Language of document : ECLI:EU:F:2012:89

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

20 ta’ Ġunju 2012

Kawża F‑79/11

Andreas Menidiatis

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Reklutaġġ — Ċaħda ta’ kandidatura — Eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament — Terminu raġonevoli — Miżuri ta’ eżekuzzjoni individwali — Telf ta’ opportunità”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA skont l-Artikolu 106a tiegħu, intiż għall-kundanna tal-Kummissjoni biex tħallas lil A. Menidiatis, minn naħa, is-somma ta’ EUR 10 000 għat-telf ta’ opportunità subit minħabba l-assenza ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tiegħu mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat‑2 ta’ April 2009, Menidiatis vs Il‑Kummissjoni (F‑128/07, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Menidiatis”), u, min-naħa l-oħra, is-somma ta’ EUR 5 000 għad-dannu morali li kkawżalu s-silenzju min-naħa tal-Kummissjoni dwar kif kellha l-intenzjoni li tipproċedi bis-sentenza Menidiatis.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mil-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament ta’ proċedura ta’ reklutaġġ — Obbligi tal-amministrazzjoni

(Artikolu 266 TFUE)

2.      Uffiċjali — Rikorsi — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Terminu raġonevoli — Sostituzzjoni b’deċiżjoni ġdida ta’ deċiżjoni annullata mill-Kummissjoni fil-qasam ta’ reklutaġġ

(Artikolu 266 TFUE)

1.      Fl-ipoteżi fejn proċedura ta’ reklutaġġ ġiet annullata mill-qorti tal-Unjoni, is-sentenza ta’ annullament fl-ebda każ ma jista’ jkollha effett fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni li twessgħa l-possibbiltajiet tagħha ta’ għażla fl-interess tas-servizz billi tirtira l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inizjali u billi korrelattivament tiftah proċedura ġdida sabiex jimtela l-impjieg kontenzjuż. Ġaladarba hija ma tistax tkompli l-proċedura ta’ reklutaġġ inizjali inkwantu l-illegalità tagħha tkun ġiet issanzjonata permezz tas-sentenza ta’ annullament, l-Awtorità tal-Ħatra għandha d-dritt, iktar definittivament, li tiftah proċedura ġdida ta’ reklutaġġ, mingħajr ma jkollha l-obbligu li tkompli bil-proċedura ta’ reklutaġġ inizjali fl-istat tagħha qabel l-adozzjoni tal-att illegali.

(ara l-punt 37)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ April 2010, Angelidis vs Il-Parlament, F-104/08, punt 42

2.      Bħala regola ġenerali, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza għal annullament li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ ċertu numru ta’ miżuri amministrattivi ma tistax issir b’mod immedjat u l-istituzzjonijiet għandhom ikollhom terminu raġonevoli sabiex jikkonformaw ruħhom mas-sentenza ta’ annullament.

Fir-rigward ta’ sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tħalli lill-Kummissjoni possibbiltajiet differenti fir-rigward tal-qafas legali li għandu jintgħażel sabiex tiġi adottata deċiżjoni ġdida dwar il-mili tal-postijiet vakanti ta’ kap ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni, huwa raġonevoli terminu ta’ ħames xhur biex jiġu analizzati s-soluzzjonijiet ġuridiċi differenti u sabiex sussegwentement tiġi adottata deċiżjoni ġdida dwar il-mili tal-postijiet vakanti ta’ kap ta’ rappreżentanza.

(ara l-punti 40 u 43)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Jannar 1984, Tumer vs Il‑Kummissjoni, 266/82, punt 5

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Lulju 1997, Apostolidis et vs Il‑Kummissjoni, T-81/96, punt 37