Language of document : ECLI:EU:C:2014:101

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

27 ta’ Frar 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratt ta’ kreditu għall-konsum — Klawżoli inġusti — Direttiva 93/13/KEE — Eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ — Talba għal intervent f’proċedura ta’ eżekuzzjoni — Assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix tali intervent — Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri”

Fil-Kawża C‑470/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okresný súd Svidník (Is-Slovakkja), permezz tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Awwissu 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

Pohotovosť s.r.o.

vs

Miroslav Vašuta,

fil-preżenza ta’:

Združenie na ochranu občana spotrebiteľa HOOS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Pohotovosť s.r.o., minn J. Fuchs, konateľ spoločnosti,

–        għaz-Združenie na ochranu občana spotrebiteľa HOOS, minn I. Šafranko, avukat,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6, 7 u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), moqrija flimkien mal-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”].

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Pohotovosť s.r.o. (iktar ’il quddiem “Pohotovosť”) u M. Vašuta dwar l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ arbitraġġ li fiha dan tal-aħħar ġie kkundannat għar-rimbors tas-somom ta’ flus marbuta ma’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13/KE jistabbilixxi:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

4        Skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

5        L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2. Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

3      Biex jitqiesu kif imiss il-liġijiet nazzjonali, ir-rimedji legali msemmija fil-paragrafu 2 jisgħu jkunu diretti b’mod separat jew b’mod konġunt kontra numru ta’ bejjiegħa jew fornituri mill-istess settur ekonomiku jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu ta’ l-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli simili.”

6        L-Artikolu 8 tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu, fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, dispożizzjonijiet aktar stretti kompatibbli mat-Trattat, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur.”

 Id-dritt Slovakk

7        L-Artikolu 93 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jistabbilixxi:

“1)      Il-persuna li jkollha interess ġuridiku f’kawża tista’ tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrent jew tal-konvenut, sakemm ma tkunx kawża ta’ divorzju, kawża li tirrigwarda l-validità ta’ żwieġ jew tkun intiża li tiddetermina jekk hemmx żwieġ jew le.

2)      Tista’ tintervjeni wkoll insostenn tat-talbiet tar-rikorrent jew tal-konvenut il-persuna ġuridika li l-attività tagħha jkollha l-għan li tipproteġi d-drittijiet skont dispożizzjoni partikolari.

3)      Din il-persuna tintervjeni fil-proċedura minn jeddha jew fuq talba ta’ parti mibgħuta mill-qorti. Il-qorti tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-intervent biss meta hija hi adita b’talba f’dan is-sens.

4)      Fil-kuntest tal-proċedura, l-intervenjenti għandha l-istess drittijiet u obbligi bħal parti fil-proċedura. Madankollu, hija taġixxi biss għalija nnifisha. Fil-każ li l-atti tagħha jikkontradixxu dawk tal-parti li insostenn tagħha hija intervjeniet, il-qorti għandha tevalwahom wara li tkun eżaminat il-fatti kollha”.

8        L-Artikolu 251(4) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“L-applikazzjoni ta’ deċiżjonijiet u l-proċedura għall-eżekuzzjoni fis-sens tal-leġiżlazzjoni partikolari [...] huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-partijiet preċedenti, ħlief jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni partikolari tipprovdi mod ieħor. Madankollu hija dejjem tiġi deċiża permezz ta’ digriet”.

9        L-Artikolu 37(1) u (3) tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni”), jipprovdi:

“1)       Il-partijiet fil-proċedura huma l-kreditur u d-debitur; il-persuni l-oħra jistgħu jkunu parti fil-proċedura biss meta xi fattur jagħtihom din il-kwalità permezz ta’ din il-liġi. Meta l-qorti tagħti deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni, il-marixxall inkarigat ikun ukoll parti fil-proċedura.

[...]

3)       L-eżekuzzjoni kontra persuna oħra li ma hijiex dik imsemmija fid-deċiżjoni bħala li hija d-debitriċi, jew favur persuna oħra li ma hijiex dik imsemmija fid-deċiżjoni bħala li hija l-kreditriċi, tista’ sseħħ biss jekk jintwera li ġew ittrasferiti lil din il-persuna l-obbligi u d-drittijiet li jirriżultaw mit-titolu eżekuttiv skont l-Artikolu 41. Meta jseħħu l-fatti li abbażi tagħhom hemm trasferiment jew surroga tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mit-titolu eżekuttiv, il-partijiet fil-proċedura għandhom jinformaw bil-miktub b’dan u mingħajr dewmien inutli lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni. Il-komunikazzjoni għandha jkollha wkoll dokument li juri t-trasferiment jew is-surroga tad-drittijiet u tal-obbligi. L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tinnotifika lill-qorti talba għall-awtorizzazzjoni ta’ bdil tal-partijiet fil-proċedura f’terminu ta’ 14-il jum mid-data li saret taf b’dawn il-fatti. Il-qorti għandha tiddeċiedi, b’digriet, f’terminu ta’ 60 jum mid-data tan-notifika tat-talba. Id-deċiżjoni hija nnotifikata lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, lill-kreditur u lid-debitur li huma msemmija fit-titolu eżekuttiv kif ukoll lill-parti li lilha ġie ttrasferit id-dritt jew l-obbligu”.

10      Skont l-Artikolu 25(1) u (2) tal-Liġi Nru 250/2007 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, assoċjazzjoni tista’ tippreżenta rikors, quddiem korp amministrattiv jew quddiem qorti, fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi jew tista’ tkun parti fil-proċedura jekk għanijiet simili jkunu s-suġġett prinċipali tal-attività tagħha jew jekk hija tkun inkluża fil-lista ta’ persuni awtorizzati mill-Kummissjoni Ewropea, bla ħsara għad-dritt tal-qorti li teżamina jekk din il-persuna tkunx awtorizzata f’kull każ tressaq rikors. Barra minn hekk, assoċjazzjoni tista’, abbażi ta’ mandat, tirrappreżenta konsumatur fil-proċeduri quddiem il-korpi tal-Istat dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu, inkluż il-kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tad-drittijiet tal-konsumatur.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Pohotovosť tat kreditu għall-konsum lil M. Vašuta. B’deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, is-Stálý rozhodcovský súd (Qorti Permanenti ta’ Arbitraġġ), ordnat lil M. Vašuta biex iħallas somma lil Pohotovosť.

12      Pohotovosť ressqet talba għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza ta’ arbitraġġ li saret definittiva u eżekutorja. Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-marixxall mibgħut minn Pohotovosť adixxa lill-Okresný súd Svidník (Qorti tad-dipartiment ta’ Svidník) b’talba għall-awtorizzazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza ta’ arbitraġġ. B’deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2011, din id-domanda ġiet miċħuda inkwantu kienet tirrigwarda l-irkupru ta’ interessi moratorji u spejjeż marbuta mal-irkupru. L-imsemmija qorti madankollu laqgħet it-talba ta’ eżekuzzjoni tal-istess sentenza għall-krediti l-oħra.

13      Fid-9 ta’ Settembru 2011, iz-Združenie na ochranu občana spotrebiteľa HOOS (Assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi HOOS, iktar ’il quddiem iz-“Združenie HOOS”) talbet biex tintervjeni fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni billi tuża l-Artikolu 93(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Fuq il-mertu, hija invokat nuqqas ta’ imparzjalità tal-marixxall mibgħut, billi sostnit b’mod partikolari li dan tal-aħħar kellu fil-passat relazzjoni ta’ xogħol ma’ Pohotovosť. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Ústavný súd Slovenskej republiky (Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka), il-fatt li dan il-marixxall kien impjegat ma’ Pohotovosť huwa inkompatibbli mal-obbligu ta’ imparzjalità ta’ marixxall. Barra minn hekk, iz-Združenie HOOS talbet is-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni kollha kemm hi.

14      F’nota tas-27 ta’ Marzu 2012, Pohotovosť talbet lill-qorti tar-rinviju biex jiġi deċiż li z-Združenie HOOS ma hijiex ammissibbli li tintervjeni għaliex il-kodiċi ta’ eżekuzzjoni ma jipprovdix espressament għall-possibbiltà ta’ tali intervent.

15      B’digriet tal-24 ta’ Mejju 2012, l-Okresný súd Svidník iddikjarat inammissibbli t-talba ta’ intervent fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni taz-Združenie HOOS u ċaħdet it-talba intiża biex tikseb is-sospensjoni ta’ din il-proċedura.

