Language of document : ECLI:EU:C:2014:97

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

27 ta’ Frar 2014 (*)

“Koordinazzjoni tas-sistema ta’ sigurtà soċjali — Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni — Deċiżjoni tal-Kunsill — Għażla tal-bażi legali — Artikolu 48 TFUE — Artikolu 79(2)(b) TFUE”

Fil-Kawża C‑656/11,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2011,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn C. Murrell, sussegwentement minn M. Holt, bħala aġenti, assistiti minn A. Dashwood, QC,

rikorrent,

sostnut minn:

L-Irlanda, irrappreżentata minn E. Creedon u L. Williams kif ukoll minn J. Stanley, bħala aġenti, assistiti minn N. J. Travers, BL, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn G. Marhic u M. Veiga, sussegwentement minn A. De Elera, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u N. Rouam, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn V. Kreuschitz, sussegwentement minn S. Pardo Quintillán u J. Enegren, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2013,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors tiegħu, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/863/UE, tas-16 ta’ Diċembru 2011, dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Anness II ta’ ma’ dak il-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali (ĠU L 341, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestataˮ).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        L-Artikolu 48 TFUE, li jagħmel parti mid-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu li jinsabu fit-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE huwa fformulat kif ġej:

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja għandhom jadottaw dawk il-miżuri fil-qasam ta’ sigurtà soċjali li jkunu meħtieġa sabiex jipprovdu l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema; għal dan l-għan, għandhom jagħmlu arranġamenti sabiex jassiguraw il-ħaddiema migranti impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u d-dipendenti tagħhom:

a)      l-aggregazzjoni, għall-fini li wieħed jakkwista jew iżomm id-dritt għall-benefiċċju u fil-kalkolu ta’ l-ammont tal-benefiċċju, tal-perijodi kollha li hu meħud kont tagħhom skond il-liġijiet nazzjonali differenti;

b)      il-pagament tal-benefiċċju lil persuni residenti fit-territorji ta’ l-Istati Membri.

[...]ˮ

3        L-Artikolu 79 TFUE, li jagħmel parti mid-dispożizzjonijiet dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li jinsabu fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE jipprovdi:

“1.      L-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni ta’ immigrazzjoni maħsuba sabiex tassigura, fl-istadji kollha, l-amministrazzjoni effikaċi tal-flussi tal-migrazzjoni, it-trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istati Membri, kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġlieda b’ saħħa kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin.

2.      Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri fl-oqsma li ġejjin:

[...]

b)      id-definizzjoni tad-drittijiet ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti legalment fi Stat Membru inklużi l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi Stati Membri oħra;

[...]ˮ

4        L-Artikoli 1 u 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattati UE u FUE jipprovdu li dawn l-Istati Membri ma għandhomx jieħdu parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skont it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat FUE, sakemm ma jurux ir-rieda tagħhom li jagħmlu dan fi żmien tliet xhur mill-preżentazzjoni ta’ proposta jew inizjattiva.

5        Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 21):

“B’konsegwenza ta’ l-Artikolu 1 u suġġett għall-Artikoli 3, 4 u 6, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea li tinterpreta xi dispożizzjoni jew miżuri bħal dawn m’għandhom ikunu jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda jew japplikaw għalihom [...]ˮ

 Il-Ftehim KE-Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni

6        Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuniˮ) ġie ffirmat fil-21 ta’ Ġunju 1999 u approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni 2002/309/KE, Eurotom, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89).

7        Skont il-preambolu tal-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, il-partijiet kontraenti ddeċidew li jistabbilixxu dan il-moviment liberu bejniethom billi jibbażaw ruħhom fuq id-dispożizzjonijiet applikati fil-Komunità.

