Language of document : ECLI:EU:C:2014:194

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fl-20 ta’ Marzu 2014 (1)

Kawżi magħquda C‑12/13 P u C‑13/13 P

Gérard Buono

Jean-Luc Buono

Roger Louis Paul Del Ponte

Serge Antoine Di Rocco

Jean Gérald Lubrano

Jean Lubrano

Jean Lucien Lubrano

Fabrice Marin

Robert Marin

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C‑12/13 P)

u

Syndicat des thoniers méditerranéens

Marc Carreno

Jean Louis Donnarel

Jean-François Flores

Gérald Jean Lubrano

Hervé Marin

Nicolas Marin

Sébastien Marin

Serge Antoine José Perez

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C‑13/13 P)

“Appell — Kwoti tas-sajd — Miżuri ta’ emerġenza adotatti mill-Kummissjoni — Rikors għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea — Ammissibbiltà — Locus standi tal-persuni ġuridiċi biex jippreżentaw rikors għad-danni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba att legali — Applikazzjoni tas-sentenza FIAMM mill-Qorti Ġenerali — Responsabbiltà minħabba att illegali — Dannu li jista’ jiġi kkumpensat — Telf ta’ opportunità”





1.        F’dawn il-kawżi magħquda, marbutin mill-qrib mal-Kawża C‑611/12 P (Giordano vs Il-Kummissjoni), tiġi appellata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2012, Syndicat des thoniers méditerranéens et vs Il-Kummissjoni (T‑574/08) li tiċħad ir-rikors għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni ppreżentat minn diversi proprjetarji ta’ bastimenti bil-purse seines Franċiżi, kif ukoll minn sindakat professjonali li jirrappreżenta l-interessi tas-settur tas-sajd għat-tonn. Kuntrarjament għal dak li ġara fil-Kawża C‑611/12 P, l-appellanti f’dawn il-kawżi qajmu aggravju li ma ġiex invokat fil-Kawża C‑611/12 P, li huwa bbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att legali.

2.        F’dawn il-konklużjonijiet, għalhekk, se niffoka fuq l-aspetti li jiddistingwu ż-żewġ kawżi magħquda inkwistjoni mill-Kawża C‑611/12 P. Barra minn hekk, għalkemm l-appelli ġew magħquda f’din il-kawża, huwa importanti li wieħed jenfasizza diġà li n-noti relatati ma’ dawn il-kawżi huma bbażati fuq argumenti differenti, li għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti f’dawn il-konklużjonijiet. Biex l-affarijiet ikunu iktar ikkumplikati, wieħed mill-appellanti fil-Kawża C‑13/13 P, is-Syndicat des thoniers méditerranéens, sindakat professjonali li jirrappreżenta l-interessi tas-settur tas-sajd għat-tonn, jikkontesta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali talli ma tagħtux locus standi. Ser neżamina wkoll dan il-punt iktar fid-dettall, minħabba li jqajjem problema partikolari, dik tal-locus standi tal-persuni ġuridiċi li jirrappreżentaw interessi fil-kuntest ta’ rikors għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

I.      Il-kuntest ġuridiku

3.        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jistabbilixxi s-sistema applikabbli għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni kif ġej:

“Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.”

4.        Is-sajd għat-tonn huwa rregolat kemm fuq il-livell internazzjonali kif ukoll fuq dak Ewropew. Mill-1997, l-Unjoni Ewropea hija parti mill-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku, u l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (iktar ’il quddiem l-“ICCAT”) tiegħu adottat rakkomandazzjonijiet u pjanijiet sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni ta’ dawn ir-riżorsi. Sabiex teżegwixxi d-deċiżjonijiet tal-ICCAT, l-Unjoni adottat diversi strumenti, fosthom, b’rilevanza partikolari għall-finijiet ta’ din il-kawża, ir-Regolament Nru 520/2007 li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta’ ċerti ħażniet ta’ speċi li jpassu ħafna u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 973/2001 (2) u r-Regolament Nru 1559/2007, li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-irkupru tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 520/2007 (3).

5.        Dawn id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (4). Dan l-istrument jintroduċi sett ta’ miżuri ġenerali li jindirizzaw l-attivitajiet ta’ konservazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ sfruttar tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin imwettqa fit-territorju tal-Istati Membri jew fl-ilmijiet Komunitarji, jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni.

6.        Fost id-diversi miżuri previsti fir-Regolament Nru 2371/2002, għandu jissemma l-Artikolu 7 tiegħu, intitolat “miżuri ta’ emerġenza tal-Kummissjoni”, li jipprovdi:

“1.    Jekk ikun jidher li hemm xi theddida serja għall-konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin, jew għall-eko-sistema tal-baħar b’riżultat ta’ attivitajiet tas-sajd u jkun hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata, il-Kummissjoni, fuq it-talba sostanzjata ta’ Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, tista’ tiddeċiedi fuq xi miżuri ta’ emerġenza li ma għandhomx ikunu għal aktar minn sitt xhur. Il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni ġdida biex ittawwal iż-żmien dwar il-miżuri ta’ emerġenza b’mhux aktar minn sitt xhur.

2.      L-Istat Membru għandu jgħaddi t-talba fl-istess ħin lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali konċernati. Jistgħu jibagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub lill-Kummissjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol wara li tkun waslet it-talba.

Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien ħmistax-il ġurnata wara l-wasla tat-talba msemmija fil-paragrafu 1.

3.      Il-miżuri ta’ emerġenza għandhom ikollhom effett immedjat. Għandhom jiġu notifikati lill-Istati Membri konċernati, u pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

4.      L-Istati Membri konċernati jistgħu jirreferu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill fi żmien 10 ġranet mill-wasla tan-notifikazzjoni.

5.      Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jieħu deċiżjoni differenti fi żmien xahar mid-data li tkun waslitlu r-referenza.”

7.        Ir-Regolament Nru 40/2008 jistabbilixxi, għall-2008, l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kondizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti stokkijiet tal-ħut, inkluż it-tonn (5). Dan ir-regolament jintroduċi limitazzjonijiet tal-qbid u jistabbilixxi l-ammont ta’ tonn li jista’ jinqabad fl-2008 mill-bastimenti Komunitarji fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45°W u fil-baħar Mediterran. Dawn il-limitazzjonijiet u kwantitajiet ġew emendati bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 446/2008 (6).

8.        Il-Kummissjoni, fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija mill-ispetturi tagħha waqt il-missjonijiet tagħhom fl-Istati kkonċernati, ikkonstatat li s-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45°W, kif ukoll fil-baħar Mediterran, assenjati lill-bastimenti tat-tonn li jtajru l-bandiera tal-Greċja, ta’ Franza, tal-Italja, ta’ Ċipru u ta’ Malta kien meqjus eżawrit mis-16 ta’ Ġunju 2008. Il-possibbiltajiet tas-sajd għal bastimenti bil-purse seiners li jtajru l-bandiera Spanjola kienu meqjusa eżawriti fit-23 ta’ Ġunju 2008. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2371/2002, iċċitat hawn fuq, adottat ir-Regolament (KE) Nru 530/2008 li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fir-rigward ta’ bastimenti bil-purse seines li jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45°W, u fil-baħar Mediterran (7). L-ewwel tliet artikoli tiegħu jipprovdu:

“Artikolu 1

Is sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil-purse seines u li jtajru l-bandiera tal Greċja, ta’ Franza, ta’ l Italja, ta’ Ċipru u ta’ Malta jew li huma rreġistrati fihom għandu jiġi pprojbit mis-16 ta’ Ġunju 2008.