16      Fit-18 ta’ Ġunju 2012, iz-Združenie HOOS ippreżentat rikors kontra dan id-digriet. Hija sostnit, minn naħa, li M. Vašuta ma kellux informazzjoni suffiċjenti. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti ma applikatx ex officio favur M. Vašuta, fir-rigward ta’ klawżola ta’ arbitraġġ inġust, ir-regoli suffiċjentement ta’ protezzjoni u ma nisslitx konklużjonijiet legali dwar l-assenza ta’ indikazzjoni tar-rata annwali effettiva globali (TAEG) fil-kuntratt għall-konsum. L-istess qorti ma applikatx b’mod korrett il-ġurisprudenza li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009 Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, Ġabra p. I‑9579), u mid-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť (C‑76/10, Ġabra p. I‑11557).

17      Mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-10 ta’ Ottubru 2012, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li l-intervent ta’ assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ma kienx ammissibbli f’proċedura ta’ eżekuzzjoni kontra konsumatur għaliex din ma hijiex proċedura kontenzjuża iżda proċedura intiża biex tinkiseb l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-mertu definittiva u vinkolanti għad-debitur. Barra minn hekk, l-Ústavný súd Slovenskej republiky applikat approċċ simili f’sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013.

18      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-Direttiva 93/13 jista’ jkollha influwenza determinanti fuq is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okresný súd Svidník iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 6(1), 7(1) u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 [...], moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 47 u 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 37(1) u (3) tal-Kodiċi ta’ eżekuzzjoni li ma tippermettix lil assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi tintervjeni fi proċedura eżekuttiva?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens li l-imsemmija dispożizzjoni leġiżlattiva ma tmurx kontra d-dritt [tal-Unjoni], id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 37(1) u (3) tal-Kodiċi ta’ eżekuzzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux qorti nazzjonali, skont l-Artikoli 6(1), 7(1) u 8 [tal-imsemmija direttiva] milli tirrikonoxxi lil assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi l-kwalità ta’ intervenjenti fil-proċedura eżekuttiva?”

 Fuq it-talbiet imressqa minn Pohotovosť wara l-għeluq tal-proċedura orali

20      B’att tal-31 ta’ Jannar 2014, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Frar segwenti, Pohotovosť talbet, wara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali mogħtija fit-12 ta’ Diċembru 2013, fuq il-bażi tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali billi invokat l-insuffiċjenza tal-informazzjoni dwar fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, Pohotovosť talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tisma’, fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, lill-parti f’proċedura kontenzjuża pendenti quddiem l-Okresný súd Bardejov (qorti tar-reġjun ta’ Bardejov) li f’isimha l-assoċjazzjoni z- Združenie HOOS ippreżentat, skont Pohotovosť, rikors ibbażat fuq motivi u argumenti ġuridikament żbaljati.

21      Għandu jitfakkar li, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù, C-361/12, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Fit-tieni lok, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Fl-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni, huwa jista’, meta jkun il-każ, janalizza talba għal deċiżjoni preliminari billi jqiegħdha f’kuntest usa’ minn dak strettament iddefinit mill-qorti tar-rinviju jew mill-partijiet fil-kawża prinċipali. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mill-motivazzjoni li fuqha dawn huma bbażati, ma huwiex indispensabbli li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, kull darba li l-Avukat Ġenerali jqajjem punt ta’ liġi li ma kienx is-suġġett ta’ skambju bejn il-partijiet (sentenza Carratù, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan il-każ, minn naħa, il-kawża ma teħtieġx li tiġi deċiża abbażi ta’ argumenti li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talba ta’ Pohotovosť intiża sabiex persuna, li hija parti fil-proċedura pendenti quddiem il-qorti nazzjonali tinstema’ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jitfakkar li l-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE hija proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qorti nazzjonali u l-qorti tal-Unjoni u li l-partijiet fil-kawża prinċipali huma, kif jirriżulta mill-Artikolu 97(1) tar-Regoli tal-Proċedura, dawk kif iddeterminat bħala tali mill-qorti tar-rinviju, skont ir-regoli tal-proċedura nazzjonali. Issa, f’din il-kawża, il-persuna inkwistjoni ma ġietx identifikata bħala parti fil-kawża prinċipali mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-23 ta’ Marzu 2007, Cedilac, C‑368/06, punt 6).