8        L-Artikolu 8 tal-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, intitolat “Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà socjaliˮ, jipprovdi li l-partijiet kontraenti għandhom jirregolaw, skont l-Anness II ta’ dan il-Ftehim (iktar ’il quddiem l-“Anness II dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjaliˮ), tali koordinazzjoni bl-għan li jiżguraw, b’mod partikolari, l-ugwaljanza fit-trattament, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, l-aggregazzjoni, għall-fini li wieħed jakkwista jew iżomm id-dritt għall-benefiċċju u fil-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju, tal-perijodi kollha li huma meqjusa skont il-liġijiet nazzjonali differenti, il-ħlas ta’ benefiċċji lil persuni residenti fit-territorju tal-partijiet kontraenti kif ukoll l-assistenza u l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet.

9        Skont l-Artikolu 1 tal-Anness II dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali:

“1.      Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-kuntest tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti Komunitarji li għalihom isir riferiment, kif inhuma fis-seħħ fid-data tal-firma tal-ftehim [KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni] u kif emendati bit-Taqsima A tal-anness preżenti jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti.

2.      It-terminu ‘Stat Membru’ jew ‘Stati Membri’ msemmi fl-atti li jsir riferiment għalihom fit-Taqsima A ta’ dan l-anness għandu jitqies li jirreferi, minbarra għall-Istati koperti mill-atti Komunitarji inkwistjoni, għall-Isvizzera.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      It-Taqsima A tal-Anness II dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, intitolata “Atti li jsir riferiment għalihomˮ, issemmi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35) u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), kif ukoll diversi regolamenti li emendaw lil dawn iż-żewġ regolamenti.

 Ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009

11      Skont l-Artikolu 90(1) tiegħu, ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72) iħassar, mid-data tal-applikazzjoni tiegħu, ir-Regolament Nru 1408/71. Din id-dispożizzjoni tipprovdi, madankollu, li dan ir-regolament tal-aħħar għandu jibqa’ fis-seħħ u jkompli jkollu effett legali għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni sakemm dan ma jkunx emendat skont ir-Regolament Nru 883/2004.

12      Il-premessa 3 ta’ dan ir-regolament tipprovdi li:

“Ir-[Regolament Nru 1408/71] kien emendat u aġġornat diversi drabi sabiex jirrifletti mhux biss żviluppi fuq livell Komunitarju, inklużi deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll bidliet fil-leġislazzjoni fuq livell nazzjonali. Dawn il-fatturi ikkontribwixxew biex jagħmlu r-regoli Komunitarji dwar il-kordinazzjoni komplikati u li jieħdu ż-żmien. Għaldaqstant, sabiex jintlaħaq l-għan tal-moviment liberu tal-persuni, huwa essenzali li dawn ir-regoli jinbidlu billi jkunu immodernizzati u simplifikati.ˮ

13      L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Persuni koperti”, jipprovdi li:

“Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”

14      Skont l-Artikolu 96(1) tiegħu, ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, p. 1) iħassar, mill-1 ta’ Mejju 2010, ir-Regolament Nru 574/72. Madankollu, dan tal-aħħar għandu jibqa’ fis-seħħ u jkompli jkollu effett legali għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, sakemm dan ma jkunx emendat skont ir-Regolament Nru 987/2009.

15      Il-premessa 1 ta’ dan ir-regolament tipprovdi li:

“Ir-[Regolament Nru 883/2004] jimmodernizza r-regoli tal-koordinazzjoni tal-iskemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri waqt li jispeċifika l-miżuri u l-proċeduri għall-implimentazzjoni u s-simplifikazzjoni tagħhom għall-partijiet kollha kkonċernati. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli ta’ implimentazzjoni.ˮ

 Id-deċiżjoni kkontestata

16      Fit-28 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-ewwel proposta tagħha għad-deċiżjoni tal-Kunsill li temenda l-Anness II dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali. Wara din il-proposta, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Nru 2011/505/UE, tas-6 ta’ Diċembru 2011, dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit taħt il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Anness II ta’ dak il-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali (ĠU 2011, L 209, p. 1). Din id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 79(2)(b) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