Għandu jiġi pprojbit ukoll, li stokk ta’ dan it-tip jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, u t-trażbord jew il-ħatt l-art minn dawk il-bastimenti minn dik id-data.

Artikolu 2

Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W, u fil-Baħar Mediterran mill-bastimenti tas-sajd bil-purse seine li jtajru l-bandiera ta’ Spanja jew li huma rreġistrati hemmhekk għandu jiġi pprojbit mhux aktar tard mis-17 ta’ Ġunju 2008 fi 00:00.

Għandu jiġi pprojbit ukoll, li stokk ta’ dan it-tip jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, u t-trażbord jew il-ħatt l-art minn dawk il-bastimenti minn dik id-data.

Artikolu 3

1. Skond it-tieni paragrafu, mis-16 ta’ Ġunju 2008, operaturi Komunitarji ma għandhomx jaċċettaw il-ħatt l-art, it-tqegħid f’gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jew it-trażbordi f’ilmijiet jew f’portijiet tal-Komunità ta’ tonn maqbud fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45°W, u fil-Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil-purse seines.

2. Il-ħatt l-art, it-tqegħid fil-gaġeġ għat-tismin u għat-trobbija u t-trażbord f’ilmijiet jew f’portijiet tal-Komunità, ta’ tonn maqbud fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45°W, u fil-Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil-purse seines u li jtajru l-bandiera ta’ Spanja jew li huma rreġistrati fiha, għandhom ikunu konċessi sat-23 ta’ Ġunju 2008.”

II.    Il-fatti

A.      Fil-Kawża C‑12/13 P

9.        Gérard Buono, Jean-Luc Buono, Roger Del Ponte, Serge Antoine Di Rocco, Jean Gérald Lubrano, Jean Lubrano, Jean Lucien Lubrano, Fabrice Marin u Robert Marin (iktar ’il quddiem, “l-appellanti fil-Kawża C‑12/13 P” jew “l-appellanti”), huma proprjetarji ta’ nazzjonalità Franċiża tal-bastimenti bil-purse seines rispettivi, li joperaw fl-ilmijiet tal-baħar Mediterran. Huma kollha membri tas-Syndicat des thoniers méditerranéens.

10.      Skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ir-Repubblika Franċiża kellha, għall-2008, 4 164 tunnellata ta’ kwoti tas-sajd għat-tonn, li 90 % minnhom kienu attribwiti lill-bastimenti bil-purse seines li jtajru bandiera Franċiża li joperaw fil-Mediterran.

11.      L-appellanti kollha kellhom, għas-sena 2008, liċenzja speċjali tas-sajd għat-tonn, suġġetta għal kwota tas-sajd individwali. L-awtorizzazzjoni kienet tippermetti s-sajd mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju 2008.

12.      Ladarba kienu nħarġu l-liċenzji ta’ sajd imsemmija, l-appellanti bdew l-istaġun tagħhom ta’ sajd fl-ilmijiet tal-Mediterran, li ġie sospiż fis-16 ta’ Ġunju 2008 bħala riżultat tal-adozzjoni u tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 530/2008, li l-implementazzjoni tiegħu wasslet għall-irtirar tal-liċenzji tas-sajd imsemmija hawn fuq.

B.      Fil-Kawża C‑13/13 P

13.      Is-Syndicat des thoniers méditerranéens (iktar ’il quddiem, is-“STM”) huwa sindakat professjonali rregolat mill-Ktieb IV tal-Kodiċi tax-Xogħol Franċiż, li jistgħu jagħmlu parti minnu biss il-ħaddiema fuq il-baħar marbutin mas-sajd għat-tonn.

14.      Marc Carreno, Jean Louis Donnarel, Jean-François Flores, Gérald Jean Lubrano, Hervé Marin, Nicolas Marin, Sébastien Marin u Serge Antoine José Perez (iktar ’il quddiem, “l-appellanti individwali fil-Kawża C‑13/13 P” jew “l-appellanti individwali”), ta’ nazzjonalità Franċiża, huma sidien u/jew azzjonisti tal-bastimenti bil-purse seines rispettivi, li joperaw fl-ilmijiet tal-baħar Mediterran. Dawn kollha huma membri tas-STM.

15.      Kif ġie osservat fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għas-sena 2008 ir-Repubblika Franċiża kellha 4 164 tunnellata ta’ kwoti tas-sajd għat-tonn, li 90 % minnhom kienu attribwiti għall-bastimenti bil-purse seines li jtajru bandiera Franċiża u joperaw fil-baħar Mediterran.

16.      Għas-sena 2008, l-appellanti individwali kollha kellhom liċenzja speċjali tas-sajd għat-tonn, suġġetta għal kwota tas-sajd individwali. L-awtorizzazzjoni kienet tippermetti s-sajd mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju 2008.

17.      Ladarba kienu nħarġu l-liċenzji ta’ sajd imsemmija, l-appellanti individwali bdew l-istaġun tagħhom tas-sajd fl-ilmijiet tal-Mediterran, li ġie sospiż fis-16 ta’ Ġunju 2008 bħala riżultat tal-adozzjoni u tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 530/2008 tal-Kummissjoni, li l-implementazzjoni tiegħu wasslet għall-irtirar tal-liċenzji tas-sajd iċċitati hawn fuq.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

18.      Fl-24 ta’ Diċembru 2008 ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali r-rikors għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni mis-STM, mill-appellanti fil-Kawża C‑12/13 P u mill-appellanti individwali, għall-projbizzjoni tas-sajd li rriżultat mir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 530/2008.

19.      Fil-25 ta’ Marzu 2010, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali ssospenda l-proċeduri sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża AJD Tuna (8) u d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawżi Umicore vs Il-Kummissjoni (9), kif ukoll Etiproducts vs Il-Kummissjoni (10). Ladarba ngħataw dawn id-deċiżjonijiet, il-partijiet ġew mistiedna jesprimu ruħhom dwar il-konsegwenzi ta’ dawn id-deċiżjonijiet f’din il-kawża.

20.      Fit-12 ta’ April 2011, il-Qorti Ġenerali ġiet informata bil-fatt li l-appellanti fil-Kawża C‑12/13 P kienu biddlu l-avukat tagħhom.

21.      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tiegħu, s-STM talab li l-Qorti Ġenerali tiddikjara r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba d-danni kkawżati permezz tar-Regolament Nru 530/2008. Madankollu, is-STM ma kkontestax il-legalità ta’ dan ir-regolament, u għalhekk ibbaża t-talba tiegħu fuq l-eżistenza ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att legali. Is-STM talab ukoll li l-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ammont ta’ EUR 30 000 għad-danni morali, liema ammont għandu jiġi investit fit-tixrid ta’ informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni Ewropea tas-sajd fost il-membri tas-sindakat.