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, it-talbiet ta’ Pohotovosť ma għandhomx jintlaqgħu.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

25      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Pohotovosť b’mod partikolari informat lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-14 ta’ Novembru 2012, li hija ppreżentat lill-qorti tar-rinviju nota li fiha hija ddikjarat li trid tirrinunċja b’mod sħiħ it-talba tagħha ta’ eżekuzzjoni u talbitha ttemm il-proċedura. Il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi fuq din ir-rinunċja tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni. Fi kwalunkwe każ, peress li l-azzjoni ser tintemm fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad din it-talba għal deċiżjoni preliminari bħala inammissibbli.

26      Fid-dawl tar-rinunċja hekk imħabbra, mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonferma dwar jekk hija għadhiex adita bil-kawża fil-kuntest li fih hija inizjalment kienet ippreżentat it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari u jekk, f’din il-perspettiva, hija kinitx ser tkompli b’din it-talba, l-Okresný súd Svidník wieġbet, b’ittri li wasslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Lulju u fl-10 ta’ Settembru 2013, li Pohotovost’ kienet ippreżentat quddiemha, fis-27 ta’ Diċembru 2012, talba intiża għas-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ arbitraġġ. Il-qorti tar-rinviju indikat ukoll li l-proċess tal-kawża prinċipali jinsab issa għand il-Krajsky súd v Prešove (Qorti reġjonali ta’ Prešov) għaliex din il-qorti tal-aħħar ġiet adita b’appell ippreżentat minn Pohotovost’ kontra d-deċiżjoni għal rinviju għal deċiżjoni preliminari. L-Okresný súd Svidník madankollu indikat li l-proċedura fil-kawża prinċipali għadha pendenti quddiemha u li, għal din ir-raġuni, hija ser iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li għandhom jiġu ddefiniti mill-imsemmija qorti nazzjonali, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod ċar li l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Madankollu, minn kliem u mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi li kawża hija effettivament quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma għandhom jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1995, Zabala Erasun et, C‑422/93 sa C‑424/93, Ġabra p. I‑1567, punt 28; tat-12 ta’ Marzu1998, Djabali, C‑314/96, Ġabra p. I‑1149, punt 18, kif ukoll tal-20 ta’ Jannar 2005, García Blanco, C‑225/02, Ġabra p. I‑523, punt 27).

29      Fil-fatt, ir-raġuni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti li tiġi pprovduta soluzzjoni effettiva għal kontenzjuż (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punt 18; tal-25 ta’ Marzu2004, Azienda Agricola Ettore Ribaldi et, C‑480/00 à C‑482/00, C‑484/00, C‑489/00 sa C‑491/00 u C‑497/00 à C‑499/00, Ġabra p. I‑2943, punt 72, kif ukoll García Blanco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

30      Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li, mistoqsi mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat li l-kawża li tressqet quddiemha għadha pendenti. Issa, sa fejn il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha tal-ewwel jipprovdi lit-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma meħtieġa għas-soluzzjoni tal-kawża li hija għandha tiddeċiedi dwarha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C‑83/91, Ġabra p. I‑4871, punt 22, u tal-24 ta’ Marzu2009, Danske Slagterier, C‑445/06, Ġabra p. I‑2119, punt 65), tali indikazzjoni ta’ qorti nazzjonali torbot lill-Qorti tal-Ġustizzja u ma tistax bħala regola ġenerali titqiegħed inkwistjoni mill-partijiet fil-kawża prinċipali.

31      Fir-rigward tal-fatt li tressaq appell kontra d-deċiżjoni tar-rinviju, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 267 TFUE, l-evalwazzjoni tar-rilevanza u tal-bżonn tad-domanda preliminari taqa’, bħala regola ġenerali, taħt ir-responsabbiltà biss tal-qorti li tordna r-rinviju għal deċiżjoni preliminari, suġġett għall-verifika limitata magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza. Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi minn sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjoni li tordna r-rinviju għal deċiżjoni preliminari u, b’mod partikolari, li tikkonkludi jew li huwa meħtieġ li żżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, jew li temendaha jew li tirtiraha (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C‑210/06, Ġabra p. I‑9641, punt 96).

32      Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, iżżomm ma’ din id-deċiżjoni li ordnat ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li għandha tipproduċi l-effetti tagħha sakemm ma tkunx ġiet irrevokata jew emendata mill-qorti li tkun tatha, billi din il-qorti tal-aħħar biss tista’ tiddeċiedi dwar tali revoka jew dwar tali emenda (ara s-sentenza Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 97).

33      Huwa biss fil-każ li l-qorti tal-appell tiddeċiedi, skont ir-regoli tad-dritt proċedurali nazzjonali applikabbli, li tannulla r-rifjut tal-qorti tar-rinviju li tieħu att tar-rinunzja tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tordna l-irtirar tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn din il-qorti, li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tislet il-konsegwenzi tad-deċiżjoni tal-qorti tal-appell billi eventwalment tipproċedi għat-tħassir tal-kawża mil-lista tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tkun rċeviet, jekk ikun il-każ, l-osservazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 Settembru 2013, BNP Paribas Personal Finance u Facet, C‑564/12, punti 1 sa 5).

34      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx informata mill-qorti tar-rinviju jew minn kwalunkwe qorti oħra, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, b’tali deċiżjoni tal-Krajsky súd v Prešove.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tingħata risposta.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

36      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 93/13, b’mod partikolari l-Artikoli 6(1), 7(1) u 8 ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikoli 38 u 47 tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li ma huwiex aċċettat l-intervent ta’ assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi insostenn ta’ konsumatur partikolari, f’proċedura ta’ eżekuzzjoni, diretta kontra dan tal-aħħar, ta’ sentenza ta’ arbitraġġ definittiv.

37      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, iz-Združenie HOOS tixtieq tiġi awtorizzata tintervjeni, fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni mibdija minn Pohotovost’ kontra M. Vašuta b’mod partikolari għaliex hija tqis li, permezz tad-deċiżjoni tagħha li tissospendi biss parzjalment il-kreditu fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ arbitraġġ u li tawtorizza l-kumplament ta’ din l-eżekuzzjoni, l-Okresný súd Svidník ma offrietx, fil-preżenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ inġusta, ex officio lil konsumatur protezzjoni suffiċjenti u ma nislitx il-konklużjonijiet legali tal-assenza tal-indikazzjoni tar-rata annwali effettiva globali (TAEG) fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum. Din l-aħħar deċiżjoni ma hijiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari d-digriet Pohotovost’, iċċitata iktar ’il fuq.

38      Jidher ukoll li, skont l-Artikolu 93(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi tista’ tiġi awtorizzata bħala intervenjenti f’kawża li tikkonċerna l-mertu tad-dritt li tqiegħed inkwistjoni konsumatur. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni li jikkonċernaw konsumatur, irrispettivament jekk jirrigwardawx l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ qorti nazzjonali jew sentenza ta’ arbitraġġ definittiv bħal fil-kawża prinċipali, il-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni ma jippermettix, skont il-ġurisprudenza tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky u tal-Ústavný súd Slovenskej republiky, l-intervent ta’ tali assoċjazzjoni.

39      Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ protezzjoni implementata bid‑Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-persuna ta’ professjoni fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi għall-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-persuna ta’ professjoni, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita ebda influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, C‑240/98 sa C‑244/98, Ġabra. p. I‑4941, punt 25, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C-168/05, Ġabra p. I‑10421, punt 25).

40      Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni meħtieġa mill-imsemmija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat bosta drabi li din is-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, indipendenti mis-sempliċi partijiet fil-kuntratt (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, punt 27; Mostaza Claro, punt 26; Asturcom Telecomunicaciones, punt 31, kif ukoll id-digriet Pohotovost’, iċċitat iktar ’il fuq, punt 39).

41      F’dan ir-rigward, il-possibbiltà tal-qorti li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola tikkostitwixxi mezz kemm biex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, jiġifieri li twaqqaf milli konsumatur individwali jiġi marbut minn klawżola inġusta, kif ukoll sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, peress li dan l-eżami jista’ jkollu effett dissważiv li jwassal sabiex iwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-persuna ta’ professjoni (sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis, C‑473/00, Ġabra p. I‑10875, punt 32, u Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, kif ukoll id-digriet Pohotovost’, iċċitat iktar ’il fuq, punt 41).

42      Kif l-Avukat Ġenerali rrileva, b’mod partikolari fil-punti 55 u 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija l-qorti nazzjonali adita, bħal fil-kawża prinċipali, b’proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ arbitraġġ definittiv, li għandha tipproċedi b’intervent pożittiv, indipendenti mill-partijiet fil-kuntratt, previst bl-imsemmija direttiva sabiex jikkumpensa s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza eżistenti bejn il-konsumatur u l-persuna professjonali. Fil-fatt, hekk kif ikollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa, din il-qorti għandha tipproċedi ex officio, b’kontroll tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li fuqhom huwa bbażat il-kreditu stabbilit b’din is-sentenza meta, skont ir-regoli tal-proċedura nazzjonali, hija għandha tevalwa ex officio, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni simili, il-kunflitt bejn klawżola ta’ arbitraġġ u r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, C‑243/08, Ġabra p. I‑4713 Pannon GSM, punt 32, u Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq punt 53, kif ukoll id-digriet Pohotovost’, iċċitat iktar ’il fuq, punt 51).

43      Fir-rigward tar-rwol li l-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jistgħu jilagħbu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jobbliga lill-Istat Membri biex jiżguraw li jkun hemm mezzi adegwati u effikaċi biex jintemm l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi (sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel, C‑472/10, punt 35). F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, jirriżulta li dawn il-mezzi jinkludu l-possibbiltà għall-persuni jew għall-organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi li jadixxu lill-qrati sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżoli redatti bi ħsieb li jintużaw b’mod ġenerali għandhomx natura inġusta u jiksbux, jekk ikun il-każ, il-projbizzjoni tagħhom (ara s-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑372/99, Ġabra p. I‑819, punt 14, u Invitel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

44      In-natura preventiva u l-għan dissważiv tal-azzjonijiet għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, kif ukoll l-indipendenza tagħhom fir-rigward ta’ kull diżgwit individwali konkret, jimplikaw li tali azzjonijiet jistgħu jiġu eżerċitati minkejja li l-klawżoli li tintalab il-projbizzjoni tagħhom ma jkunux intużaw f’kuntratti speċifiċi (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15 u Invitel, punt 37).

45      Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li la d-Direttiva 93/13 u lanqas dawk li ġew warajha, li jikkompletaw id-dispożittiv leġiżlattiv ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ma jinkludu dispożizzjoni li tirregola l-irwol li jista’ jew li għandu jingħata lill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-kuntest ta’ kawżi individwali li jinvolvu konsumatur. Għalhekk, id-Direttiva 93/13 ma tirregolax il-kwistjoni dwar jekk tali assoċjazzjonijiet għandhomx ikollhom id-dritt li jintervjenu insostenn tal-konsumaturi fil-kuntest ta’ tali kawżi individwali.

46      Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-possibbiltà għall-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li jintervjenu fil-kawżi individwali li jinvolvu konsumaturi, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza), u li ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

47      Fir-rigward, fl-ewwel lok, il-prinċipju ta’ ekwivalenza, dan jeħtieġ li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-azzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali li jkollhom suġġett u kawżalità simili (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin, C‑63/08, Ġabra p. I‑10467, punt 45).

48      Sabiex jiġi vverifikat jekk l-imsemmi prinċipju ġiex osservat fil-kawża li hija adita biha l-qorti nazzjonali, hija din tal-aħħar, li hija biss tkun edotta b’konoxxenza diretta tal-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi fil-qasam tad-dritt nazzjonali, li għandha teżamina kemm is-suġġett kif ukoll l-elementi essenzjali tar-rikorsi allegatament simili ta’ natura nazzjonali. Madankollu, fid-dawl tal-evalwazzjoni li din il-qorti trid twettaq, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tindikalha ċerti elementi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

49      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni, kif enfasizza wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, jeskludi l-intervent ta’ kwalunkwe terz f’kull proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali jew ta’ sentenza ta’ arbitraġġ definittiv, irrispettivament jekk dan l-intervent huwiex ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni jew fuq ksur tad-dritt nazzjonali.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li tali leġiżlazzjoni tikser il-prinċipju ta’ ekwivalenza meta ma tipprovdix għall-possibbiltà li tawtorizza intervent ta’ assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi f’proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ arbitraġġ definittiv, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

51      F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull każ fejn tqum il-kwistjoni li jsir magħruf jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, fl-iżvolġiment tagħha u tad-dettalji tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom huwa msejjes l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (ara s-sentenza tas-5 ta’ Diċembru 2013, Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, C‑413/12, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 38 tal-Karta jipprovdi li livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi għandu jiġi żgurat fil-politika tal-Unjoni. Dan l-obbligu jgħodd għall-implementazzjoni tad-Direttiva 93/13. Madankollu, fl-assenza ta’ dispożizzjoni f’din id-direttiva li tipprovdi dritt għall-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li jintervjenu fil-kawżi individwali li jinvolvu l-konsumaturi, l-Artikolu 38 tal-Karta waħdu ma jwassalx biex din id-direttiva tiġi interpretata fis-sens li dan id-dritt jeżisti.

53      Din il-konstatazzjoni tista’ tapplika wkoll għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta dwar dritt għal azzjoni effettiva u aċċess għal qorti imparzjali, li jimplika li għajnuna legali għandha tingħata lil dawk li ma għandhomx riżorsi suffiċjenti, fil-każ li din l-għajnuna hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-effettività tal-aċċess għall-ġustizzja. Sa fejn l-istess direttiva timponi, fil-kawżi li jinvolvu persuna professjonali u konsumatur, intervent pożittiv, indipendenti mill-partijiet fil-kuntratt, mill-qorti nazzjonali adita b’tali kawżi, ma jistax, fi kwalunkwe każ, jitqies li r-rifjut tal-awtorizzazzjoni ta’ intervent ta’ assoċjazzjoni insostenn ta’ konsumatur partikolari jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ dan il-konsumatur kif iggarantit minn dan l-artikolu. Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jkun hemm paragun bejn l-intervent ta’ assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-għajnuna legali li għandha tingħata, f’ċerti każijiet, skont l-imsemmi artikolu lil dawk li ma għandhomx riżorsi suffiċjenti.

54      Fir-rigward tal-possibbiltà li assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi tinvoka f’dan il-kuntest l-istess artikolu, għandu jiġi kkonstatat li r-rifjut li tiġi ammessa tintervjeni fi proċedura li tinvolvi konsumatur ma jaffettwax id-dritt tal-imsemmija assoċjazzjoni għal azzjoni ġudizzjarja effettiv għad-difiża tad-drittijiet mogħtija lilha bħala assoċjazzjoni ta’ dan it-tip, li jikkonsistu, b’mod partikolari, fid-drittijiet tagħha ta’ azzjoni kollettiva mogħtija lilha fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13.

55      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, assoċjazzjoni tista’ direttament tippreżenta tali konsumatur fi kwalunkwe proċedura, inkluża proċedura ta’ eżekuzzjoni, fuq il-mandat mogħti lilha minn dan tal-aħħar.

56      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, billi ma tipprovdix il-possibbiltà li assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi tintervjeni fi proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ definittiv, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tiksirx il-prinċipju ta’ effettività.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 93/13, b’mod partikolari l-Artikoli 6(1), 7(1) u 8 ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikoli 38 u 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li ma huwiex aċċettat l-intervent ta’ assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi insostenn ta’ konsumatur partikolari f’proċedura ta’ eżekuzzjoni, diretta kontra dan tal-aħħar, ta’ sentenza ta’ arbitraġġ definittiv.

 Fuq it-tieni domanda

58      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 37(1) u (3) tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li qorti nazzjonali, skont l-Artikoli 6(1), 7(1) u 8 tad-Direttiva 93/13, tirrikonoxxi lil assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi l-kwalità ta’ intervenjenti f’proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ arbitraġġ definittiva.

59      Fil-verità, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni li tista’ tintuża fid-dritt nazzjonali tagħha.

60      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, ma għandhiex tinterpreta l-liġijiet jew id-dispożizzjonijiet leġiżlattiv nazzjonali (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, Ġabra p. I‑8389, punt 43, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C‑237/04, Ġabra p. I‑2843, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li t-tieni domanda tiġi ddikjarata inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, b’mod partikolari l-Artikoli 6, 7 u 8 ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li ma huwiex aċċettat l-intervent ta’ assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi insostenn ta’ konsumatur partikolari f’proċedura ta’ eżekuzzjoni, diretta kontra dan tal-aħħar, ta’ sentenza ta’ arbitraġġ definittiv.

Firem


* Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.