17      Ir-Renju Unit indika li minkejja li ma xtaqx jieħu parti fid-deċiżjoni tal-Kunsill huwa xtaq jasal għal ftehim mal-Konfiderazzjoni Svizzera li jeskludi l-persuni ekonomikament inattivi mill-koordinazzjoni tas-sistema ta’ sigurtà soċjali. Peress li l-awtoritajiet Svizzeri sostnew li ma kinux f’pożizzjoni li jaċċettaw din il-proposta kif kienet u lanqas l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, fl-24 ta’ Ottubru 2011 il-Kummissjoni ppreżentat proposta ġdida tad-deċiżjoni tal-Kunsill li għandha bħala bażi legali l-Artikolu 48 TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

18      Il-Kunsill adottat d-deċiżjoni kkontestata fuq din il-bażi filwaqt li kienu biss ir-Renju Unit u l-Irlanda li vvotaw kontriha. Wara l-adozzjoni tagħha, il-Kumitat Konġunt adotta, fil-31 ta’ Marzu 2012, id-deċiżjoni li tissostitwixxi l-Anness II dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali. Din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2012.

19      Il-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li:

“Sabiex jippreżerva applikazzjoni koerenti u korretta tal-atti legali tal-Unjoni u jevita diffikultajiet amministrattivi u possibbilment legali, l-Anness II [dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali] jeħtieġ li jiġi emendat sabiex jintegra l-atti legali l-ġodda tal-Unjoni li bħalissa l-Ftehim [KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni] ma jagħmilx referenza għalihom.ˮ

20      Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ dan il-kumitat li jinsab fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata.

21      Il-premessi 2 u 3 ta’ dan l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt huma fformulati kif ġej:

“2)      L-Anness II ta’ mal-Ftehim [dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali] ħie emendat l-aħħar permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2006 tas- 6 ta’ Lulju 2006 [...] u għandu issa jiġi aġġornat sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-atti legali l-ġodda tal-Unjoni Ewropea li daħħlu fis-seħħ sadanittant, b’mod partikolari r-[Regolament Nru 883/2004] u l-miżuri adottati għall-implimentazzjoni ta’' dak ir-Regolament.

3)      Ir-[Regolament Nru 883/2004] issostitwixxa r-[Regolament Nru 1408/71].ˮ

22      Skont l-Artikolu 1 ta’ dan l-abbozz tad-deċiżjoni:

“L-Anness II [dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali] qed jiġi sostitwit mill-Anness ta’ ma’ din id-Deċiżjoni.ˮ

23      Dan l-anness tal-aħħar jinkludi l-verżjoni l-ġdida tal-Anness II dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, li fiha r-riferiment għar-Regolament Nru 883/2004, emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU  284, p. 43) u għar-Regolament Nru 987/2009 jissostitwixxi r-riferiment inizjali għar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72 kif ukoll għar-regolamenti li emendawhom.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24      Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

25      Il-Kunsill jitlob li r-rikors jiġi miċħud u li r-Renju Unit jiġi kkundannat għall‑ispejjeż.

26      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Mejju 2012, l-Irlanda ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju Unit, filwaqt li r-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

27      Ir-Renju Unit, sostnut mill-Irlanda, ilmenta mal-Kunsill talli uża l-Artikolu 48 TFUE bħala bażi legali materjali tad-deċiżjoni kkontestata.

28      Fil-fatt, dawn il-partijiet fil-kawża jsostnu li l-Artikolu 48 TFUE, li huwa intiż sabiex jiffaċilita l-moviment liberu fl-Unjoni lill-persuni li huma jew li kienu ekonomikament attivi u lill-familja tagħhom, ma jistax jikkostitwixxi l-bażi legali materjali tad-deċiżjoni kkontestata intiża sabiex tissostitwixxi l-Anness II dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali li wieħed mill-effetti tiegħu huwa li jagħti wkoll liċ-ċittadini Svizzeri, li la huma ekonomikament attivi u lanqas membri tal-familja ta’ persuna attiva, drittijiet li sa dan il-waqt ma kellhomx. Huma jqisu li, għall-adozzjoni ta’ tali att, l-Artikolu 79(2)(b) TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa, peress li din id-dispożizzjoni tagħti l-kompetenza lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex jadottaw miżuri dwar id-“definizzjoni tad-drittijiet ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti legalment fi Stat Membru inklużi l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi Stati Membri oħra.ˮ

29      Billi ma qiesx l-Artikolu 79(2)(b) TFUE bħala l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ċaħħad lir-Renju Unit u lill-Irlanda mid-dritt li dawn l-Istati Membri huma mogħtija mill-Protokoll (Nru 21) li ma jiħdux parti fl-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni u li ma jkunux marbuta biha.

30      Insostenn ta’ dan l-ilment, ir-Renju Unit isostni li l-Artikolu 48 TFUE huwa dispożizzjoni anċillari għall-prinċipju ta’ moviment liberu fl-Unjoni ta’ ħaddiema immigranti impjegati u li jaħdmu għal rashom li huma ċittadini tal-Istati Membri. Il-kompetenza li dan l-artikolu jagħti ma tistax tiġi estiża sabiex jiġu adottati atti favur ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni ekonomikament inattivi.

31      Peress li r-riferiment għal ħaddiema migranti li jaħdmu għal rashom fl-Artikolu 48 TFUE huwa żieda tat-Trattat FUE, ir-Renju Unit iqis, barra minn hekk, li l-awturi ta’ dan it-trattat kienu jsemmu hemmhekk ukoll il-persuni ekonomikament inattivi kieku din kienet ir-rieda tagħhom.

32      Ir-Renju Unit josserva, apparti dan, li sa reċentement ħafna l-Artikolu 79(2)(b) TFUE kkostitwixxa l-bażi legali tal-atti adottati fil-qasam tas-sigurtà soċjali li japplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi skartata fuq il-bażi li d-deċiżjoni kkontestata sempliċement taġġorna l-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, peress li hija s-sustanza ta’ att li tiddetermina jekk dan jistax jiġi adottat fil-kuntest tal-kompetenza mogħtija minn dispożizzjoni partikolari tat-Trattat FUE u mhux ir-relazzjoni tiegħu ma’ atti preċedenti.

33      Lanqas ma tista’ tiġi invokata, skont dan l-Istat Membru, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, imsejħa “AETRˮ (22/70, Ġabra p. 263) u kkodifikata, fil-preżent, fit-Trattat FUE fl-Artikoli 3(2) TFUE u 216(1) TFUE. Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li l-adozzjoni ta’ att intern li jistipula regoli komuni tista’ twassal għat-tkabbir tal-kompetenza sostantiva mogħtija lill-Unjoni bis-saħħa tal-bażi legali inkwistjoni, bi ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni.

34      L-Irlanda tenfasizza li l-Kunsill ma jistax jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 48 TFUE billi jibbaża ruħu fuq il-preżenza, fil-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, ta’ dispożizzjonijiet paragunabbli għall-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE, peress li, minn naħa, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt primarju ma jistax jiġi estiż permezz ta’ atti sekondarji li jikkonkludu ftehim ta’ assoċjazzjoni ma’ pajjiżi terzi u, min-naħa l-oħra, il-bażi legali xierqa tad-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex tiġi ddeterminata b’riferiment għall-ftehim li għall-implementazzjoni tiegħu hija ttieħdet, iżda b’relazzjoni mal-għan jew mal-kontenut tal-miżuri kkonċernati. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-idea li n-nuqqas ta’ adeżjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda ma’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 79(2)(b) TFUE tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet tal-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni.

35      Mistiedna, waqt is-seduta, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Ir‑Renju Unit vs Il-Kunsill (C-431/11), Ir-Renju Unit u l-Irlanda sostnew li l-konklużjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għaliha f’din is-sentenza, ma tistax tapplika għad-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ, peress li din ittieħdet f’kuntest differenti.

36      Fil-fatt, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza kienet tibbaża b’mod partikolari fuq il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ assoċjazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) kif ukoll fuq l-għan tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ʼil quddiem il-“Ftehim ŻEE”) li jitwettaq bl-iktar mod komplut possibbli l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha (ŻEE), b’tali mod li s-suq stabbilit fit-territorju tal-Unjoni jiġi estiż għall-Istati Membri tal-EFTA. Madankollu, minn naħa, ma jeżisti ebda instrument analogu li jorbot lill-Unjoni u lill-Konfederazzjoni Svizzera. Min-naħa l-oħra, il-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni ma jissodisfax dawn il-karatteristiċi u, f’diversi aspetti, jinsab taħt il-Ftehim ŻEE għal dak li jirrigwarda l-ambizzjonijiet, il-liberalizzazzjoni u l-integrazzjoni legali.

37      Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża u mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-analiżi u jsostni li l-Artikolu 48 TFUE huwa l-bażi legali materjali li għandha tintuża għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

38      Huwa jsostni li l-għan tad-deċiżjoni kkontestata huwa li jsir mod li l-acquis tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, emendat bir-Regolament Nru 883/2004 u r-regolament tal-implementazzjoni tiegħu, jiġifieri r-Regolament Nru 987/2009, japplika kemm għaċ-ċittadini Svizzeri li għandhom ir-residenza tagħhom fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni li jirrisjedi fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera. L-impatt tar-Regolament Nru 883/2004 imur ferm lil hinn mill-emendi li saru lill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71, peress li huwa jissostitwixxi, jaġġorna u jissemplifika r-regoli f’dan il-qasam. Id-deċiżjoni kkontestata għandha għalhekk l-għan li taġġorna r-regoli ta’ koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali diġà fis-seħħ bejn il-partijiet kontraenti.

39      Għal dak li jirrigwarda l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill josserva li din tistabbilixxi l-pożizzjoni li l-Unjoni għandha tadotta fi ħdan il-Kumitat Konġunt u essenzjalment tipprovdi għall-integrazzjoni tar-regolamenti msemmija iktar ’il fuq fl-Anness II dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, b’sostituzzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-atti konnessi, li ma japplikawx iktar fl-Unjoni.

40      L-integrazzjoni tal-imsemmija regolament fl-Anness II dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tirriżulta direttament mill-impenji meħuda mill-Unjoni fil-kuntest tal-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni. L-essenza stess ta’ dan il-ftehim hija, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 8 li jirriproduċi l-formulazzjoni tal-Artikolu 48 TFUE, li jimplementa dan il-moviment liberu bejn l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Svizzera bl-istess mod li huwa implementat fi ħdan l-Unjoni. Skont l-istruttura u l-għanijiet ġenerali tiegħu, il-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni għandu jintegra kwalunkwe att leġiżlattiv sekondarju ġdid tal-Unjoni f’dan il-qasam sabiex jiżgura l-uniformità u l-ekwivalenza tad-drittijiet u l-obbligi fil-qasam ta’ applikazzjoni tiegħu.

41      Barra minn hekk, skont il-Kunsill u l-Kummissjoni, minkejja li l-partijiet kontraenti tal-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni impenjaw ruħhom sabiex jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom taħt l-imsemmi ftehim, l-esklużjoni ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ diversi tista’, fil-prattika, tqiegħed fil-perikolu t-twettiq tal-għanijiet tiegħu u tmur kontra l-obbligi tal-Unjoni fil-konfront tal-Konfederazzjoni Svizzera.

42      Għal dak li jirrigwarda l-persuni ekonomikament inattivi, il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni josservaw li l-parti l-kbira minn dawn il-persuni jaqgħu diġà taħt ir-Regolament Nru 1408/71 u li l-kunċett ta’ “ħaddiemˮ f’dan il-qasam dejjem ingħata interpretazzjoni wiesgħa ħafna. Il-kategorija l-ġdida ta’ persuni ekonomikament inattivi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 883/2004 hija limitata ħafna u hija ristretta iktar fil-kuntest tal-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni. L-Artikolu 48 TFUE jista’, għaldaqstant, jikkostitwixxi bażi legali xierqa u suffiċjenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, anki għal dak li jikkonċerna din il-kategorija residwarja ta’ persuni, peress li l-estensjoni tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali liċ-ċittadini Svizzeri ekonomikament inattivi ma tikkostitwixxix il-finalità jew il-komponent prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata.

43      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 79(2)(b) TFUE, il-Kunsill isostni li l-emenda tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali ma tikkostitwixxix miżura li taqa’ taħt l-iżvilupp tal-politika komuni tal-immigrazzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata la hija intiża sabiex tiżgura amministrazzjoni effettiva tal-influss ta’ migrazzjoni, la sabiex tiffaċilita l-kontrolli fil-fruntieri esterni, la sabiex tirregola l-immigrazzjoni fi ħdan l-Unjoni u lanqas sabiex tiżgura trattament ġust taċ-ċittadini Svizzeri.

44      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni ma jikkonċernax biss it-“trattament ġustˮ li għandu jingħata liċ-ċittadini Svizzeri li jkunu legalment residenti fi Stat Membru, iżda tippermetti kemm lil dawn iċ-ċittadini kif ukoll lil dawk tal-Unjoni, meta huma jkunu fit-territorju tal-parti l-oħra, li jibbenefikaw minn drittijiet ekwivalenti għal dawk li jinsabu f’atti tal-Unjoni. Għaldaqstant, dan il-ftehim u d-deċiżjoni kkontestata jiggarantixxu lil dawn iċ-ċittadini kollha l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ moviment liberu mingħajr ma jitilfu d-drittijiet tagħhom għas-sigurtà soċjali u mingħajr ma ssir diskriminazzjoni magħhom.

45      Ir-Repubblika Franċiża żżid tgħid li l-Artikolu 48 TFUE jikkostitwixxi dispożizzjoni iktar speċifika mill-Artikolu 79(2)(b) TFUE għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li għandha l-għan li timplementa mekkaniżmu ta koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali.

46      Matul is-seduta, il-Kunsill u l-Kummissjoni sostnew li l-kriterji ddefiniti fis-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, għad-determinazzjoni tal-bażi legali ta’ att intiż sabiex jemenda ftehim eżistenti japplikaw għad-deċiżjoni kkontestata u jikkonfermaw li l-Artikolu 48 TFUE huwa l-bażi legali x-xierqa.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla ta’ bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att. Jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan l-att għandu għan doppju jew għandu komponent doppju u jekk wieħed minn dawn jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-ieħor huwa biss sekondarju, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew komponent ewlieni jew predominanti (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑338/01, Ġabra p. I‑4829, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑130/10, punti 42 u 43).

48      Il-bażi legali li intużat għall-adozzjoni ta’ atti oħra tal-Unjoni li jista’ jkollhom, f’ċerti każijiet, karatteristiċi simili hija mingħajr rilevanza f’dan ir-rigward peress li d-determinazzjoni tal-bażi legali għandha ssir fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-argument imressaq mir-Renju Unit li jipprovdi li l-Artikolu 79(2)(b) TFUE diġà kkostitwixxa l-bażi legali ta’ atti adottati fil-qasam tas-sigurtà soċjali li japplikaw għal pajjiżi terzi, għandu jiġi miċħud mill-ewwel.

49      Lanqas ma hija affettwata l-legalità tal-għażla tal-bażi legali għal att tal-Unjoni mill-konsegwenza li l-għażla jista’ jkollha fir-rigward tal-applikazzjoni jew le tal-Protokoll (Nru 21) u tal-Protokoll (Nru 22) fuq il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattati UE u FUE.

50      Min-naħa l-oħra, il-kuntest li fih l-att inkwistjoni jinsab jista’ jkun rilevanti għall-għażla tal-bażi legali tiegħu. Għaldaqstant, meta l-imsemmi att ikun intiż sabiex jemenda r-regoli li jinsabu fi ftehim eżistenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll dan il-kuntest u, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

51      F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-għan li tistabblixxi l-pożizzjoni li l-Unjoni għandha tadotta fi ħdan il-Kumitat Konġunt imwaqqaf mill-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni għal dak li jirrigwarda l-emenda tal-Anness II dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, il-kuntest li fih l-imsemmija deċiżjoni tinsab u, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ dan il-ftehim fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

52      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-punti 26 u 27 tas-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2009, Grimme (C‑351/08, Ġabra p. I‑10777), il-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni jagħmel parti mill-kuntest ta’ serje ta’ seba’ ftehimiet settorjali bejn l-istess partijiet kontraenti, iffirmati fil-21 ta’ Ġunju 1999. L-imsemmija ftehimiet ġew iffirmati wara li, fis-6 ta’ Diċembru 1992, il-Konfederazzjoni Svizzera ċaħdet il-Ftehim ŻEE.

53      Għalkemm hija ma għażlitx li tipparteċipa fiż-ŻEE u fis-suq intern tal-Unjoni, il-Konfederazzjoni Svizzera hija, madankollu, marbuta ma’ din tal-aħħar permezz ta’ multitudni ta’ ftehimiet bilaterali li jkopru oqsma wiesgħa u li jipprovdu drittijiet u obbligi speċifiċi, analogi, f’ċerti aspetti, għal dawk provduti mit-Trattat FUE. L-għan ta’ dawn il-ftehimiet, inkluż il-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, huwa li jsaħħaħ ir-rabtiet ekonomiċi bejn l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Svizzera (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011, Graf u Engel, C‑506/10, Ġabra. p. I‑9345, punt 33).

54      Il-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni ġie approvat f’isem il-Komunità, mid-Deċiżjoni 2002/309, fuq il-bażi tal-Artikolu 310 KE (li sar l-Artikolu 217 TFUE) li tagħti kompetenza lill-Komunità sabiex tikkonkludi ma’ diversi Stati Membri jew organizzazzjonijiet internazzjonali ftehimiet li joħolqu assoċjazzjoni kkaratterizzata minn drittijiet u minn obbligi reċiproċi, minn azzjonijiet komuni u minn proċeduri partikolari.

55      Fir-rigward tal-kontenut ta’ dan il-ftehim, għandu jiġi rrilevat li skont il-preambolu tiegħu, il-partijiet kontraenti ddeċidew li jistabbilixxu bejniethom il-moviment liberu tal-persuni billi jibbażaw ruħhom fuq id-dispożizzjonijiet applikati fil-Komunità.

56      Għal dak li jikkonċerna l-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, l-Artikolu 8 tal-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni jipproduċi għalhekk id-dispożizzjonijiet li jinsabu attwalment fl-Artikolu 48(a) u (b) TFUE li huma intiżi sabiex jiżguraw, minn naħa, l-aggregazzjoni, għall-fini li wieħed jakkwista jew iżomm id-dritt għall-benefiċċji u fil-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċji, tal-perijodi kollha meħuda inkunsiderazzjoni mid-diversi liġijiet nazzjonali differenti u, min-naħa l-oħra, il-ħlas tal-benefiċċji lil persuni li jirrisjedu fit-territorji tal-Istati Membri.

57      Mill-Artikoli 1 u 2 kif ukoll mit-Taqsima A tal-Anness II dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, li għalija jirreferi l-Artikolu 8 tal-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, jirriżulta li l-partijiet kontraenti ftehmu sabiex japplikaw bejniethom ir-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72. F’dan ir-rigward, il-kelmiet “Stat Membru jew Stati Membriˮ huma meqjusa li jirreferu wkoll għall-Konfederazzjoni Svizzera.

58      Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fil-punt 31 tas-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Xhymshiti (C‑247/09, Ġabra. p. I‑11845) li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, il-Konfederazzjoni Svizzera għandha titqies bħala Stat Membru tal-Unjoni.

59      Minn dak li ntqal jirriżulta li meta fl-2002 ikkonkludiet il-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, l-Unjoni estendiet għall-Konfederazzjoni Svizzera l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, li dak iż-żmien kienet tinsab fir-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72. Din il-leġiżlazzjoni, estiża b’dan il-mod, hija ta’ benefiċċju kemm għaċ-ċittadini Svizzeri li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni li jinsabu fit-territorju Svizzeru.

60      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita minn din tal-aħħar tikkonsisti, kif jirriżulta kemm mit-titolu, kemm mill-Artikolu 1 kif ukoll mill-Anness I tal-imsemmija deċiżjoni, fis-sostituzzjoni, fl-Anness II dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, tar-riferiment għar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72 u għar-regolamenti li emendawhom permezz ta’ riferiment għar-Regolamenti Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 988/2009 u għar-Regolament Nru 987/2009. F’dan ir-rigward jitfakkar li r-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 ħassru r-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72, filwaqt li madankollu nżammew fis-seħħ għall-finijiet tal-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni sakemm dan ma ġiex emendat skont dawn ir-regolamenti l-ġodda.

61      Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-għan imfittex mid-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li fid-dawl, b’mod partikolari, tal-premessa 3 tar-Regolament Nru 883/2004 u tal-premessa 1 tar-Regolament Nru 987/2009, dawn ir-regolamenti għandhom l-għan li jissostitwixxu r-regoli ta’ koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, emendati u aġġornati diversi drabi, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi li saru fil-livell tal-Unjoni, inklużi s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, u emendi li saru lil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, billi jimmodernizzaw u jissemplifikaw l-imsemmija regoli.

62      Mill-qari flimkien tal-premessa 3 u tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tal-premessi 2 u 3 tal-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt annessa ma’ din tal-aħħar jirriżulta li din hija intiża sabiex taġġorna, minħabba din l-evoluzzjoni, l-Anness II dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali billi tintegra hemmhekk ir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009, sabiex tinżamm applikazzjoni koerenti tal-atti legali tal-Unjoni u sabiex jiġu evitati diffikultajiet amministrattivi, jew anki legali.

63      Minn dan jirriżulta li l-għan prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata huwa, wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-Unjoni fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, li taġġorna wkoll il-leġiżlazzjoni li ġiet estiża għall-Konfederazzjoni Svizzera mill-Ftehim KE‑Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni u li tkompli għalhekk iżżomm l-estensjoni tad-drittijiet soċjali favur ċittadini tal-Istati kkonċernati diġà maħsuba u effettwata mill-imsemmi Ftehim KE‑Svizzera sa mis-sena 2002 (ara, b’analoġija, is-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

64      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-kuntest li fih tinsab id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tal-kontenut u tal-għan tagħha, din id-deċiżjoni setgħet tiġi adottata b’mod validu abbażi tal-Artikolu 48 TFUE.

65      Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-Renju Unit li jipprovdi li l-Artikolu 48 TFUE huwa intiż sabiex jiffaċilita l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Istati Membri fis-suq intern u ma jistax jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att intiż sabiex jiffaċilita l-moviment liberu bejn l-Unjoni u stati terzi. Fil-fatt, kif jirriżulta mis-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, l-Artikolu 48 TFUE jista’ jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħal dik inkwistjoni meta, bħalma huwa l-każ tal-Konfederazzjoni Svizzera, l-istat terz ikun diġà ġie assimilat, permezz ta’ ftehim approvat fuq il-bażi tal-Artikolu 217 TFUE, ma’ Stat Membru tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72 u meta din id-deċiżjoni jkollha bħala għan prinċipali li tirrifletti l-aġġornament ta’ dawn ir-regolamenti li saru permezz tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009.

66      L-imsemmija konstatazzjoni lanqas ma hija kkontestata mill-argument tar-Renju Unit li jipprovdi li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu għall-persuni kollha ekonomikament inattivi, u għaldaqstant għal dawk li għandhom ma jibbenefikawx mid-drittijiet mogħtija mir-Regolament Nru 1408/71. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-estensjoni tar-regoli ta’ koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali għaċ-ċittadini Svizzeri li jirrisjedu fit-territorju tal-Unjoni u li jaqgħu f’din il-kategorija ta’ persuni ekonomikament inattivi li ma kinitx għadha koperta mir-Regolament Nru 1408/71 ma tistax titqies bħala li tikkonsisti l-finalità jew il-komponent prinċipali jew predominanti tad-deċiżjoni kkontestata, iżda għandha, bil-kontra, titqies bħala anċillari għall-aġġornament tal-leġiżlazzjoni kollha integrata fl-Anness II dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali.

67      Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

68      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

69      Skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, l-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż.

3)      L-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.