22.      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tagħhom, l-appellanti individwali fil-Kawża C‑13/13 P talbu li l-Qorti Ġenerali tiddikjara r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba d-danni kkawżati permezz tar-Regolament Nru 530/2008. Madankollu, l-appellanti individwali, bħas-STM, ma kkontestawx il-legalità ta’ dan ir-regolament, u għalhekk ibbażaw it-talba tagħhom fuq l-eżistenza ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att legali. Minbarra dan, l-appellanti individwali fil-Kawża C‑13/13 P talbu li l-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ammonti li ġejjin:

–        EUR 1 simboliku għal Marc Carreno;

–        EUR 351 685 għal Jean Louis Donnarel;

–        EUR 1 simboliku għal Jean-François Flores;

–        EUR 237 160 (jew EUR 474 320, skont il-ġbir tat-taxxa korrispondenti) għal Gérald Jean Lubrano;

–        EUR 1 simboliku għal Hervé Marin, Nicolas Marin, Robert Marin u Sébastien Marin

–        EUR 838 970 għal Serge Antoine José Perez.

23.      Fl-argumenti bil-miktub u orali tagħhom, l-appellanti fil-Kawża C‑12/13 P talbu li l-Qorti Ġenerali tiddikjara r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba d-danni kkawżati permezz tar-Regolament Nru 530/2008. Għalkemm inizjalment ibbażaw it-talba tagħhom fuq responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att legali, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża AJD Tuna, huma bbażaw ir-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali wkoll fuq in-natura illegali ta’ dan ir-regolament. Huma talbu wkoll li l-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ammonti li ġejjin:

–        EUR 323 053 (jew EUR 564 956 , skont il-ġbir tat-taxxa korrispondenti) għal Gérald Buono u Jean-Luc Buono;

–        EUR 518 707 (jew EUR 703 707, skont il-ġbir tat-taxxa korrispondenti) għal Roger Louis Paul Del Ponte;

–        EUR 388 047 (jew EUR 634 207, skont il-ġbir tat-taxxa korrispondenti) għal Serge Antoine Di Rocco;

–        EUR 213 588 għal Gérald Lubrano;

–        EUR 212 358 għal Jean Lubrano u Jean Lucien Lubrano, u

–        EUR 466 655 (jew EUR 610 820, skont il-ġbir tat-taxxa korrispondenti) għal Fabrice Marin u Robert Marin.

24.      L-appellanti kollha talbu wkoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

25.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni talbet li l-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors kollu kemm hu u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

26.      Permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2012, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li r-rikors ippreżentat mis-STM ma kienx ammissibbli, ċaħdet ir-rikorsi l-oħra u kkundannat lill-appellanti kollha għall-ispejjeż.

27.      Fir-rigward tal-locus standi tas-STM, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja skont liema wieħed jista’ jirrikonoxxi biss lill-assoċjazzjonijiet professjonali locus standi taħt l-Artikolu 268 TFUE, jekk ikunu jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati interess proprju, distint minn dak tal-membri tagħhom, jew inkella dritt għal kumpens li jkun ġie ttrasferit lilhom minn persuni oħrajn. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li s-STM la wera l-eżistenza ta’ interess proprju u lanqas l-eżistenza ta’ trasferiment tad-dritt għal kumpens minn terz, u għal din ir-raġuni qieset li r-rikors kien inammissibbli.

28.      Imbagħad il-Qorti Ġenerali analizzat il-motiv invokat minn Buono bbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att illegali. Fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ffokat biss fuq ir-rekwiżit ta’ natura reali u ċerta tad-dannu. B’mod konformi mas-sentenza mogħtija fil-Kawża Cofradía de pescadores “San Pedro” de Bermeo et vs Il-Kunsill (11), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kwota tas-sajd tikkostitwixxi biss limitu teoretiku ta’ qbid massimu, iżda mhix dritt suġġettiv favur il-proprjetarju tiegħu. Billi d-difiża ta’ Buono kienet ibbażata fuq l-impossibbiltà tal-eżawriment tal-kwota tiegħu minħabba deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li l-appellant ma tax prova tan-natura reali u ċerta tad-dannu sostnut minnu. Għaldaqstant, hija ċaħdet dan il-motiv.

29.      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motiv ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att legali. Wara li fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni, il-Qorti Ġenerali ffokat fuq in-natura mhux normali tad-dannu sostnut. Skont il-Qorti Ġenerali, l-attività tas-sajd għandha, fost affarijiet oħra, żewġ karatteristiċi: il-kwoti ma jagħtux drittijiet suġġettivi u l-attività tipproduċi riżultati ta’ natura imprevedibbli. Dawn iż-żewġ karatteristiċi huma biżżejjed sabiex tiġi eskluża t-talba bbażata fuq in-natura mhux normali tad-dannu sostnut, u huwa għalhekk li l-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv ukoll.

IV.    L-appell u t-talbiet tal-partijiet

30.      Fil-11 ta’ Jannar 2013, ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja l-appelli magħmula mill-appellanti fil-Kawżi C‑12/13 P u C‑13/13 P mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2012.

31.      Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Frar 2013, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għaqqad il-Kawżi C‑12/13 P u C‑13/13 P għall-finijiet tal-istadji bil-miktub u orali tal-proċedura u tas-sentenza, skont l-Artikolu 54 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

32.      L-appellanti fil-Kawża C‑12/13 P jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33.      L-appellanti fil-Kawża C‑13/13 P jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors għad-danni mhux kuntrattwali; u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż ta’ din l-istanza u tal-ewwel istanza.

V.      Fuq l-appelli

A.      Fuq l-ammissibbiltà ta’ diversi aggravji (C‑12/13 P u C‑13/13 P)

35.      Qabel l-analiżi tal-kwistjonijiet ċentrali mqajma minn dawn l-appelli, għandha tiġi enfasizzata l-eżistenza ta’ diversi motivi li l-ammissibbiltà tagħhom tidher dubjuża. Dan huwa l-każ tal-motiv ibbażat fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni tar-riskju ekonomiku inerenti invokat mill-appellanti fil-Kawża C‑13/13 P, kif ukoll dak ibbażat fuq ksur tad-dritt fundamentali għall-proprjetà, invokat mill-appellanti fil-Kawża C‑12/13 P.

36.      Fl-ewwel każ, in-nota tal-appellanti tikkontesta l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali rigward ir-rwol tal-kwoti, l-eżistenza ta’ dritt suġġettiv u l-prevedibbiltà tal-eżawriment tal-kwota. Madankollu, dan il-motiv ma jidhirx li tqajjem b’mod awtonomu, minħabba li jkompli mal-motiv preċedenti, li jiffoka fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att legali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sa fejn dan il-motiv jirriproduċi argumenti diġà preżenti f’aggravji oħra tal-appell, nikkunsidra li dan għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

37.      L-istess japplika għall-motiv invokat fil-Kawża C‑12/13 P, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali. L-appellanti jiffokaw l-argumenti tagħhom fuq id-dritt fundamentali għall-proprjetà sabiex juru n-natura li jista’ jiġi kkumpensat tad-dannu. Madankollu, din hija preċiżament il-kwistjoni diskussa fil-motiv ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att illegali. Għalhekk, u għall-istess raġuni mogħtija fil-punt preċedenti, nipproponi li dan l-aggravju jiġi ddikjarat inammissibbli.

