Language of document : ECLI:EU:F:2012:90

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

20 ta’ Ġunju 2012

Kawża F‑83/11

Alma Yael Cristina

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni għal nuqqas ta’ ammissjoni għall-parteċipazzjoni għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni — Rimedji ġudizzjarji — Azzjoni ġudizzjarja ppreżentata mingħajr ma stenniet id-deċiżjoni fuq l-ilment amministrattiv — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet speċifiċi għal ammissjoni għall-kompetizzjoni — Esperjenza professjonali mqabbla man-natura tal-funzjonijiet”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih A. Y. Cristina titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/112/10 tas-17 ta’ Mejju 2011 li ma tiġix ammessa tipparteċipa għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tikkumpensa d-dannu li hija subiet minħabba din id-deċiżjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Natura fakultattiva — Introduzzjoni — Konsegwenzi — Preservazzjoni tad-dritt li tressaq kawża direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Diplomi ppreżentati jew esperjenza professjonali ċċertifikata — Evalwazzjoni mill-Bord — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, it-tieni u l-ħames paragrafi tal-Artikolu 2)

1.      Meta kandidat eliminat jikkontesta deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, ma huwiex neċessarju li huwa jressaq ilment minn qabel kontra d-deċiżjoni li huwa jikkontesta. Meta kandidat jindirizza madankollu, lill-Awtorità tal-Ħatra, tali approċċ, ikun xi jkun is-sinjifikat legali tiegħu, ma jistax jipprekludi lill-kandidat mid-dritt tiegħu li jressaq direttament kawża quddiem il-qorti u l-ammissibbiltà ta’ tali rikors quddiem il-qorti ma tistax tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li qabel għandha tintemm il-proċedura prekontenzjuża stabbilita mill-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li tali kundizzjoni tapplika biss għar-rikorsi li għalihom ilment amministrattiv huwa obbligatorju.

F’dan ir-rigward, l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali ma tistax tiġġustifika l-applikazzjoni, fil-konfront tat-tressiq dirett ta’ kawża quddiem il-qorti, ta’ kundizzjoni ta’ ammissibbiltà li ma hijiex meħtieġa fil-każ ta’ tali applikazzjoni, bil-konsegwenza li jiġi limitat id-dritt, li għandhom il-kandidati eliminati, li jressqu direttament kawża quddiem il-qorti kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla. Għal dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-aħjar mod sabiex jiġi osservat dan il-prinċipju huwa dak li l-qorti titratta r-rikors dirett quddiemha, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-inċertezzi ta’ lment li ma tressaqx quddiemha.

(ara l-punti 37, 39, 41, 49 u 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 30 ta’ Novembru 1978, Salerno et vs Il-Kummissjoni, 4/78, 19/78 u 28/78, punt 10

Il-Qorti tal-Prim’ Istanza: 20 ta’ Ġunju 1990, Burban vs Il-Parlament, T‑133/89, punt 17

2.      Il-Bord tal-Għażla għandu r-responsabbiltà li jevalwa, każ b’każ, jekk l-esperjenza professjonali ddikjarata minn kull kandidat tikkorrispondix għal-livell meħtieġ mill-avviż ta’ kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Bord għandu setgħa diskrezzjonali, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jirrigwardaw il-proċeduri tal-kompetizzjoni, għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni kemm tan-natura u tat-tul tal-esperjenzi professjonali preċedenti tal-kandidati kif ukoll tar-rilevanza li dawn jista’ jkollhom għar-rekwiżiti tal-pożizzjoni li għandha timtela. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha ta’ legalità, il-qorti tal-Unjoni għandha tillimita ruħha li tivverifika jekk l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa kienx ivvizzjat minn żball manifest.

F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Għażla, sabiex jivverifika jekk il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni humiex issodisfatti, jista’ jieħu inkunsiderazzjoni biss informazzjoni pprovduta mill-kandidati fl-att tal-kandidatura tagħhom u dokumenti ta’ sostenn li huma meħtieġa li jipproduċu insostenn tiegħu u ma għandu ebda obbligu li jistieden il-kandidati li jipprovdu dokumenti addizzjonali jew li jagħmel huwa stess riċerki sabiex jivverifika jekk il-persuna kkonċernata tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Mid-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li dawn joffru sempliċi possibbiltà lill-Bord tal-Għażla li jitlob informazzjoni addizzjonali mingħand il-kandidati, meta dan ikollu dubju dwar il-portata ta’ dokument sottomess. F’dan ir-rigward, ma jistax ikun hemm kwistjoni li jiġi ttrasformat f’obbligu dak li l-leġiżlatur ried bħala sempliċi possibbiltà għall-Bord tal-Għażla.

(ara l-punti 66 sa 68, 80 u 81)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’ Istanza: 21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il-Kummissjoni, T‑214/99, punti 77 u 78; 25 ta’ Marzu 2004, Petrich vs Il-Kummissjoni, T‑145/02, punt 37

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ Novembru 2008, Iordanova vs Il-Kummissjoni, F‑53/07, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata; 1 ta’ Lulju 2010, Časta vs Il-Kummissjoni, F‑40/09, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata