagħha.

2)      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti adita li għandha teżamina n-natura abbużiva tal-klawżoli kuntrattwali msemmija sakemm dawn ma humiex redatti b’mod ċar u li jinftiehem, abbażi ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali applikabbli fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni. L-eżami dwar in-natura ċara u komprensibbli tal-klawżoli kuntrattwali għandu jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, u b’mod partikolari l-informazzjoni li tkun ingħatat lill-konsumatur waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, u għandha taffettwa, minbarra l-aspett strettament formali u lingwistiku, l-evalwazzjoni eżatta tal-konsegwenzi ekonomiċi tal-imsemmija klawżoli u r-rabtiet li jistgħu jeżistu bejniethom.

3)      Filwaqt li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/12, il-qorti nazzjonali ma tistax tirrimedja n-nuqqas ta’ validità, fir-rigward tal-konsumatur, ta’ klawżola kuntrattwali abbużiva użata, xejn ma jipprekludi lill-qorti nazzjonali milli tapplika dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari li tista’ tissostitwixxi l-klawżola kuntrattwali li ma għandhiex validità, inkwantu, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, il-kuntratt jista’ jissussisti fid-dritt wara t-tneħħija tal-klawżola abbużiva.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Il-qorti tar-rinviju għalhekk uriet li t-teħid ta’ self mill-familji Ungeriżi mingħand stabbilimenti ta’ kreditu jirrappreżenta 32.56 % tal-prodott gross domestiku, skont l-istatistika relatata mat-tieni nofs tas-sena 2012 ipprovduta mill-Magyar Nemzeti Bank (Bank Nazzjonali Ungeriż), filwaqt li s-self mogħti f’munita barranija, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirrappreżenta 18.54 % tal-prodott gross domestiku, jiġifieri 5,289 biljun forint Ungeriż (HUF). Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ self fi frank Svizzeru, dan kien ġie propost fuq skala kbira mhux biss fl-Ungerija, iżda wkoll f’pajjiżi oħra, b’mod partikolari fil-Polonja u fil-Kroazja.


3 – Għandu jiġi nnotat li nfetħu numru ta’ kawżi fuq livell nazzjonali sabiex jiġi kkonstatat li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kuntratti ta’ kreditu li fihom riskju ta’ kambju setgħet eventwalment tiġi kklassifikata bħala prattika kummerċjali żleali u qarrieqa, peress li, minħabba nuqqas minn naħa tal-istabbilimenti bankarji mid-dmir tagħhom li jinfurmaw, jagħtu parir u javżaw lill-klijenti tagħhom, ir-riskji involuti ma kinux mifhuma min-numru ta’ konsumaturi. B’mod iktar fundamentali, xi Stati Membri kkunsidraw li kien jaqbel li jirregolaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ self lill-individwi f’munita barranija u li għandhom riskju ta’ kambju.


4 – Direttiva tal-Kunsill tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


5 –      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10).


6 – Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 1992 dwar l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-klawżoli abbużivi fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi (Dok. 8406/1/92, ĠU 1992, C 283, p. 1, Nru 2).


7 – Proposta tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Settembru 1990 tad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-klawżoli abbużivi fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi [COM(90) 322 finali]. Għal sinteżi tal-istorja tad-Direttiva 93/13 u tal-kummentarji duttrinali dwar iż-żieda tal-Artikolu 4(2), għandu jsir riferiment għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, C‑484/08, Ġabra p. I‑4785 (b’mod partikolari l-punti 61 sa 66).


8 – F’dan is-sens, l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, (C‑144/99, Ġabra p. I‑3541) kien enfasizza li “l-esklużjoni tal-klawżoli li għandhom bħala suġġett obbligi essenzjali mir-regoli tal-kundizzjonijiet ġenerali tikkostitwixxi limitazzjoni sinjifikattiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. Huwa biżżejjed li jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-kuntratti kollha, bħal kuntratti ta’ assigurazzjoni, li faċilment jistgħu jkunu suġġetti għal redazzjoni ambigwa, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-għan essenzjali tagħhom, jiġifieri, f’dan l-eżempju, id-definizzjoni tar-riskju assiguratˮ.


9 – Ara, f’dan ir-rigward, ir-rapport tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2000 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 [COM(2000) 248 finali – mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali]. Dan ir-rapport jenfasizza li, jekk numru kbir ta’ Stati Membri ma ttrasponewx din il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni, dan sar mingħajr problemi prattiċi ta’ implementazzjoni. Skont ir-rapport “il-qrati ta’ dawn l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jirrevedu l-prezz, jew li jibdlu s-suġġett tal-kuntratti b’mod goff jew indiskriminat, kif kienet il-biża’ ta’ proponenti ta’ ċerti duttrini u ta’ ċerti gruppi professjonali. Fil-fatt, fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet, la l-prezz bħala tali, li jirriżulta mill-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, u lanqas il-klawżoli li b’mod ċar u li jinftiehem jirrigwardaw is-suġġett tal-kuntratt, ma huma ta’ natura li joħolqu problemi li jkollhom jiġu solvuti bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-klawżoli abbużivi. Madankollu, l-esklużjoni tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva tqajjem dubji ta’ interpretazzjoni li huma ta’ preġudizzju għall-applikazzjoni tajba tat-testˮ. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


10 ­­– Sentenza Caja de Ahorros y Monte de Piedad, iċċitata iktar ’il fuq (punti 42 sa 44).


11 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-Kawża C‑484/08, iċċitata iktar ’il fuq (punt 68).


12 – Ara s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punt 34.


13 – Ara, dwar ir-rwol mogħti lill-qorti nazzjonali, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, Ġabra p. I‑10847, punt 49).


14 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ April 2004, Freiburger Kommunalbauten (C‑237/02, Ġabra p. I‑3403, punt 22).


15 – Ara, b’mod partikolari, Office of Fair Trading v. Abbey National [2009] UKSC 6.


16 – Għal espożizzjoni iktar iddettaljata tal-interpretazzjonijiet differenti mill-Istati Membri, għandu jsir riferiment b’mod partikolari għall-Issues paper tal-Law Commission/Scottish Law Commission tal-25 ta’ Lulju 2012 (Unfair Terms in Consumer contracts, a new approach?), b’mod partikolari l-punti 7.55 sa 7.66 disponibbli fuq is-sit: http://lawcommission.justice.gov.uk/areas/unfair_terms_in_contracts.htm/. Għandu jsir riferiment ukoll għall-kontribuzzjoni ta’ M. Schillig, “Directive 93/13 and the ‘price term exemption’: a comparative analysis in the light of the ‘market for lemons’ rationaleˮ, ICLQ (2011), Vol. 60(4), p. 933 sa 63.


17 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66, u – rettifiki – ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, u ĠU 2011, L 234, p. 46), li fl-Artikolu 3(c) tagħha, tiddefinixxi ftehim ta’ kreditu bħala “ftehim li bih kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ ħlas differit, self jew akkomodazzjoni finanzjarja simili oħra; ħlief għal ftehim għall-forniment fuq bażi kontinwa ta’ servizzi jew il-forniment ta’ merkanzija ta’ l-istess xorta, fejn il-konsumatur iħallas għal tali servizzi jew merkanzija għat-tul ta’ żmien tal-provvista tagħhom permezz ta’ pagamenti bin-nifsˮ.


18 – F’dan is-sens, fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič (C‑453/10), l-Avukat Ġenerali Trstenjak indika: “[d]war il-klassifikazzjoni taħt wieħed mis-suġġetti msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, nixtieq nenfasizza li l-indikazzjoni tar-RAEG ġiet ikkunsidrata mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala importanti għaliex tikkonċerna fl-aħħar mill-aħħar is-suġġett prinċipali tal-kuntratt ta’ kreditu. Fil-fatt, hija tipprovdi l-elementi dwar l-ispejjeż li dak li jissellef għandu jirrimborsa lil min jipprovdi l-kreditu sabiex jikseb dak il-kreditu. Għalhekk, fis-sistema tad-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet, ir-RAEG hija korrispettiv għall-prestazzjoni prinċipali tal-għoti tal-kreditu. Minn dan isegwi li klawżola li fiha indikazzjonijiet żbaljati dwar l-ispejjeż, pereżempju għaliex ir-RAEG tkun ġiet ikkalkolata ħażin, tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ fuq il-mertu taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, sa fejn hija ma tkunx redatta b’mod ċar u li tinftiehemˮ (punt 117).


19 – F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju semmiet, fil-kuntest tat-tielet domanda, li l-validità u l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ self ikkontestat huma kompromessi fil-każ li titneħħa l-klawżola kkontestata.


20 – Sentenza tas-26 ta’ April 2012 (C‑472/10).


21 – F’dan ir-rigward, l-Artikolu 231(2) tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż jipprovdi b’mod partikolari li “debitu espress f’munita oħra [minn dik li hija l-munita legali fil-lok tal-eżekuzzjoni] għandu jiġi kkonvertit abbażi tal-munita awtentika fil-lok u fil-mument tal-pagamentˮ.


22 – Rapport tas-27 ta’ April 2000, iċċitat iktar ’il fuq (paġni 15 u 16).


23 – In-natura limitata ferm ta’ din l-ipoteżi ta’ esklużjoni setgħet b’hekk tiġi enfasizzata minn M. Schillig fl-artikolu tiegħu ċċitat iktar ’il fuq (p. 947). L-awtur enfasizza li r-rapport kwalità/prezz ma huwa qatt suġġett għall-istħarriġ, peress li ma hemm l-ebda standard legali li jista’ jipprovdi linji gwida għal tali stħarriġ.


24 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, Ġabra p. I‑4135, punt 8, u tas-7 ta’ Diċembru 1995, Spano et (C‑472/93, Ġabra p. I‑4321, punt 17).


25 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, Ġabra p. I‑4941, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (punt 39).


27 – Huwa barra minn hekk f’dan is-sens li għandu ċertament jinftiehem ir-riferiment għal żewġ termini (“ċarezzaˮ u “komprensibbiltàˮ). Iċ-“ċarezzaˮ tidher intiża prinċiparjament għall-aspett redazzjonali tal-klawżola. Il-“komprensibbiltàˮ tal-klawżola hija intiża, min-naħa tagħha, fir-rigward tal-portata eżatta tat-termini użati.


28 – Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013 (C‑92/11).


29 – Ir-rata ta’ kambju unika regolarment ikkomunikata mill-medja ekonomika jew ġenerali hija l-medja ta’ żewġ rati ta’ kambju.


30 – Mingħajr ħsara għad-deċiżjoni li tingħata b’mod definittiv mill-qorti nazzjonali, jidher li ma kien hemm xejn fil-kuntratt li seta’ juri f’hiex kienet tikkonsisti d-differenza eżatta bejn il-prezz tax-xiri u l-prezz tal-bejgħ tal-munita barranija.


31 – Skont din id-dispożizzjoni “[j]ekk ma jkunx possibbli li tipprevali s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, il-qorti tista’ tiddikjara l-kuntratt applikabbli sa meta tkun tat id-deċiżjoni. Huwa possibbli li kuntratt li kien mingħajr validità jiġi ddikjarat validu jekk ikun possibbli li tintemm il-kawża tal-invalidità, b’mod partikolari f’każ ta’ sproporzjon tas-servizzi tal-partijiet f’kuntratt ta’ użura permezz tat-tneħħija tal-vantaġġ sproporzjonat. F’każ bħal dan, għandha tiġi ordnata r-restituzzjoni tas-servizz li jkun għadu dovut, jekk ikun il-każ, mingħajr korrispettiv”.


32 – Ara s-sentenza Banco Español de Credito, iċċitata iktar ’il fuq (punti 69 u 70).


33 – Ara t-tlettax-il premessa tad-Direttiva 93/13, li “id-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’ l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġustiˮ.


34 – Sentenza Pereničová u Perenič, iċċitata iktar ’il fuq (punt 31).


35 – Il-konvenuta fl-osservazzjonijiet tagħha xorta indikat li l-kwistjoni tal-eventwali applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni ta’ natura supplimentari hija waħda ipotetika, peress li, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kinitx teżisti tali leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, hija indikat li meta d-dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ natura supplimentari tiġi ddikjarata applikabbli, il-qorti tkun qed tillimita b’mod kunsiderevoli l-libertà kuntrattwali.


36 – Ara s-sentenza Banco Español de Crédito, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37 – Minkejja li d-digriet tar-rinviju ma jsemmix b’mod espress id-dispożizzjonijiet supplimentari inkwistjoni, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Ungeriż jirriżulta li, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet supplimentari li għalihom il-qorti tar-rinviju tidher li qed tagħmel riferiment, huma magħmula mill-Artikolu 200/A tal-Liġi Nru CXII tal-1996, dwar l-istabbilimenti ta’ kreditu u l-impriżi finanzjarji, moqri flimkien mal-Artikolu 234/A tagħha. Bl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, applikabbli għall-kuntratti kollha eżistenti fis-27 ta’ Novembru 2010, il-prezzijiet applikati sa dakinhar għal kuntratti ta’ self f’munita barranija ser jiġu ssostitwiti bil-prezz uffiċjali ffissat mill-Magyar Nemzeti Bank jew bil-prezz medju tal-munita ffissata mill-bank.