B.      Fuq l-aggravju bbażat fuq il-locus standi tas-STM dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (C‑13/13 P)

38.      Is-STM jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli applikat b’mod żbaljat ir-rekwiżiti ta’ locus standi applikabbli għall-persuni ġuridiċi fil-kuntest ta’ rikorsi għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Is-STM jikkunsidra li, meta analizzat l-ammissibbiltà tar-rikors tiegħu, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti fil-proċess, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-missjoni tas-STM li jħares l-interess ġenerali u ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura awtonoma tad-dannu sostnut minnu.

39.      Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan il-motiv għandha titfakkar fil-qosor il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni.

40.      Mis-sentenza Union Syndicale et vs Il-Kunsill (12), il-Qorti tal-Ġustizzja titlob li l-persuni ġuridiċi li jitolbu l-kumpens għal danni li jirriżultaw minn att tal-Komunitajiet jagħtu prova tan-natura awtonoma ta’ dan id-dannu. Dan ifisser li persuna ġuridika ma tistax titlob kumpens għal danni sostnuti kollettivament mill-membri tagħha, iżda biss għad-dannu speċifiku sostnut b’mod individwali mill-imsemmija persuna ġuridika (13).

41.      Barra minn hekk, deher biċ-ċar każ ipotetiku ieħor mis-sentenza Ireks-Arkady vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (14), li ppermetta lill-persuni ġuridiċi jeżerċitaw rikors għad-danni wkoll meta jkunu rċevew trasferiment tad-dritt għal kumpens. F’każ bħal dan, jitqies li l-benefiċjarju huwa allura l-persuna ġuridika li rċeviet it-trasferiment u mhux il-persuna li tittrasferixxi, u għalhekk jinfetħu l-opportunitajiet tal-locus standi għal dik il-persuna (15).

42.      Filwaqt li huwa minnu li huwa r-rikorrent li għandu jagħti prova li dawn ir-rekwiżiti ġew issodisfatti, għandha tiġi enfasizzata wkoll, fil-kuntest speċifiku tar-rikors għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni, ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-ewwel rekwiżit ta’ locus standi (in-natura awtonoma tad-dannu) u wieħed mir-rekwiżiti sostantivi li jagħtu lok għar-responsabbiltà (in-natura reali u ċerta tad-dannu). Jirriżulta li l-ħtieġa ta’ dannu awtonomu, bħala rekwiżit għal locus standi, tikkoinċidi mar-rekwiżit li d-dannu jkun reali u ċert. Jekk l-oneru tal-prova marbut mal-awtonomija tad-dannu jkun ta’ ħafna piż, ikun hemm riskju li finalment tintalab xi ħaġa simili għal dannu reali u ċert. Għalhekk, huwa importanti li ssir separazzjoni taż-żewġ mumenti li fihom il-persuna ġuridika għandha tagħti prova, minn naħa, tan-natura awtonoma tad-dannu u, min-naħa l-oħra, tan-natura reali u ċerta tiegħu. Inkella, ikun hemm riskju li r-rekwiżiti għal locus standi jinbidlu f’rekwiżiti sostantivi, li għandu assolutament jiġi evitat sabiex l-appellant ma jkollux oneru tal-prova eċċessiv li jwassal biex jimpedixxi l-aċċess tiegħu għall-ġustizzja.

43.      F’dan il-każ, is-STM jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddikjarat li l-ebda wieħed minn dawn ir-rekwiżiti ma ġie ssodisfatt.

44.      F’dak li jirrigwarda r-rekwiżit marbuta mal-kwalità ta’ persuna li tagħmel it-trasferiment tad-dritt għal kumpens, il-Qorti Ġenerali għandha raġun tafferma li r-rikors tas-STM huwa ta’ natura awtonoma meta mqabbel mar-rikorsi individwali ppreżentati mill-appellanti individwali f’din il-kawża. Fil-każ kuntrarju, l-appellanti ma kinux jippreżentaw azzjonijiet individwali paralleli għal dik ippreżentata mis-STM. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddikjarat, fil-punti 24 sa 27 tas-sentenza appellata, li s-STM ma kienx qed jaġixxi bħala ċessjonarju tad-drittijiet għal kumpens ta’ x’uħud mill-membri tiegħu.

45.      Għandha tingħata iktar attenzjoni għar-rekwiżit marbut man-natura awtonoma tad-dannu sosnut mill-persuna ġuridika. Fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-STM ma kienx ipprova d-dannu morali invokat.

46.      Fil-fatt, ir-rikors tas-STM ma jinkludi l-ebda indikazzjoni dwar id-dannu sostnut minnu. L-uniku riferiment fl-att promotur jinstab fil-konklużjonijiet finali, li jinkludu l-petitum, li magħhom tiżdied it-talba għal kumpens favur STM għal dannu morali, għal somma f’daqqa ta’ EUR 30 000, li se jiġu investiti fi programmi ta’ taħriġ għall-membri tas-STM.

47.      Ovvjament, is-sempliċi riferiment għall-eżistenza ta’ dannu morali, mingħajr l-ebda indikazzjoni oħra fuq iċ-ċirkustanzi preċiżi ta’ dan id-dannu, ma tistax twassal biex jingħata kumpens għad-dannu. Madankollu, fid-dawl tar-rikors, inqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba nuqqas ta’ locus standi tas-STM, għaliex id-difett li bih kienet ivvizzjata n-nota kien tant sinjifikanti li kien pjuttost jaffettwa r-rikors innifsu.

48.      Kif huwa stabbilit, l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jeżiġi, fost kundizzjonijiet oħra, li r-rikors għandu jinkludi “is-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa”. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-rekwiżit jiġġustifika l-inammissibbiltà tar-rikors, iżda mhux l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba nuqqas ta’ locus standi, kif ġie indikat f’okkażjonijiet oħra.

49.      F’din il-kawża, l-inammissibbiltà ma tistax taffettwa r-rikors minħabba nuqqas ta’ locus standi. Fil-fatt, ma hijiex magħrufa n-natura tad-dannu morali sostnut mis-STM, peress li dan tal-aħħar ma għamilx riferiment għaliha fir-rikors tiegħu. Ir-rikors tas-STM għandu jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba nuqqas ta’ locus standi jekk, ladarba jiġu esposti d-dannu u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tiegħu, ikun hemm nuqqas ċar ta’ elementi ta’ prova. Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikors mhux biss ma jagħmilx dikjarazzjoni dwar il-prova, iżda lanqas jagħmel riferiment għad-dannu fih innifsu, u dan jagħmilha diffiċli li tiġi evalwata l-ammissibbiltà tar-rikors.

50.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-motivi u tiddikjara li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat l-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mis-STM, għaliex, finalment, l-inammissibbiltà tar-rikors kellha tiġi ddikjarata minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

51.      Madankollu, peress li r-riżultat li twassal għalih din il-konklużjoni ma jbiddilx ir-riżultat milħuq fl-ewwel istanza, l-aggravju invokat mis-STM għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti.

C.      Fuq l-aggravju bbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att illegali (C‑12/13 P)

1.      Fuq l-aggravju bbażat fuq il-klassifikazzjoni tad-dannu

52.      L-appellanti fil-Kawża C‑12/13 P jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li d-dannu sostnut minnhom ma kienx “ċert”. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx b’mod korrett in-nuqqas ta’ qligħ jew, alternattivament, it-telf ta’ opportunità sostnut bħala riżultat tar-Regolament Nru 530/2008. Skont l-appellanti, il-fatt li r-Regolament stess jenfasizza li l-appellanti kienu eżawrew il-kwota tagħhom fl-istaġuni preċedenti, kif ukoll il-fatt li l-bastimenti Spanjoli bil-purse seines tat-tonn kienu eżawrew il-kwoti tagħhom matul il-ġimgħa addizzjonali li ngħatatilhom, huma elementi biżżejjed biex jikkonfermaw l-eżistenza ta’ dannu “ċert”.

53.      Preliminarjament, il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa inammissibbli, peress li jittratta kwistjoni ġdida li ma kinitx inkluża fir-rikors fl-ewwel istanza. Fuq il-mertu, il-Kummissjoni tiċħad dan l-approċċ u ttenni l-pożizzjoni li hija ddefendiet fl-ewwel istanza, ibbażata prinċipalment fuq in-nuqqas ta’ dritt għall-eżawriment tal-kwota, li jagħmilha impossibbli li jiġi kkawżat id-dannu. Dan il-fatt waħdu jiġġustifika l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, peresss li d-dannu sostnut ma kienx “ċert”.

54.      Rigward l-ammissibbiltà tal-motiv, ma għandix dubju li l-motiv huwa perfettament ammissibbli, peress li ma humiex il-partijiet li unilateralment estendew il-motivi tar-rikors tagħhom, iżda din l-estensjoni saret mill-Qorti Ġenerali wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża AJD Tuna. Fuq il-bażi ta’ din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet biex jieħdu pożizzjoni bil-miktub u oralment waqt is-seduta, peress li f’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat l-invalidità tar-Regolament Nru 530/2008. Għalhekk, nikkunsidra li l-estensjoni tal-motivi fl-ewwel istanza, issa riflessa f’dan l-appell, saret b’mod korrett, u għalhekk ma għandhiex tiġi ddikjarata inammissibbli.

55.      Meta nqis l-mertu, inqis li biex jiġi indirizzat dan il-motiv biżżejjed li nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑611/12 P, iċċitata iktar ’il fuq, speċifikament fil-punti 38 sa 69, fejn nanalizza fid-dettall in-natura kumpensabbli ta’ telf ta’ opportunità. Għar-raġunijiet esposti f’dawn il-konklużjonijiet, li japplikaw perfettament għal dan l-appell, peress li s-sentenzi appellati fiż-żewġ kawżi ddeċidew b’termini identiċi u abbażi tal-istess argumenti, inqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

56.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-motiv invokat mill-appellanti fil-Kawża C‑12/13 P, ibbażat fuq żball fl-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, rigward in-natura “ċerta” tad-dannu sostnut mill-appellanti.

D.      Fuq l-aggravju bbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att legali (C‑12/13 P u C‑13/13 P)

57.      Kemm l-appellanti fil-Kawża C‑12/13 P kif ukoll l-appellanti individwali fil-Kawża C‑13/13 P isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li r-Regolament 530/2008 ma jikkostitwixxix restrizzjoni li tirrappreżenta dannu “mhux normali” u “speċjali”.

58.      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li se nirreferi għall-motiv imqajjem fil-Kawża C‑13/13 P biss f’dak li jirrigwarda l-appellanti individwali, għaliex, kif diġà indikajt, inqis, bil-kwalifikazzjonijiet esposti, li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tiddikjara r-rikors tas-STM bħala inammissibbli.

59.      Insostenn tat-talba tagħhom, l-appellanti fil-Kawża C‑12/13 P, jirreferu fil-qosor għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fil-Kawża FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (16). Fil-każ tal-appellanti individwali fil-Kawża C‑13/13 P, dawn jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli qieset li l-pussess ta’ kwota ma huwiex ekwivalenti għall-pussess ta’ dritt suġġettiv, talli applikat b’mod inkorrett il-kunċett ta’ “riskju ekonomiku inerenti” u talli żnaturat il-funzjoni tal-kwota.

60.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata, fil-punti relatati mar-responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba att legali, toħloq problema ta’ interpretazzjoni għaliex ma huwiex ċar jekk il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxix l-eżistenza ta’ tali responsabbiltà jew le. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li tissostitwixxi l-motivi u li l-Qorti tiċħad l-appell billi tillimita ruħha li tikkonstata l-assenza ta’ din ir-responsabbiltà jew billi tiddikjara li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura mhux normali tad-dannu kienet superfluwa.

61.      Sabiex tiġi ttrattata l-kwistjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att legali, għandu jsir riferiment prinċipalment għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-Kawżi Dorsch Consult (17) u FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. F’dawk il-kawżi, u mingħajr ma huwa meħtieġ li nirriproduċi l-kontenut tagħhom fid-dettall, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk tali responsabbiltà kellha tiġi rikonoxxuta fil-prinċipju tagħha, huwa meħtieġ mill-inqas li jiġu ssodisfatti tliet rekwiżiti kumulattivi, li jikkonsistu fir-realtà tad-dannu, ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-att ikkonċernat u n-natura mhux normali u speċjali ta’ dan id-dannu (18)

62.      Għandu jiġi enfasizzat li r-raġunament tas-sentenzi Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni u FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, huwa ta’ natura ipotetika. Dan ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddikjarax l-eżistenza ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea minħabba att legali, iżda ssemmi r-rekwiżiti tagħha fil-każ li din ir-responsabbiltà kellha teżisti fid-dritt tal-Unjoni. Is-sentenza FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, mogħtija tmien snin wara s-sentenza Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, tikkonferma b’mod assolutament kategoriku n-natura ipotetika ta’ dan it-tip ta’ responsabbiltà.

63.      Jidher leġittimu li wieħed jistaqsi għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirraġuna b’dawn it-termini. Inqis li r-risposta tinsab fil-ġurisprudenza qabel is-sentenzi Dorsch Consult u FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni.

64.      Fil-fatt, fis-snin sebgħin, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tagħti deċiżjoni dwar il-possibbiltà li dik li f’dak iż-żmien kienet il-Komunità Ekonomika Ewropea tkun responsabbli għal att legali, speċifikament fil-Kawża Compagnie d’approvisionnement, de transport et de crédit SA y Grands Moulins de Paris vs Il-Kummissjoni F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat motiv ibbażat fuq responsabbiltà minħabba att legali, fejn iddikjarat li tali responsabbiltà “eventwali”, li tirriżulta minn “att leġiżlattiv legali” (19) ma tistax tiġi prevista f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni. Hemmhekk tibda l-ambigwità dwar id-definizzjoni tal-portata tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba att legali, għaliex il-fatt li jsir riferiment għaliha bħala responsabbiltà “eventwali” juri n-nuqqas ta’ ċertezza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

65.      Dan ir-raġunament taħt il-forma ta’ ipoteżi tkompla fil-Kawża Biovilac vs KEE, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li responsabbiltà għal att legali “għandha tiġi applikata fil-każ li d-dritt Komunitarja jippermetti sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas” (20). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tevita li tispeċifika jekk sistema bħal din kinitx teżisti jew le fiż-żmien li fih tat is-sentenza. L-istess approċċ ġie adottat fis-sentenza Développement u Clemessy vs Il-Kummissjoni, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tinsisti mill-ġdid li “[ma huwiex] meħtieġ li jiġi eżaminat jekk tali prinċipju ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas jeżistix fl-ordinament ġuridiku Komunitarju” (21).

66.      B’dan il-mod naslu għall-Kawża Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għal darb’oħra tittratta din il-kwistjoni, iżda issa, wara l-ħolqien tal-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ appell. Fuq il-kwistjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba att legali, il-Qorti Ġenerali ħadet approċċ simili ħafna għal dak espost fil-punti preċedenti, u kkonkludiet li ma kienx hemm responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba att legali, iżda billi bbażat ruħha, bħall-Qorti tal-Ġustizzja fil-passat, fuq raġunament ipotetiku, “fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ dan il-rikors” (22). Il-Qorti tal-Ġustizzja, quddiem raġunament ta’ dan it-tip, ma qajmet l-ebda oġġezzjoni u kkonfermat b’mod sħiħ is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, filwaqt li fakkret għal darb’oħra li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba att legali għadha kategorija li l-eżistenza tagħha ma hijiex ikkonfermata (23).

67.      Fil-Kawża FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (24), il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat li kien wasal iż-żmien li ssir dikjarazzjoni li tirrikonoxxi l-eżistenza tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att legali. Madankollu, fir-risposta tagħha għall-appell mis-sentenza ċċitata, il-Qorti tal-Ġustizzja rrettifikat dan l-iżvilupp tal-Qorti Ġenerali billi affermat litteralment li “fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, ma teżistix sistema ta’ responsabbiltà li tippermetti r-responsabbiltà tal-Unjoniminħabba aġir li jifforma parti mill-isfera ta’ kompetenza leġiżlattiva tagħha” (25).

68.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, issa għandu jiġi analizzat il-mod li bih il-Qorti Ġenerali applikat din il-ġurisprudenza fis-sentenza appellata.

69.      Il-Qorti Ġenerali tibda billi tiddeskrivi fid-dettall, fil-punti 69 sa 75 tas-sentenza appellata, il-linji ġenerali tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni. Għalkemm huma rriprodotti diversi estratti minn din is-sentenza, għandu jiġi enfasizzat li fl-ebda mument ma jsir riferiment għall-punt 176 tal-imsemmija sentenza, jiġifieri, it-test fejn il-Qorti tal-Ġustizzja teskludi b’mod kategoriku li, għalissa, teżisti responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att legali.

70.      Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli biex tagħti risposta direttament għall-mistoqsija dwar jekk, f’dan il-każ, l-Unjoni esponietx ruħha għal responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba att legali. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali tiffoka fuq ir-rekwiżit tan-natura mhux normali tad-dannu allegatament subit, u tasal għall-konklużjoni li ma sar ebda dannu b’dawn il-karatteristiċi.

71.      Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, tqis li, effettivament, ma ġewx issodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa biex l-Unjoni “tkun tista’, jekk ikun il-każ” ikollha responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba att legali. Din il-klawżola kundizzjonali hija l-uniku indikazzjoni li tipprovdi l-Qorti Ġenerali biex tiċċara li s-sentenza ma tirrikonoxxix ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att legali, iżda tevalwa biss l-allegazzjoni tal-appellanti f’kuntest ipotetiku, dik ta’ protezzjoni futura, iżda mhux preżenti, tal-preżunzjonijiet ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att legali.

72.      Għalkemm is-sentenza appellata għandu mnejn għandha ċerta ambigwità, ma hemmx dubju li hija konformi mal-ġurisprudenza preċedenti. Effettivament, dan il-mod ta’ raġunament ipotetiku żviluppat mis-snin sebgħin jista’ jwassal għal nuqqas ta’ ċarezza, iżda huwa manifest li jikkostitwixxi l-metodu argumentattiv li bih il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat il-kwistjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att legali. Ikun għaldaqstant kontradittorju li wieħed jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli tuża tali raġunament ipotetiku, meta l-Qorti tal-Ġustizzja nfisha ilha tagħmel dan għal deċennji sħaħ.

73.      Bażikament, għandu jiġi rikonoxxut li l-analiżi li tagħmel il-Qorti Ġenerali tan-natura “mhux normali” tad-dannu tikkostitwixxi tip ta’ risposta superfluwa. F’dan is-sens, u minn din il-perspettiva, huwa ċert li f’dan il-kuntest l-appellanti, li jitolbu kumpens għad-danni kollha sostnuti bħala riżultat tar-Regolament 530/2008, ma wrewx in-natura “mhux normali” tal-imsemmi dannu. Barra minn hekk, dan huwa dannu kkwalifikat, li mhux identifikat bħala sempliċi telf ta’ kwota tas-suq, kif indikat ġustament il-Qorti Ġenerali li tirreferi għal ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Preċiżament il-funzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2371/2002 ma hija xejn għajr li tiggarantixxi l-ekwilibriju bejn il-protezzjoni tar-riżorsi marittimi u l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika. Fil-kuntest speċifiku ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba att legali, differenti sew minn dak tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba att illegali, diffiċli li jiġi kkunsidrat bħala “mhux normali” dannu li jkun seħħ bħala riżultat tal-eżerċizzju leġittimu, mill-Kummissjoni, ta’ setgħa prevista mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa għandu jkun ibbażat fuq kriterji tekniċi li, kif sostniet il-Kummissjoni, kienu debitament ippreżentati fil-proċess fil-mument tad-deċiżjoni tal-projbizzjoni.

74.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, u biex nikkonkludi, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-appellanti ma kinux sostnew dannu “mhux normali”, fil-każ li tiġi rikonoxxuta responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att legali.

75.      Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

VI.    Soluzzjoni definittiva tat-tilwima (C‑12/13 P)

76.      Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja “[j]ekk l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali” u tista’ “hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża”.

77.      Fil-fehma tiegħi, fil-Kawża C‑12/13 P il-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tiddeċiedi parzjalment it-tilwima.

78.      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għall-aġir illegali tal-istituzzjonijiet u l-korpi tagħha, huwa rikonoxxut dritt għal kumpens meta jiġu ssodisfatti tliet rekwiżiti, jiġifieri, li d-dispożizzjoni legali miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi u li ksur tagħha ikun suffiċjentement serju, li r-realtà tad-dannu tkun ġiet ipprovata u, fl-aħħar nett, li jkun hemm rabta kawżali diretta bejn il-ksur imputabbli lill-Unjoni u d-dannu sostnut mill-persuni leżi (26).

A.      Dispożizzjoni legali li l-għan tagħha huwa li tagħti drittijiet lill-individwi u li l-ksur tagħha huwa suffiċjentement serju

79.      Kif diġà esponejt, din il-kawża hija kkaratterizzata mill-fatt li d-dispożizzjoni legali miksura ma hija xejn għajr il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha AJD Tuna. Il-ġurisprudenza tagħna hija abbundanti f’dan ir-rigward, u l-preġudizzju ta’ dan il-prinċipju kruċjali huwa biżżejjed biex l-Unjoni tqis li l-ksur huwa evidenti serju (27).

80.      Issa, l-unika dispożizzjoni legali miksura huwa l-prinċipju ċċitat hawn fuq, u l-ebda wieħed minn dawk invokati mill-appellanti fil-Kawża C‑12/13 P, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li teżamina l-eventwali ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, tal-aspettattivi leġittimi jew tal-proprjetà, fost oħrajn, li r-Regolament Nru 530/2008 seta’ jikkawża. L-uniku difett li jista’ jiġi attribwit lil dan ir-regolament, wara analiżi bir-reqqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża AJD Tuna ċċitata iktar ’il fuq, huwa dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità. Bi ksur ta’ dan il-prinċipju, l-appellanti ġew imġiegħla jeżerċitaw l-attivitajiet tas-sajd tagħhom għal ġimgħa inqas mill-bastimenti bil-purse seines li jtajru l-bandiera Spanjola.

81.      Għalhekk, hija ssodisfatta l-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ dispożizzjoni legali miksura li l-għan tagħha huwa li tagħti drittijiet lill-individwi u li l-ksur tagħha huwa suffiċjentement serju.

B.      Ir-rabta kawżali diretta bejn il-ksur imputabbli lill-Unjoni u d-dannu sostnut mill-persuna leża

82.      Bl-istess mod, inqis li teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur imputabbli lill-Unjoni u d-dannu sostnut mill-persuni leżi, għaliex huwa ċar li huwa biss ir-Regolament 530/2008 li huwa l-kawża tal-interruzzjoni imprevedibbli tal-attivitajiet tal-appellanti fil-Kawża C‑12/13 P.

83.      Madankollu, huwa importanti li tiġi introdotta kwalifikazzjoni li tinfluwenza l-portata tar-responsabbiltà.

84.       L-illegalità li kkawżat id-dannu lill-appellanti fil-Kawża C‑12/13 P hija, kif diġà esponejt, il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, li jirriżulta mit-trattament differenti mhux ġustifikat tal-bastimenti bil-purse seines li jtajru bandiera Spanjola u ta’ dawk li jtajru bandieri oħrajn. Peress li l-bastimenti bil-purse seines Spanjoli gawdew ġimgħa supplementari tal-istaġun, l-imsemmija appellanti ġew imċaħħda minn perijodu prezzjuż ta’ attività, filwaqt li bastimenti oħrajn setgħu jieħdu benefiċċju minnu.

85.      Peress li r-responsabbiltà invokata mill-appellanti hija bbażata fuq att illegali, u peress li fil-punt preċedenti eskludejt l-eżistenza ta’ difetti oħrajn li jwasslu għall-illegalità tar-Regolament Nru 530/2008, inqis li hemm biss rabta kawżali waħda bejn l-att li jikkostitwixxi d-diskriminazzjoni, jiġifieri, il-ġimgħa ta’ sajd addizzjonali li gawdew il-bastimenti bil-purse seines li jtajru l-bandiera Spanjola, u d-dannu sostnut. Id-diskriminazzjoni ddikjarata illegali mill-Qorti tal-Ġustizzja qiegħdet lill-appellanti f’sitwazzjoni agħar biss għal ġimgħa, iżda mhux matul il-ġimgħa ta’ wara, fejn il-bastimenti kollha bil-purse seines, inklużi dawk Spanjoli, ma kellhomx permess iwettqu l-attività tagħhom.

86.      Il-fatt li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija bbażata essenzjalment fuq l-illegalità tad-dannu, kif invokaw l-appellanti f’din il-kawża jwassal għalhekk neċessarjament sabiex ir-rabta kawżali tkun limitata li torbot l-fatti illegali mad-danni sostnuti, iżda mhux fatti oħrajn mal-illegalità, minkejja li jistgħu jkunu marbutin mill-qrib maċ-ċirkustanzi tal-kawża. Peress li l-illegalità kkonstatata tirrigwarda l-ġimgħa li fiha l-appellanti ġew preklużi, inġustament, milli jwettqu l-attività ekonomika tagħhom, dan huwa l-perijodu rilevanti għall-finijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba att illegali.

87.      Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tillimita r-rabta kawżali għall-perjodu bejn is-16 u t-23 ta’ Ġunju 2008, li fih ir-Regolament Nru 530/2008 pprojbixxa illegalment l-attività tas-sajd tal-appellanti, iżda mhux għall-bastimenti bil-purse seines Spanjoli.

88.      Konsegwentement, hija ssodisfatta l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn il-ksur imputabbli lill-Unjoni u d-dannu sostnut mill-persuna leża, sakemm id-dannu jkun limitat għall-perjodu bejn is-16 ta’ Ġunju u t-23 ta’ Ġunju 2008.

C.      Dannu reali u ċert

89.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi stabbilit jekk ingħatatx prova tar-realtà tad-dannu, li għandu jkun reali u ċert.

90.      Kif diġà esponejt fil-punti 49 sa 61 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Giordano, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet diversi drabi li n-natura ċerta ta’ dannu ma għandhiex neċessarjament tkun assoluta, peress li tali natura tista’ tkun stabbilita fil-każ ta’ telf serju ta’ opportunità, ikkawżat direttament minn att illegali tal-Unjoni. F’dan l-istadju, mhux se nirrepeti dak li spjegajt fid-dettall fil-punti 38 sa 69 tal-konklużjonijiet fil-Kawża Giordano, iżda biżżejjed li jiġi mfakkar hawnhekk li telf serju ta’ opportunità jikkostitwixxi dannu reali u ċert li jista’ jiġi kkumpensat.

91.      Mill-proċess jirriżulta li l-appellanti fil-Kawża C‑12/13 P kellhom liċenzja tas-sajd li kienet tawtorizzahom jeżerċitaw attività ekonomika sat-30 ta’ Ġunju 2008. Barra minn hekk, il-kwoti tas-sajd ta’ bastimenti bħal dawk tal-appellanti, bħala regola ġenerali, kienu ġew eżawriti fis-snin preċedenti, u dan ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni.

92.      Minbarra dan, il-fatt li kien hemm indikazzjonijiet serji f’dan is-sens li r-riżorsi tas-sajd ġew eżawriti qabel id-data ta’ tmiem l-istaġun jidher li ma pprekludiex lill-bastimenti bil-purse seines li jtajru l-bandiera Spanjola milli jkomplu jistadu bejn is-16 u t-23 ta’ Ġunju 2008, inkluż fl-istess ilmijiet li fihom jistadu normalment il-bastimenti bil-purse seines li jtajru l-bandiera Franċiża, bħal dawk tal-appellanti fil-Kawża C‑12/13 P.

93.      Huwa preċiżament minħabba li t-telf ta’ opportunità ma jkoprix l-ammont sħiħ tat-telf fil-qligħ li l-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni sempliċement jikkonfermaw li l-probabbiltà li l-appellanti jkomplu jisfruttaw il-kwoti tagħhom matul il-ġimgħa bejn is-16 u t-23 ta’ Ġunju 2008 ma kinitx assoluta, iżda dan ma jnaqqas xejn min-natura serja tal-opportunità mitlufa.

94.      Madankollu, il-partijiet fl-ewwel istanza ma kellhomx l-opportunità li jiddiskutu fid-dettall il-possibbiltajiet preċiżi ta’ qligħ tal-appellanti fil-Kawża C‑12/13 P bejn il-jiem iċċitati fis-sena 2008. Din il-kwistjoni, marbuta mill-qrib mal-kwantifikazzjoni tad-dannu sostnut, ma ġietx diskussa fit-termini esposti f’dan il-każ matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

95.      Konsegwentement, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrinvija parzjalment il-każ lill-Qorti Ġenerali, sabiex din tiddeċiedi, fid-dawl tal-argumenti esposti hawn fuq, dwar il-kwantifikazzjoni preċiża tad-dannu sostnut mill-appellanti.

VII. Fuq l-ispejjeż

A.      Fil-Kawża C‑12/13 P

96.      Minkejja li nipproponi li l-kawża tiġi rrinvijata parzjalment lill-Qorti Ġenerali, nikkunsidra li l-kwistjoni prinċipali ta’ dan l-appell ġiet riżolta fl-aspetti prinċipali tagħha. Għalhekk, u skont l-Artikoli 138(1) u 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza (li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2012 fil-Kawża T‑574/08) kif ukoll għall-ispejjeż ta’ dan l-appell.

B.      Fil-Kawża C‑13/13 P

97.      Skont l-Artikolu 138(1) u 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-aggravji tal-appellanti ġew miċħuda, hemm lok li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

VIII. Konklużjoni

98.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

Fil-Kawża C‑12/13 P

1)         tannulla d-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2012, Syndicat des thoniers méditerranéens et vs Il-Kummissjoni (T‑574/08), biss sa fejn jirreferi għall-motiv ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea għal att illegali, kif espost fil-punti 48 sa 66 tal-imsemmija sentenza;

2)         tilqa’ r-rikors għad-danni mhux kuntrattwali u tiddikjara r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba l-adozzjoni tar-Regolament Nru 530/2008, peress li ngħatat prova li l-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma ssodisfatti;

3)         tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni fuq il-kwantifikazzjoni tad-dannu sostnut mill-appellanti; u

4)         tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza (Kawża T‑574/08 li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2012) u tal-appell.

Fil-Kawża C‑13/13 P

1)         tiċħad l-appell;

2)         tikkundanna lis-Syndicat des thoniers méditerranéens, Marc Carreno, Jean Louis Donnarel, Jean-François Flores, Gérald Jean Lubrano, Hervé Marin, Nicolas Marin, Sébastien Marin u Serge Antoine José Perez għall-ispejjeż tal-appell.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Regolament tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2007 (ĠU L 123, p. 3).


3 – Regolament tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 340, p. 8)


4 – Regolament tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 460).


5 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/2008, tas-16 ta’ Jannar 2008, li jistabbilixxi għall-2008 l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kondizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u, għal bastimenti Komunitarji f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta’ qbid (ĠU L 19, p. 1).


6 – Regolament tat-22 ta’ Mejju 2008, li jadatta ċerti kwoti tat-tonn fl-2008 skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (ĠU L 134, p. 11).


7 – Regolament tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 155, p. 9).


8 – Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011 (C‑221/09, Ġabra p. I‑1655).


9 – Digriet tas-7 ta’ Settembru 2010 (T‑532/08, Ġabra p. II‑3959).


10 – Digriet tas-7 ta’ Settembru 2010 (T‑539/08, Ġabra p. II‑4017).


11      Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2005 (T‑415/03, p. 4355).


12 – Sentenza tat-18 ta’ Marzu 1975 (72/74, Ġabra p. 401).


13 – Fl-istess sens, ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 1984, Société d’initiatives et de coopération agricoles u Société interprofessionnelle des producteurs et expéditeurs de fruits, légumes, bulbes et fleurs d’Ille-et-Vilaine vs Il-Kummissjoni (114/83, Ġabra p. 2589), punti 3 sa 5.


14      Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1979 (238/78, Ġabra p. 2955).


15 – F’dan is-sens, ara s-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 1982, Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (256/80, 257/80, 265/80, 267/80, 5/81, 51/81 u 282/82, Ġabra p. 3693, punti 8 sa 14). Fl-istess sens, ara d-Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Novembru 1996, Syndicat des producteurs de viande bovine et vs Il-Kummissjoni (T‑53/96, Ġabra p. II‑1579, punt 11).


16 – Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008 (C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513).


17 – Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult (C‑237/98, Ġabra p. I‑4549).


18 – Sentenzi Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punt 19) u FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punt 169).


19 –      Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1972 (9/71 u 11/71, Ġabra p. 391, punt 46).


20 – Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1984, Biovilac vs KEE (59/83, Ġabra p. 4057, punt 28).


21 –      Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1986 (267/82, Ġabra p. 1907, punt 33).


22 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1998, Dorsch Consult Ingenieurgesellschaft vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑184/95, Ġabra p. II‑667, punt 69).


23 – Sentenza Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 18): “fil-każ li jiġi rikonoxxut il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Komunità fid-dritt Komunitarju minħabba att legali, din ir-responsabbiltà tippresupponi [...]”.


24 – Sentenza tal-14 ta’ Diċembru (T‑69/00 P, Ġabra p. II–5393).


25 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punt 176.


26 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni (C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punt 42); tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico (C‑312/00 P, Ġabra p. I‑11355, punt 53); u tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs Fresh Marine (C‑472/00 P, Ġabra p. I‑7541, punt 25).


27 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1978, HNL et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (83/76 u 94/76, 4/77, 15/77 u 40/77, Ġabra p. 1209, punt 5); Ireks-Arkady (iċċitata iktar ’il fuq, punt 11); tal-15 ta’ Settembru 1982 Kina vs KEE (106/81, Ġabra p. 2885, punti 22 sa 25); u tat-18 ta’ April 1991, Assurances du crédit vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑63/89, Ġabra p. I‑1799, punti 14 sa 23).