Language of document : ECLI:EU:F:2012:96

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

10 ta’ Lulju 2012

Kawża F‑4/11

AV

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz Pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Riżerva medika — Applikazzjoni retroattiva tar-riżerva medika — Opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu AV jitlob l-annullament tad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni Ewropea bl-applikazzjoni kontrih tar-riżerva medika prevista fl-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-Impjieg”) kif ukoll tad-deċiżjoni li tirrifjutalu l-benefiċċju tal-allowance tal-invalidità.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tat-12 ta’ April 2010 hija annullata. Id-deċiżjoni tas-16 ta’ April 2010 hija annullata. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn AV.

Sommarju

Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Eżami mediku — Obbligu li jaqa’ fuq kandidat li jirrispondi għad-domandi magħmula — Konsegwenzi ta’ dikjarazzjonijiet mhux eżatti jew mhux kompluti — Ġustifikazzjoni tal-applikazzjoni retroattiva ta’ riżerva medika — Kundizzjoni — Riferiment minn qabel lill-uffiċjal mediku

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 32)

Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra li, għalkemm l-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg tista’ tiddeċiedi li tagħti lil membru tal-persunal li jsofri minn mard jew invalidità, benefiċċji ggarantiti f’każ ta’ invalidità jew mewt biss wara perijodu ta’ ħames snin mid-data ta’ meta jidħol fis-servizz tal-istituzzjoni fir-rigward tal-konsegwenzi li jirriżultaw mit-tali mard jew invalidità, din id-deċiżjoni tista’ tingħata biss fuq il-bażi ta’ opinjoni medika maħruġa mill-uffiċjal mediku jew, f’każ ta’ appell, mill-kumitat mediku, dwar il-kwistjoni jekk il-membru tal-persunal huwiex effettivament qed isofri minn mard jew invalidità li tista’, fid-dawl tal-konsegwenzi tagħha, tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ riżerva medika.

Fil-każ partikolari fejn, wara l-eżami mediku tar-reklutaġġ, ikun jidher li membru tal-persunal ma rrispondiex b’mod sinċier u komplet għad-domandi magħmula dwar l-istat ta’ saħħa tiegħu mill-uffiċjal mediku matul dan l-eżami, huwa possibbli għall-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ta’ ingaġġ li tirtira d-deċiżjoni inizjali tagħha li ma tapplikax ir-riżerva medika u li tieħu deċiżjoni ġdida fejn tapplika retroattivament din ir-riżerva. Madankollu, l-imsemmija awtorità ma hijiex inqas obbligata minn qabel li tosserva l-proċedura prevista fl-Artikolu 32 tal-imsemmija sistema, jiġifieri, minn naħa, li tirreferi lill-uffiċjal mediku biex dan tal-aħħar jagħti opinjoni dwar il-kwistjoni jekk il-mard jew l-invalidità kinitx tiġġustifika li l-ingaġġ tal-persuna kkonċernata jkun akkumpanjat minn riżerva medika, min-naħa l-oħra, tikkomunika lill-membru tal-persunal id-deċiżjoni li hija ħadet fuq il-bażi ta’ din l-opinjoni, biex il-membru tal-persunal ikun jista’, jekk ikun il-każ, jippreżenta appell quddiem il-Kumitat tal-Invalidità. Fil-fatt, din il-kwistjoni, li tippreżumi li jiġi ddeterminat jekk dan il-mard jew invalidità jistax iwassal għall-invalidità jew il-mewt tal-membru tal-persunal f’terminu ta’ ħames snin mid-data ta’ meta jidħol fis-servizz tal-istituzzjoni, hija kwistjoni ta’ natura medika u taqa’ taħt il-kompetenza stretta tal-uffiċjal mediku u, fuq appell, tal-Kumitat tal-Invalidità.

(ara l-punti 33 u 34)