Language of document : ECLI:EU:F:2012:98

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

12 ta’ Lulju 2012

Kawża F‑22/11

Rosella Conticchio

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Pensjonijiet — Kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-pensjoni — Klassifikazzjoni fi skala — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Ammissibbiltà”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih R. Conticchio titlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni dwar il-likwidazzjoni tal-pensjoni ta’ anzjanità tagħha.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud, parzjalment, bħala manifestament inammissibbli u parzjalment, bħala manifestament infondat. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Sommarju

Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Rendikont tar-remunerazzjoni — Inklużjoni għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ azzjoni ġudizzjarja — Kundizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

Dikjarazzjoni ta’ remunerazzjoni, min-natura u l-għan tagħha, ma għandhiex, bħala tali, il-karatteristiċi ta’ att li jikkawża preġudizzju peress li din sempliċement tittraduċi fi kliem pekunjarji l-portata tad-deċiżjonijiet legali preċedenti, dwar is-sitwazzjoni tal-uffiċjal. Għaldaqstant, il-veru att li jikkawża preġudizzju huwa d-deċiżjoni meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra li tnaqqas jew li twaqqaf pagament li kien igawdi minnu membru tal-persunal s’issa u li kien indikat fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ remunerazzjoni tiegħu.

Minkejja dan, xorta jibqa’ l-fatt li, fuq il-livell tad-dritt tal-proċedura, id-dikjarazzjoni ta’ remunerazzjoni tista’ tikkostitwixxi att li jipproduċi effetti legali preċiżi fuq id-destinatarju tagħha. B’mod partikolari, l-għoti tad-dikjarazzjoni ta’ remunerazzjoni ta’ kull xahar għandu l-effett li jibda jiddekorri t-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni amministrattiva meta din id-dikjarazzjoni tindika b’mod ċar l-eżistenza ta’ din id-deċiżjoni. Għaldaqstant hija d-dikjarazzjoni ta’ remunerazzjoni ta’ kull xahar li turi l-eżistenza ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni fi skala ta’ uffiċjal.

(ara l-punti 26 u 27)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 27 ta’ Ġunju 1989, Giordani vs Il‑Kummissjoni, 200/87, punti 13 u 14

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 ta’ April 2008, Pickering vs Il‑Kummissjoni, F‑103/05, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata.